EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32015O0011
Guideline (EU) 2015/855 of the European Central Bank of 12 March 2015 laying down the principles of a Eurosystem Ethics Framework and repealing Guideline ECB/2002/6 on minimum standards for the European Central Bank and national central banks when conducting monetary policy operations, foreign exchange operations with the ECB's foreign reserves and managing the ECB's foreign reserve assets (ECB/2015/11)
Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11)
Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11)
ĠU L 135, 2.6.2015, p. 23–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/05/2023; Imħassar b' 32021O2253
2.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 135/23 |
LINJA GWIDA (UE) 2015/855 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-12 ta' Marzu 2015
li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 127 u 128 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3, flimkien mal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5 u 16 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Eurosistema tagħti l-ikbar importanza lill-approċċ ta' governanza korporattiva li tpoġġi fil-qalba tal-Eurosistema r-responsabbiltà, it-trasparenza u l-ogħla standards etiċi. Il-konformità ma' dawn il-prinċipji hija element ewlieni għall-kredibbiltà tal-Eurosistema u hija essenzjali biex tiżgura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej. |
(2) |
F'dan l-isfond, jitqies li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas tal-etika għall-Eurosistema li jistabbilixxi standards etiċi li l-konformità magħhom tissalvagwardja l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tagħha kif ukoll il-kunfidenza pubblika fl-integrità u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“Qafas tal-Etika tal-Eurosistema”). Il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu jkun kompost minn din il-Linja Gwida li tistabbilixxi l-prinċipji, ġabra tal-aħjar prattiki dwar kif jiġu implimentati dawn il-prinċipji, u r-regoli u l-prattiki interni adottati minn kull bank ċentrali tal-Eurosistema. |
(3) |
Il-Linja Gwida BĊE/2002/6 (1) tistabbilixxi standards ta' etika minimi għall-banek ċentrali tal-Eurosistema meta jkunu qegħdin iwettqu operazzjonijiet tal-politika monetarja u operazzjonijiet tal-kambju ta' valuta barranija mar-riżervi barranin tal-Eurosistema, u meta jiġġestixxu l-assi ta' riżervi barranin tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi huwa meħtieġ li jiġu estiżi dawn l-istandards tal-etika minimi għat-twettiq tal-kompiti kollha mogħtija lill-Eurosistema sabiex jiġi żgurat li l-istess standards etiċi japplikaw għall-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal involuti fit-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema u sabiex tiġi mħarsa r-reputazzjoni tal-Eurosistema b'mod ġenerali. Il-Linja Gwida BĊE/2002/6 għandha għalhekk tiġi ssostitwita b'din il-Linja Gwida. |
(4) |
Barra minn hekk, l-istandards minimi eżistenti dwar il-prevenzjoni ta' użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2002/6 għandhom jiġu żviluppati iktar sabiex tissaħħaħ il-prevenzjoni ta' dan l-użu ħażin mill-membri tal-BĊE jew korpi tal-BĊNi jew il-membri tal-persunal tagħhom u biex jiġu esklużi kunflitti ta' interess potenzali li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet finanzjarji privati. Għal dan l-iskop, il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu jiddefinixxi b'mod ċar il-kunċetti ewlenin kif ukoll l-irwoli u r-responsabbiltajiet tad-diversi korpi involuti. Barra minn hekk, għandu jispeċifika, lil hinn mill-projbizzjoni ġenerali dwar l-użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa, restrizzjonijiet addizzjonali għal persuni li jkollhom aċċess għal informazzjoni ta' ġewwa. Il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-monitoraġġ tal-konformità u r-rapportar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità. |
(5) |
Il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu jinkludi wkoll standards minimi dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interess u l-aċċettazzjoni ta' rigali u ospitalità. |
(6) |
Il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu japplika fit-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema. Ikun tajjeb li l-banek ċentrali tal-Eurosistema japplikaw standards ekwivalenti għall-membri tal-persunal jew aġenti esterni involuti fit-twettiq ta' kompiti mhux tal-Eurosistema. |
(7) |
Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Meta BĊN ma jkunx jista' jimplimenta dispożizzjoni ta' din il-Linja Gwida minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, huwa għandu jinforma lill-BĊE dwar dan. Barra minn hekk, il-BĊN ikkonċernat għandu jikkunsidra li jieħu miżuri raġonevoli għad-dispożizzjoni tiegħu biex jegħleb l-ostakolu taħt id-dritt nazzjonali. |
(8) |
Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv (2). |
(9) |
