EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32014D0042(01)
2014/781/EU: Decision of the European Central Bank of 21 October 2014 on transitional provisions for the application of minimum reserves by the European Central Bank following the introduction of the euro in Lithuania (ECB/2014/42)
2014/781/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 21 ta' Ottubru 2014 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta' riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Litwanja (BĊE/2014/42)
2014/781/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 21 ta' Ottubru 2014 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta' riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Litwanja (BĊE/2014/42)
ĠU L 327, 12.11.2014, p. 6–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ
12.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 327/6 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-21 ta' Ottubru 2014
dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta' riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Litwanja
(BĊE/2014/42)
(2014/781/UE)
IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 46.2 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi (BĊE/2003/9) (2)
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (3),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), u b'mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta' Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/33) (5),
Billi:
(1) |
L-adozzjoni tal-euro mil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015 tfisser illi l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li jinsabu fil-Litwanja ser ikunu soġġetti għal rekwiżiti dwar ir-riżervi minn dik id-data. |
(2) |
L-integrazzjoni ta' dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżervi minimi tal-Eurosistema titlob l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex jiżguraw integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għal istituzzjonijiet ta' kreditu fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, inkluż il-Litwanja. |
(3) |
L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jimplika illi l-BĊE, megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi ukoll sabiex jiżgura tħejjija f'waqtha fil-qasam tal-istatistika minħabba l-adozzjoni tal-euro minn Stat Membru, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-kliem “istituzzjoni”, “rekwiżit tar-riżerva”, “perijodu ta' manutenzjoni” u “bażi tar-riżerva” għandhom l-istess tifsira bħal fir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja
1. B'deroga mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), perijodu ta' manutenzjoni tranżitorju jiddekorri mill-1 sas-27 ta' Jannar 2015 għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja.
2. Il-bażi tar-riżerva għal kull istituzzjoni li tinsab fil-Litwanja għall-perjodu ta' manutenzjoni tranżitorju għandha tiġi ddefinita b'rabta mal-elementi tal-karta tal-bilanċ tagħha fil-31 ta' Ottubru 2014. Istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja għandhom jirrapportaw il-bażi tar-riżerva tagħhom lil-Lietuvos bankas skont il-qafas tal-BĊE għar-rapportar ta' statistika monetarja u bankarja, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33). Istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja illi jibbenefikaw mid-deroga fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) għandhom jikkalkolaw bażi ta' riżerva għall-perijodu ta' manutenzjoni tranżitorju fuq il-bażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta' Settembru 2014.
3. Fir-rigward tal-perijodu ta' manutenzjoni tranżitorju, istituzzjoni li tinsab fil-Litwanja jew Lietuvos bankas għandha tikkalkula r-riżervi minimi ta' din l-istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tissottometti l-kalkolu tagħha lill-parti l-oħra u tħalli biżżejjed żmien għal din tal-aħħar biex tivverifikah u tissottometti reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkolati, inklużi r-reviżjonijiet tagħhom, għandhom jiġu kkonfermati miż-żewġ partijiet sa mhux aktar tard mid-9 ta' Diċembru 2014. Jekk il-parti nnotifikata ma tikkonfermax l-ammont ta' riżervi minimi sad-9 ta' Diċembru 2014, hija titqies li tkun irrikonoxxiet illi l-ammont ikkalkolat japplika għall-perijodu ta' manutenzjoni tranżitorju.
4. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, għall-perijodi ta' manutenzjoni inizjali tagħhom, inaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet fil-Litwanja, għalkemm fiż-żmien meta jiġu kkalkolati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta' istituzzjonijiet soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).
Artikolu 3
Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro
1. Il-perijodu ta' manutenzjoni applikabbli għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro, bis-saħħa tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), għandu jibqa' mhux effettwat mill-eżistenza ta' perijodu ta' manutenzjoni tranżitorju għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja.
2. Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jiddeċiedu li għall-perijodi ta' manutenzjoni mill-10 ta' Diċembru 2014 sas-27 ta' Jannar 2015 u mit-28 ta' Jannar sal-10 ta' Marzu 2015 inaqqsu mill-bażi ta' riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja, anke jekk fiż-żmien li jiġu kkalkolati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta' istituzzjonijet soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżerva msemmijin fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).
3. Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro li jixtiequ jnaqqsu l-passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja għandhom, għall-perijodi ta' manutenzjoni mill-10 ta' Diċembru 2014 sas-27 ta' Jannar 2015 u mit-28 ta' Jannar sal-10 ta' Marzu 2015, jikkalkolaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fil-31 ta' Ottubru 2014 u t-30 ta' Novembru 2014 rispettivament u jirrappurtaw tagħrif statistiku skont il-Parti 1 ta' Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013, (BĊE/2013/33) li turi l-istituzzjonijiet fil-Latvja bħala diġà soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.
It-tabelli għandhom ikunu rrapportati skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33).
4. Għall-perijodi ta' manutenzjoni li jibdew f'Diċembru 2014 u f'Jannar 2015, istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro u li jibbenefikaw mid-deroga taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) u li jixtiequ jnaqqsu passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja, għandhom jikkalkolaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta' Settembru 2014 u jirrapportaw tagħrif statistiku skont il-Parti 1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li juri l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja bħala diġà soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.
Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.
It-tagħrif statistiku għandu jkun irrapportat skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33).
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Lietuvos bankas, istituzzjonijiet li jinsabu fil-Litwanja u istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2014.
3. Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi f'din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) u (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) għandhom japplikaw.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta' Ottubru 2014.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.
(2) ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.
(3) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.
(4) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.
(5) ĠU L 297, 7.11.2013, p. 1.