EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014D0038(01)

2014/671/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 1 ta' Settembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/35 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2014/38)

ĠU L 278, 20.9.2014, p. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/04/2015; Imħassar b' 32015D0009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/671/oj

20.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/21


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-1 ta' Settembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/35 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral

(BĊE/2014/38)

(2014/671/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 14.3 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) u d-Deċiżjoni BĊE/2013/6 tal-20 ta' Marzu 2013 dwar ir-regoli fuq l-użu bħala kollateral ta' bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju ggarantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema (2),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kundizzjonijiet standard li skonthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f'operazzjonijiet ta' kreditu, inkluż il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, kif ukoll id-Deċiżjoni BĊE/2013/6, id-Deċiżjoni BĊE/2013/35 (3) u d-Deċiżjoni BĊE/2014/11 (4).

(2)

Skont it-Taqsima 1.6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' politika monetarja tal-Eurosistema.

(3)

Għall-finijiet tal-għażla tal-klassifikazzjoni xierqa li għandha tiġi użata biex tiġi ddeterminata l-eliġibilità ta' assi użati f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema u l-haircut relatata tagħhom, hemm stabbilita regola li tiddefinixxi l-prijorità tal-klassifikazzjonijiet. Din ir-regola tipprijoritizza l-użu ta' klassifikazzjonijiet tal-ħruġ ta' Istituzzjoni Esterna tal-Valutazzjoni tal-Kreditu (ECAI) bi preferenza fuq klassifikazzjonijiet ta' emittent u garanti ECAI. Fis-17 ta' Lulju 2013, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jsaħħaħ aktar il-qafas tiegħu għall-kontroll tar-riskju, billi jaġġusta l-kriterji ta' eliġibbiltà u l-haircuts applikati lill-kollateral aċċettat fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja u jaddotta ċerti miżuri addizzjonali biex itejbu l-konsistenza ġenerali tal-qafas u l-implimentazzjoni prattika tiegħu. Fost l-aġġustamenti magħmula, l-Eurosistema kkjarifikat ir-regola li tirrigwarda l-prijorità tal-klassifikazzjoniiet. Dawn il-miżuri kienu stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2013/33.

(4)

Ir-regola li tipprijoritizza l-klassifiki tal-ħruġ ECAI hija xierqa fir-rigward ta' emittenti privati fejn il-kontenut tal-informazzjoni ta' klassifikazzjonijiet tal-ħruġ hija relevanti. Għal emittenti pubbliċi, ir-regola li tipprijoritizza l-klassifikazzjonijiet tal-ħruġ ECAI tenħtieġ aġġustament billi l-klassifikazzjonijiet tal-emittent, minflok il-klassifikazzjonijiet tal-ħruġ huma meqjusa bħala l-miżura tal-affidabbilità kreditizja relevanti għal dawn l-emittenti.

(5)

Id-Deċiżjoni BĊE/2013/35 għandha għalhekk tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 6 tad-Direttiva BĊE/2013/35 huwa mibdul kif ġej:

“Artikolu 6

Standards addizzjonali ta' kreditu għoljin għall-assi negozjabbli

1.   Il-valutazzjoni ta' kreditu ta' Istituzzjoni Esterna tal-Valutazzjoni tal-Kreditu (ECAI) ta' attiv negozjabbli msemmija f'Sezzjoni 6.3 ta' Anness I ta' Linja Gwida BĊE/2011/14 għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   It-tipi segwenti ta' valutazzjonijiet ta' kreditu ECAI minn ECAIs aċċettati għandhom jintużaw biex tiġi stabbilita l-konformità mal-limitu tal-kwalità tal-kreditu applikabbli lil attiv negozjabbli (*).

(a)

Klassifikazzjoni ta' ħruġ ECAI, li tirreferi għal valutazzjoni tal-kreditu ECAI assenjata jew lil ħruġ jew, fl-assenza ta' klassifikazzjoni ta' ħruġ mill-istess ECAI, is-serje tal-ħruġ jew il-programm li taħtu nħareġ attiv (**). Għal klassifikazzjonijiet tal-ħruġ ECAI, l-Eurosistema ma għandha tagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tal-maturità oriġinali tal-attiv. Kull klassifikazzjoni ECAI assenjata lill-ħruġ jew lis-senje tal-ħruġ jew il-programm għandha tkun aċċettabbli.