Filwaqt li l-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema huwa limitat għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema, il-Kunsill Governattiv adotta qafas tal-etika ekwivalenti għat-twettiq ta' kompiti superviżorji mill-BĊE u l-awtoritjajiet kompetenti nazzjonali bħala parti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (3), |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida:
(1) |
“bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro; |
(2) |
“kompiti tal-Eurosistema” tfisser il-kompiti fdati lill-Eurosistema skont it-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew; |
(3) |
“informazzjoni ta' ġewwa” tfisser kull informazzjoni sensittiva għas-suq li tirrigwarda t-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema mill-banek ċentrali tal-Eurosistema li ma tkunx inħarġet jew li ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku; |
(4) |
“informazzjoni sensittiva għas-suq” tfisser informazzjoni ta' natura preċiża li l-pubblikazzjoni tagħha x'aktarx ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-assi jew il-prezzijiet fis-swieq finanzjarji; |
(5) |
“persuna ta' ġewwa” tfisser kwalunkwe membru ta' korp jew membru tal-persunal li għandu aċċess għal informazzjoni ta' ġewwa li ma jkunx fuq bażi ta' darba biss; |
(6) |
“membru tal-persunal” tfisser kwalunkwe persuna li għandha relazzjoni ta' impjieg ma' bank ċentrali tal-Eurosistema bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma fdati biss b'kompiti li mhumiex relatati mat-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema; |
(7) |
“membru ta' korpi” tfisser membri ta' korpi li jieħdu deċiżjonijiet u korpi oħrajn interni ta' banek ċentrali tal-Eurosistema li ma jkunux membri tal-persunal; |
(8) |
“korporazzjonijiet finanzjarji” għandha l-istess tifsira kif iddefinit fil-Kapitolu 2, paragrafu 2.55 tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); |
(9) |
“kunflitt ta' interess” tfisser sitwazzjoni fejn membri ta' korpi jew membri tal-persunal ikollhom interessi personali li jistgħu jinfluwenzaw jew jidhru li jinfluwenzaw it-twettiq imparzjali u oġġettiv ta' dmirijiethom. |
(10) |
“interess personali” tfisser kull benefiċċju jew benefiċċju potenzjali, ta' natura finanzjarja jew mhux finanzjarja, għall-membri tal-korpi jew tal-persunal, għall-membri tal-familja tagħhom, għal qraba oħrajn tagħhom jew għaċ-ċirku ta' ħbieb u konoxxenzi qrib tagħhom; |
(11) |
“vantaġġ” ifisser kull rigal, ospitalità jew benefiċċju ieħor ta' natura finanzjarja jew mhux finanzjarja li oġġettivament itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja, legali jew personali tar-riċevitur u li r-riċevitur mhuwiex intitolat għalih. |
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tapplika għall-banek ċentrali tal-Eurosistema fit-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema tagħhom. F'dan ir-rigward, regoli interni adottati mill-banek ċentrali tal-Eurosistema fit-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida għandhom japplikaw għall-membri tal-korpi tagħhom u għall-membri tal-persunal tagħhom.
2. Il-Banek Ċentrali tal-Eurosistema għandhom jimmiraw sabiex, sa fejn ikun legalment fattibbli, jestendu l-obbligi ddefiniti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida għal persuni involuti fit-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema li mhumiex membri tal-persunal tal-banek ċentrali tal-Eurosistema.
3. Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-banek ċentrali tal-Eurosistema ta' regoli ta' etika iktar stretti għall-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal tagħhom.
Artikolu 3
Rwoli u responsabbiltajiet
1. Il-Kunsill Governattiv qiegħed jistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema f'din il-Linja Gwida u jistabbilixxi l-aħjar prattiċi dwar kif għandhom jiġu implimentati dawn il-prinċipji fid-dawl tar-responsabbiltà tiegħu biex jiddetermina l-kultura korporattiva u etika fil-livell tal-Eurosistema.
2. Il-Kumitat tal-Verifika, il-Kumitat tal-Awdituri Interni u l-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv għandhom ikunu involuti fl-applikazzjoni u l-monitoraġġ tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema skont il-mandati rispettivi tagħhom.
3. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jispeċifikaw l-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-korpi, unitajiet u membri tal-persunal involuti fil-livell lokali fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema.
Artikolu 4
Komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni
1. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jifformulaw ir-regoli interni tagħhom li jimplimentaw din il-Linja Gwida b'mod ċar u trasparenti, jikkomunikawhom lill-membri tal-korpi tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom u jiżguraw li jkunu aċċessibbli b'mod faċli.
2. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iqajmu kuxjenza fost il-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal tagħhom sabiex jifhmu l-obbligi tagħhom taħt il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema.
