EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015D0004

Deċiżjoni (UE) 2015/656 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Frar 2015 dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet ta' kreditu jitħallew jinkludu profitti interim jew ta' tmiem is-sena f'Kapital ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (BĊE/2015/4)

ĠU L 107, 25.4.2015, p. 76–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/656/oj

25.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/76


DEĊIŻJONI (UE) 2015/656 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta' Frar 2015

dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet ta' kreditu jitħallew jinkludu profitti interim jew ta' tmiem is-sena f'Kapital ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (BĊE/2015/4)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1)(d) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) introduċa proċedura ġdida li permezz tagħha l-permess tal-awtorità kompetenti huwa meħtieġ għall-inklużjoni ta' profitti interim jew profitti ta' tmiem is-sena f'Kapital ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 (CET1) qabel ma istituzzjoni tkun ħadet deċiżjoni formali li tikkonferma l-profitt jew telf finali tal-istituzzjoni għas-sena. Dak il-permess jingħata meta jiġu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: il-profitti jkunu ġew ivverifikati minn persuni indipendenti mill-istituzzjoni li jkunu responsabbli għall-awditjar tal-kontijiet ta' dik l-istituzzjoni; u l-istituzzjoni tkun uriet li kwalunkwe imposta jew dividend prevedibbli ġew imnaqqsa mill-ammont ta' dawk il-profitti.

(2)

L-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 (3) jispeċifikaw it-tifsira ta' “prevedibbli” għall-finijiet tal-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (4) jistabbilixxi rekwiżiti uniformi fir-rigward tar-rapportar superviżorju.

(4)

Skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa l-awtorità kompetenti responsabbli għall-għoti ta' permess lill-istituzzjonijiet ta' kreditu taħt is-superviżjoni diretta tiegħu biex jinkludu profitti interim jew ta' tmiem is-sena fil-kapital CET1, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet msemmija hawn fuq.

(5)

Meta jitqies il-fatt li r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014 armonizza l-approċċ għat-tnaqqis ta' dividends prevedibbli minn profitti interim jew ta' tmiem is-sena għall-iskopijiet li jingħata l-permess imsemmi fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru (UE) Nru 575/2013, il-permess biex jiġu inklużi profitti interim jew ta' tmiem is-sena fil-kapital CET1 għandu jingħata meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(6)

F'każijiet fejn il-kundizzjonijiet biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni ma jkunux issodisfati, il-BĊE għandu jevalwa individwalment talbiet għal permess biex jiġu inklużi profitti interim jew ta' tmiem is-sena fil-kapital CET1,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-BĊE stabbilixxa li għandu jingħata permess lil istituzzjonijiet ta' kreditu biex jinkludu profitti interim jew ta' tmiem is-sena f'kapital CET1 skont l-Artikolu 26(2)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li jitolbu permess mingħand il-BĊE biex jinkludi profitti interim jew ta' tmiem is-sena f'kapital CET1 f'każijiet mhux koperti minn din id-Deċiżjoni.

3.   Din id-Deċiżjoni tapplika għal istituzzjonijiet ta' kreditu li għalihom il-BĊE iwettaq superviżjoni diretta skont ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (5).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“istituzzjoni ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li taqa' taħt is-superviżjoni tal-BĊE;

2.

“bażi konsolidata” għandha l-istess tifsira kif iddefinita fil-punt 48 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

3.

“bażi subkonsolidata” għandha l-istess tifsira kif iddefinita fil-punt 49 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

4.

“entità konsolidanti” tfisser l-istituzzjoni ta' kreditu li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata, skont l-Artikoli 11 u 18 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

5.

“profitti interim” tfisser profitti kif stipulat fil-qafas ta' kontabilità applikabbli, ikkomputati għal perijodu ta' referenza iqsar minn sena finanzjarja sħiħa, u qabel ma l-istituzzjoni ta' kreditu tkun ħadet deċiżjoni formali li tikkonferma dak il-profitt jew telf tal-istituzzjoni;

6.

