EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015D0017

Deċiżjoni (UE) 2015/727 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' April 2015 dwar l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-ewwel perijodu tariffarju u għall-2015 (BĊE/2015/17)

ĠU L 115, 6.5.2015, p. 36–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/727/oj

6.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/36


DEĊIŻJONI (UE) 2015/727 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta' April 2015

dwar l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-ewwel perijodu tariffarju u għall-2015 (BĊE/2015/17)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropea tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 16(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa meħtieġ li jiddeċiedi l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu imposti billi jinħarġu avviżi tariffarji għal kull kategorija ta' entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni u sabiex din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tiegħu sat-30 ta' April tal-perijodu tariffarju relevanti.

(2)

L-avviż tariffarju għall-ewwel perijodu tariffarju, jiġifieri Novembru sa Diċembru 2014, għandu jinħareġ flimkien mal-avviż tariffarju għall-perijodu tariffarju tal-2015. L-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali imposti fl-2015 b'hekk għandhom jirriflettu n-nefqa mġarrba mill-BĊE b'rabta mal-kompiti superviżorji tiegħu sa minn Novembru 2014.

(3)

Din in-nefqa primarjament tikkonsisti fi spejjeż relatati direttament mal-kompiti superviżorji tal-BĊE, eż. is-superviżjoni ta' entitajiet sinifikanti, is-sorveljanza tas-superviżjoni ta' entitajiet inqas sinifikanti u t-twettiq ta' kompiti orizzontali u servizzi speċjalizzati. Tinkludi wkoll spejjeż relatait indirettament mal-kompiti superviżorji tal-BĊE, eż. servizzi pprovduti mill-oqsma ta' appoġġ tal-BĊE, inklużi binjiet, ġestjoni tar-riżorsi umani u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

(4)

Sabiex tiġi kkalkulata t-tariffa superviżorja annwali pagabbli fir-rigward ta' kull entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni, l-ispejjeż totali jinqasmu f'żewġ partijiet; entitajiet u gruppi sinifikanti, u entitajiet u gurppi inqas sinifikanti. L-ispejjeż ġew maqsuma fuq il-bażi tan-nefqa allokata għall-funzjonijiet relevanti li jwettqu s-superviżjoni diretta ta' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u s-superviżjoni indiretta ta' entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

(5)

In-nefqa relatata ma' kompiti ta' superviżjoni bankarja mġarrba mill-BĊE fl-ewwel perijodu tariffarju u li tista' tiġi rkuprata permezz ta' tariffi superviżorji ġiet inkluża fil-Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-2014 (2).

(6)

In-nefqa annwali stmata għall-perijodu tariffarju 2015 hija dderivata mill-baġit approvat tal-BĊE, waqt li jitqiesu kwalunkwe żviluppi fin-nefqa annwali stmata li għandha tiġi mġarrba mill-BĊE li kienu magħrufa fiż-żmien meta din id-Deċiżjoni ġiet imħejjija,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3) u r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41).

Artikolu 2

Ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-ewwel perijodu tariffarju u għall-2015

1.   L-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-ewwel perijodu tariffarju u għall-2015 għandu jkun EUR 325 986 085, li jikkorrispondi għall-ispejjeż attwali tal-BĊE għal Novembru u Diċembru 2014 u stima tal-ispejjeż annwali tal-BĊE għall-2015 stipulati fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Kull kategorija ta' entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni għandha tħallas l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali kif stipulat fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-L-Erbgħa, 29 ta' April 2015.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta' April 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23.

(2)  Ippubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE li jinsab fuq www.ecb.europa.eu fi Frar 2015.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


ANNESS I

(EUR)

 

2014

2015

Total

Salarji u benefiċċji

18 456 945

151 665 635

170 122 580

Kera u manutenzjoni tal-binjiet

2 199 243

22 563 517

24 762 760

Nefqa operattiva oħra

9 316 824

121 783 921

131 100 745

Total

29 973 012

296 013 073

325 986 085


ANNESS II

(EUR)

 

2014

2015

Total

Tariffi superviżorji

29 973 012

296 013 073

325 986 085

li minnhom:

 

 

 

Tariffi imposti fuq entitajiet sinifikanti jew gruppi sinifikanti

25 622 812

264 068 941

289 691 753

Tariffi imposti fuq entitajiet inqas sinifikanti jew gruppi inqas sinifikanti

4 350 200

31 944 132

36 294 332


Fuq