Artikolu 5
Monitoraġġ tal-konformità
1. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida. Il-monitoraġġ għandu jinkludi, skont kif xieraq, it-twettiq ta' verifiki ta' konformità regolari u/jew ad hoc. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jistabbilixxu proċeduri adegwati biex jirreaġixxu fil-pront għal każijiet ta' nuqqas ta' konformità u sabiex jindirizzawhom.
2. Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli interni li jippermettu investigazzjonijiet interni meta membru ta' korp jew membru tal-persunal ikun issuspettat li kiser ir-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida.
Artikolu 6
Rapportar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità u segwitu
1. Il-Banek Ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw proċeduri interni għar-rapportar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida inklużi regoli dwar ir-rapportar ta' għemil irregolari (whistleblowing) skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.
2. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw protezzjoni xierqa ta' persuni li jirrapportaw każijiet ta' nuqqas ta' konformità.
3. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li jiġu segwiti każijiet ta' nuqqas ta' konformità, inkluż, kif ikun xieraq, l-impożizzjoni ta' miżuri dixxiplinarji proporzjonati skont ir-regoli dixxiplinarji u l-proċeduri applikabbli.
4. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jirrapportaw mingħajr dewmien kull inċident maġġuri relatat man-nuqqas ta' konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida permezz tal-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv lill-Kunsill Governattiv skont il-proċeduri interni applikabbli. F'każijiet urġenti, bank ċentrali tal-Eurosistema jista' jirrapporta inċident maġġuri relatat ma' nuqqas ta' konformità direttament lill-Kunsill Governattiv. Fi kwalunkwe każ, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jinfurmaw lill-Kumitat tal-Verifika b'mod parallel.
KAPITOLU II
REGOLI DWAR IL-PREVENZJONI TA' UŻU ĦAŻIN TA' INFORMAZZJONI TA' ĠEWWA
Artikolu 7
Projbizzjoni ġenerali tal-użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa
1. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom ikunu pprojbiti milli jużaw ħażin informazzjoni ta' ġewwa.
2. Il-projbizzjoni fuq l-użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa għandha tkopri, bħala minimu: (a) l-użu ta' informazzjoni ta' ġewwa għal tranżazzjonijiet privati għal finijiet personali jew ta' terzi; (b) l-iżvelar ta' informazzjoni ta' ġewwa lil kull persuna oħra sakemm dak l-iżvelar ma jsirx waqt il-qadi ta' dmirijiet professjonali fuq bażi ta' min ikollu bżonnha biss; u (c) l-użu ta' informazzjoni ta' ġewwa sabiex wieħed jirrakkomanda jew iħajjar lil persuni oħra biex jidħlu fi tranżazzjonijiet finanzjarji privati.
Artikolu 8
Restrizzjonijiet speċifiċi għal persuni ta' ġewwa
1. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżġuraw li l-aċċess għal informazzjoni ta' ġewwa tkun ristretta għal dawk il-membri tal-korpi u membri tal-persunal li jkollhom bżonn aċċess għal din l-informazzjoni għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.
2. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li l-persuni ta' ġewwa kollha jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi. Tranżazzjoni finanzjarja privata għandha titqies li hija kritika meta tkun jew tista' titqies li hija relatata mill-qrib mat-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jistabbilixxu fir-regoli interni tagħhom lista ta' dawn it-tranżazzjonijiet kritiċi li għandhom jinkludu b'mod partikolari:
(a) |
tranżazzjonijiet f'ishma u bonds maħruġin minn korporazzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni; |
(b) |
tranżazzjonijiet f'munita barranija, tranżazzjonijiet f'deheb, in-negozjar ta' titoli tal-gvern fiż-żona tal-euro; |
(c) |
negozjar għal perijodu qasir, jiġifieri x-xiri u l-bejgħ sussegwenti jew il-bejgħ u x-xiri sussegwenti tal-istess strument finanzjarju f'perijodu ta' referenza speċifiku; |
(d) |
tranżazzjonijiet f'derivattivi relatati mal-istrumenti finanzjarji elenkati taħt (a) u (c) u unitajiet fi skemi ta' investiment kollettiv li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jsir investiment f'dawn l-istrumenti finanzjarji. |
3. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni li jistabbilixxu restrizzjonijiet speċifiċi għal persuni ta' ġewwa wara li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ta' effettività, effiċjenza u proporzjonalità. Restrizzjonijiet speċifiċi bħal dawk jistgħu jinkludu xi waħda minn dawn li ġejjin jew taħlita tagħhom:
(a) |
il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi; |
(b) |
rekwiżit ta' awtorizzazzjoni minn qabel għal tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi; |
(c) |
rekwiżit ex ante jew ex post ta' rapportar għal tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi; u/jew |
(d) |
perijodi ta' embargo għal tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi. |
4. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jagħżlu li japplikaw dawn ir-restrizzjonijiet speċifiċi għal membri tal-persunal li ma jkunux persuni ta' ġewwa.
5. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li l-listi ta' tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi jkunu jistgħu jiġu aġġustati fi żmien qasir biex jirriflettu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
6. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom membri tal-korpi u membri tal-persunal li jafdaw il-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati lil terza persuna indipendenti skont ftehim ta' ġestjoni tal-assi bil-miktub ikunu eżentati minn restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan l-Artikolu.
KAPITOLU III
REGOLI BIEX JIĠU EVITATI L-KUNFLITTI TA' INTERESSI
Artikolu 9
Kunflitti ta' interessi
1. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom mekkaniżmu fis-seħħ biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn kandidat li qed jiġi kkunsidrat għal ħatra bħala membru tal-persunal ikollu kunflitt ta' interess li jirriżulta minn attivitajiet ta' xogħol preċedenti jew minn relazzjonijiet personali.
2. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni li jeħtieġu li l-membri tal-korpi tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom jevitaw matul l-impjieg tagħhom kull sitwazzjoni li tista' tagħti lok għal kunflitt ta' interess u biex dawk is-sitwazzjonijiet jiġu rrapportati. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li, meta jiġi rrapportat kunflitt ta' interess, ikun hemm disponibbli miżuri xierqa biex dan il-kunflitt jiġi evitat, inkluża eżenzjoni minn dmirijiet relatati mal-kwistjoni rilevanti.
3. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmu biex jivvalutaw u jevitaw kunflitti ta' interess possibbli li jirriżultaw minn attivitajiet ta' xogħol ta' wara l-impjieg imwettqa mill-membri tal-korpi tagħhom u l-membri anzjani tal-persunal tagħhom li jirrapportaw direttament lil-livell eżekuttiv.
4. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom, meta jkun rilevanti, mekkaniżmu fis-seħħ biex jivvaluta u jevita kunflitti ta' interessi potenzjali li jirriżultaw minn attivitajiet ta' xogħol li jagħmlu l-membri tal-persunal tagħhom matul il-liv bla ħlas.
KAPITOLU IV
REGOLI DWAR L-AĊĊETTAZZJONI TA' RIGALI U OSPITALITÀ
Artikolu 10
Projbizzjoni li wieħed jirċievi vantaġġi
1. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni li jipprojbixxu lill-membri tal-korpi tagħhom u lill-membri tal-persunal tagħhom milli jitolbu, jirċievu jew jaċċettaw wegħda relatata mar-riċeviment ta' xi vantaġġ għalihom jew għal xi persuna oħra li jkun b'xi mod marbut mal-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.
2. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom eżenzjonijiet mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-vantaġġi offruti mill-banek ċentrali, korpi jew aġenziji tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-gvern, u fir-rigward ta' vantaġġi ta' valur skont id-drawwa jew negliġibbli offruti mis-settur privat, iżda fil-każ tal-aħħar dawn il-vantaġġi la għandhom ikunu ta' spiss u l-anqas mill-istess sors. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li dawn l-eżenzjonijiet la jinfluwenzaw u lanqas jidhru li qed jinfluwenzaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi tagħhom u tal-membri tal-persunal tagħhom.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 11
Revoka
Il-Linja ta' Gwida BĊE/2002/6 qiegħda tiġi mħassra.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.
2. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw u jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u għandhom japplikawhom mit-18 ta' Marzu 2016. Il-BĊNi għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar kull ostakolu għall-implimentazzjoni ta' din il-Linja Gwida u għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mit-18 ta' Jannar 2016.
Artikolu 13
Rapportar u valutazzjoni mill-ġdid
1. Il-BĊNi għandhom jirrapportaw kull sena lill-BĊE dwar l-implimentazzjoni ta' din il-Linja Gwida.
2. Il-Kunsill Governattiv għandu jivvaluta mil-ġdid dawn il-kategoriji tal-inqas kull tliet snin.
Artikolu 14
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.
Magħmul fi Frankfurt am Main, fit-12 ta' Marzu 2015.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) Linja Gwida BĊE/2002/6 tas-26 ta' Settembru 2002 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek centrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esterital-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riserva estera tal-BĊE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol.3, p. 180).
(2) Kodiċi tal-Kondotta tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-membri tal-Kunsill Governattiv (ĠU C 123, 24.5.2002, p. 9).
(3) Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/12) (Ara paġna 29 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).