“profitti ta' tmiem is-sena” tfisser profitti kif iddefiniti fil-qafas ta' kontabilità applikabbli, ikkomputati għal perjodu ta' referenza ugwali għal sena finanzjarja sħiħa, u qabel ma l-istituzzjoni ta' kreditu tkun ħadet deċiżjoni formali li tikkonferma dak il-profitt jew telf tal-istituzzjoni;

7.

“proporzjoni ta' ħlas f'livell konsolidat” tfisser il-proporzjon bejn: (a) dividendi, minbarra dawk imħallsa f'forma li ma tnaqqasx il-kapital CET1 (eż. scrip-dividends), imqassma lis-sidien tal-entità konsolidanti; u (b) profitt wara t-taxxa attribwibbli lis-sidien tal-entità konsolidanti. Jekk għal sena partikolari, il-proporzjon bejn (a) u (b) ikun negattiv jew 'il fuq minn 100 %, il-proporzjon tal-ħlas għandu jitqies li huwa 100 %. Jekk għal sena partikolari (b) ikun żero, il-proporzjon tal-ħlas għandu jitqies li huwa 0 % jekk (a) ikun żero, u 100 % jekk (a) ikun 'il fuq minn żero.

8.

“proporzjon ta' ħlas f'livell individwali” tfisser il-proporzjon bejn: (a) dividendi, minbarra dawk imħallsa f'forma li ma tnaqqasx il-kapital CET1 (eż. scrip-dividends), imqassma lis-sidien tal-entità; u (b) profitt wara t-taxxa. Jekk, għal sena parikolari, il-proporzjon bejn (a) u (b) ikun negattiv jew 'il fuq minn 100 %, il-proporzjon tal-ħlas għandu jitqies li huwa 100 %. Jekk għal sena partikolari (b) ikun żero, il-proporzjon tal-ħlas għandu jitqies li huwa 0 % jekk (a) ikun żero u 100 % jekk (a) ikun 'il fuq minn żero.

Artikolu 3

Permess biex jiġu inklużi profitti interim jew ta' tmiem is-sena fil-kapital CET1

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jitħallew jinkludu profitti interim jew ta' tmiem is-sena fil-kapital CET1 qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni formali li tikkonferma l-profitt jew telf finali tal-istituzzjoni għas-sena, sakemm l-istituzzjoni ta' kreditu tkun issodisfat il-kundizzjonijiet stipulati fil-Artikoli 4 u 5 ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5 għandhom jiġu ssodisfati qabel is-sottomissjoni tar-rapportar applikabbli dwar fondi proprji u rekwiżiti ta' fondi proprji skont id-dati ta' meta għandu jintbagħat ir-rapport kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

3.   L-istituzzjonijiet ta' kreditu li jkollhom il-ħsieb li jinkludu profitti interim jew ta' tmiem is-sena fil-kapital CET1 għandhom jibagħtu ittra indirizzata lill-BĊE li tinkludi d-dokumentazzjoni meħtieġa fl-Artikoli 4 u 5 ta' din id-Deċiżjoni. Fi żmien tlett ijiem ta' ħidma minn meta tiġi riċevuta d-dokumentazzjoni relevanti, il-BĊE għandu jinnotifika lill-istituzzjonijiet ta' kreditu dwar jekk dik id-dokumentazzjoni tinkludix l-informazzjoni meħtieġa f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Verifika tal-profitti

1.   Il-BĊE għandu jikkunsidra li r-rekwiżit ta' verifika taħt l-Artikolu 26(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġie ssodisfat jekk l-istituzzjoni ta' kreditu notifikanti tipprovdi lill-BĊE b'dokument iffirmat mill-awditur estern tagħha li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 3 u 4.

2.   L-istituzzjonijiet ta' kreditu li jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jinkludu profitti interim jew ta' tmiem is-sena bħala kapital CET 1, f'diversi livelli ta' konsolidazzjoni jew fuq bażi individwali, jistgħu jipprovdu d-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni.

3.   Għall-profitti ta' tmiem is-sena, il-verifika għandha tikkonsisti jew f'rapport ta' verifika jew f'ittra ta' konfort li tiddikjara li l-awditu ma tlestiex u li xejn ma nġieb għall-attenzjoni tal-awdituri li jġiegħelhom jemmnu li r-rapport finali ser jinkludi opinjoni kkwalifikata.

4.   Għall-profitti interim, il-verifika għandha tikkonsisti jew f'rapport ta' awditu jew inkella f'rapport ta' rieżami (kif iddefinit mill-Istandard Internazzjonali dwar Impenji ta' Rieżami 2410 maħruġa mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali dwar l-Awditjar u l-Assigurazzjoni jew standard kumparabbli applikabbli f'livell nazzjonali) jew, sakemm il-verifika mwettqa mill-istituzzjoni ta' kreditu tkun tikkonsisti f'rapport ta' awditu, ittra ta' konfort fuq il-linji stipulati fil-paragrafu 3.

Artikolu 5

Tnaqqis mill-profitti ta' kwalunkwe imposta jew dividend prevedibbli

1.   Sabiex jintwera li kwalunkwe imposta jew dividend prevedibbli ġew imnaqqsa mill-ammont ta' profitti, l-istituzzjoni ta' kreditu għandha:

(a)

tipprovdi dikjarazzjoni li dawk il-profitti ġew irreġistrati skont il-prinċipji stipulati fil-qafas tal-kontabilità applikabbli u li l-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali ma huwiex materjalment usa' mill-ambitu tal-verifika msemmi fid-dokument tal-awditur estern imsemmi fl-Artikolu 4; u

(b)

tissottometti lill-BĊE dokument iffirmat minn persuna kkwalifikata li tagħti dettalji dwar il-komponenti ewlenin ta' dawk il-profitti interim jew ta' tmiem is-sena, inkluż tnaqqis għal kwalunkwe imposta jew dividend prevedibbli.

2.   F'dawk il-każijiet fejn profitti interim jew ta' tmiem is-sena jkollhom jiġu inklużi fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata, ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ssodisfati mil-entità konsolidanti.

3.   Id-dividendi li għandhom jitnaqqsu għandhom ikunu l-ammont propost jew deċiż formalment mill-korp maniġerjali. Jekk dik il-proposta jew deċiżjoni formali tkun għadha ma tteħditx, id-dividend li għandu jitnaqqas għandu jkun l-ogħla wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

id-dividend massimu kkalkulat skont il-politika interna dwar id-dividends;

(b)

id-dividend ikkalkulat fuq il-bażi tal-proporzjon medju ta' ħlas fuq l-aħħar tliet snin;

(c)

id-dividend ikkalkulat fuq il-bażi tal-proporzjon ta' ħlas tas-sena preċedenti.

4.   Kwalunkwe tnaqqis ta' dividends ibbażat fuq approċċ mhux elenkat fil-paragrafu 3 ma għandux ikun kopert b'din id-Deċiżjoni.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(b), persuna kkwalifikata tfisser persuna li tkun ġiet awtorizzata debitament mill-korp maniġerjali tal-istituzzjoni biex tiffirma f'ismu.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet għandhom jużaw il-mudell ta' ittra li jinsab fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta' Frar 2015.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data ta' referenza tar-rapportar tal-31 ta' Diċembru 2014 skont l-Artkolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

Magħmul fi Frankfurt am Main, ir-4 ta' Frar 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.)

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-ParlaMENT Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal rekwiżiti ta' Fondi Proprji għal istituzzjonijiet (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 8).

(4)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1.).

(5)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


ANNESS

[Isem u dettalji tal-istituzzjoni]

[Isem u dettalji tal-Koordinatur TSK]

[Post, data]

[Referenza tal-istituzzjoni]

Inklużjoni ta' profitti f'Kapital ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 (CET1)

Għażiż/a [Sinjur/Sinjura],

Għall-finijiet tas-sottomissjoni tar-rapportar superviżorju msemmi fi [data ta' referenza għar-rapportar regolatorju], skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni (UE) 2015/656 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/4), bil-preżenti ninnotifika l-intenzjoni ta' [isem tal-istituzzjoni/grupp bankarju/sottogrupp bankarju] biex jinkludi fil-kapital CET 1 tiegħu [individwali/konsolidat] il-profitti netti li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji [interim/annwali] tiegħu hekk kif kienu [fid-data tal-karta tal-bilanċ].

Il-profitti netti li għandhom jiġu inklużi fil-kapital CET1 ġew ikkalkulati skont kif ġej:

(a)

profitt qabel it-taxxa mhux imqassam

[EUR 0]

(b)

taxxi

[EUR 0]

(c)

imposti oħrajn li jimponi s-superviżur (1)

[EUR 0]

(d)

imposti prevedibbli oħrajn mhux inklużi fid-dikjarazzjoni tal-profitt u t-telf (2)

[EUR 0]

(e)

imposti totali (b + c + d)

[EUR 0]

(f)

dividend deċiż jew propost (3)

[EUR 0/vojt]

(g)

dividend massimu taħt politika interna (4)

[EUR 0]

(h)

dividend skont il-proporzjon ta' ħlas medju (l-aħħar tliet snin) (5)

[EUR 0]

(i)

dividend skont il-proporzjon ta' ħlas tas-sena li għaddiet

[EUR 0]

(j)

dividend li għandu jitnaqqas (mass (g, h, i) jekk (f) huwa vojt; inkella f)

[EUR 0]

(k)

impatt ta' restrizzjonijiet regolatorji (6)

[EUR 0]

(l)

profitt li jista' jiġi inkluż f'CET1 (a – e – j + k)

[EUR 0]

Għall-finijiet ta' dak li ngħad hawn fuq, bil-preżenti niddikjara li:

iċ-ċifri mogħtija hawn fuq huma preċiżi sa fejn naf jien;

il-profitti ġew ivverifikati minn persuni li huma indipendenti minn din l-istituzzjoni u li huma responsabbli għal-awditjar tal-kontijiet ta' din l-istituzzjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u mid-Deċiżjoni (UE) 2015/656 (BĊE/2015/4). F'dan ir-rigward, qiegħed nehmeż [ir-rapport tal-awditu/ir-rapport ta' rieżami/l-ittra ta' konfort] minn [isem l-awditur];

il-profitti ġew evalwati skont il-prinċipji stipulati fil-qafas ta' kontabilità applikabbli;

kwalunkwe imposta jew dividend prevedibbli ġew imnaqqsa mill-ammont tal-profitti, kif muri hawn fuq;

l-ammont ta' dividendi li għandu jitnaqqas ġie stmat skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/656 (BĊE/2015/4). B'mod partikolari, id-dividendi deduċibbli huma bbażati fuq deċiżjoni/proposta formali jew, jekk dik id-deċiżjoni/proposta formali ma tkunx disponibbli, fuq l-ogħla minn: (i) id-dividend massimu skont il-politika tad-dividend; (ii) dividend ibbażat fuq il-proporzjon ta' ħlas medju fuq l-aħħar tliet snin; (iii) dividend ibbażat fuq il-propozjon ta' ħlas tas-sena li għaddiet. Jekk il-ħlas ta' dividend mistenni jkun ġie kkalkulat bl-użu ta' medda ta' ħlas minflok valur fiss, ikun intuża t-tarf ta' fuq ta' dik il-medda;

il-korp maniġerjali ta' [isem tal-istituzzjoni/grupp bankarju/sottogrupp bankarju] jintrabat li jagħmel proposta għad-distribuzzjoni ta' dividendi li hija totalment konsistenti mal-kalkolu mogħti hawn fuq tal-profitti netti.

Dejjem tiegħek,

[Isem u kariga tal-firmatarju awtorizzat]


(1)  Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014.

(2)  Artikolu 3(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014.

(3)  Artikolu 2(2) u (10) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014. Dan għandu jkun żero biss jekk ikun hemm deċiżjoni formali jew proposta li ma jitqassam ebda dividend. Jekk ma jkun hemm ebda proposta jew deċiżjon formali din il-kaxxa titħalla vojta.

(4)  Artikolu 2(4) sa (6) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014.

(5)  Artikolu 2(7) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014.

(6)  Artikolu 2(9) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014.


Fuq