(b)

Klassifikazzjoni tal-emittent ECAI, li tirreferi għal klassifikazzjoni tal-kreditu ECA assenjata lil emittent. Għal klassifikazzjonijiet tal-emittent ECAI, l-Eurosistema għandha tagħmel distinzjoni f'dak li jikkonċerna l-maturità oriġinali tal-attiv fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ECAI aċċettabbli. Għandha ssir distinzjoni bejn: (i) assi b'terminu qasir, jiġifieri dawk l-assi b'maturità oriġinali sa u li tinkludi 390 jum; u (ii) assi b'terminu twil, jiġifieri dawk l-assi b'maturità oriġinali ta' iktar minn 390 jum. Għal attiv b'terminu qasir, klassifikazzjonijiet tal-emittent ECAI b'terminu qasir u b'terminu twil għandhom ikunu aċċettabbli. Għall-attiv b'terminu twil, il-klassifikazzjonijiet tal-emittent ECAI b'terminu twil għandhom ikunu aċċettabbli.

(c)

Klassifikazzjoni tal-garanti ECAI, li tirreferi għal klassifikazzjoni tal-kreditu ECAI assenjata lil garanti, jekk il-garanti jissodisfa r-rekwiżiti ta' punt (c) ta' Sezzjoni 6.3.2 ta' Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14. Għall-klassifikazzjonijet tal-garanti ECAI, l-Eurosistema ma għandha tagħmel l-ebda distinzjoni fir-rigward tal-maturità oriġinali tal-attiv. Għandhom ikunu aċċettabbli biss klassifikazzjonijiet tal-garanti ECAI b'terminu twil.

3.   Il-BĊE jippubblika l-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu għall-ECAIs kollha aċċettati, kif stabbilit f'Taqsima 6.3.1 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 (***). Il-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu għal assi negozjabbli għandu jikkorrispondi għal Step 3 tal-Kwalità tal-Kreditu tal-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, ħlief fejn iddikjarat mod ieħor.

4.   Għall-assi negozjabbli, il-valutazzjonijiet tal-kreditu, li jiddeterminaw il-konformità tal-assi mal-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu, għandhom jiġu kkunsidrati mill-Eurosistema b'konformità mar-regoli li jinsabu aktar 'l isfel.

4.1.

Għal assi negozjabbli li mhumiex assi negozjabbli maħruġin minn gvernijiet ċentrali, gvernijiert reġjonali jew lokali, aġenziji (****), istituzzjonijiet supranazzjonali u titoli ggarantiti minn assi, japplikaw ir-regoli li ġejjin.

(a)

L-Eurosistema għandha tikkunsidra l-klassifikazzjonijiet tal-ħruġ ECAI bi prijorità fuq il-klassifikazzjonijiet tal-emittent ECAI jew tal-garanti ECAI. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' din ir-regola ta' prijorità, tal-anqas valutazzjoni tal-kreditu ECAI waħda għandha tikkonforma mal-limitu minimu applikabbli tal-kwalita tal-kreditu tal-Eurosistema.

(b)

Jekk ikunu disponibbli klassifikazzjonijiet tal-ħruġ ECAI multipli għall-istess ħruġ, għandha tapplika r-regola first-best, jiġifieri għandha tiġi kkunsidrata l-aħjar klassifikazzjoni tal-ħruġ ECAI disponibbli. Jekk l-ewwel l-aħjar klassifikazzjoni ta' kreditu għall-ħruġ jew, jekk applikabbli, għall-programm/is-serje tal-ħruġ ma jikkonformax mal-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema, l-attiv ma għandux ikun eliġibbli, anke jekk teżisti garanzija aċċettabbli f'punt (c) ta' Sezzjoni 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(c)

Fin-nuqqas ta' xi klassifikazzjoni tal-ħruġ ECAI, l-Eurosistema tista' tikkunsidra klassifikazzjoni ta' emittent ECAI jew ta' garanti ECAI. Jekk ikunu disponibbli klassifikazzjonijiet multipli tal-emittent ECAI u/jew tal-garanti ECAI għall-istess ħruġ, għandha tapplika r-regola first-best, jiġifieri għandha tiġi kkunsidrata l-aħjar klassifikazzjoni tal-emittent ECAI jew tal-garanti ECAI disponibbli.

4.2.

Għal assi negozjabbli maħruġin minn gvernijiet ċentrali, gvernijiet reġjonali jew lokali, aġenziji u istituzzjonijiet supranazzjonali, japplikaw ir-regoli li ġejjin.

(a)

Tal-anqas valutazzjoni ta kreditu ECAI waħda għandha tkun konformi mal-limitu minimu applikabbli tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema. L-Eurosistema għandha tikkunsidra biss klassifikazzjonijiet ta' emittent ECAI jew ta' garanti ECAI.

(b)

Jekk ikunu disponibbli klassifikazzjonijiet tal-emittent ECAI u tal-garanti ECAI, għandha tapplika ir-regola first-best, jiġifieri l-aħjar klassifikazzjoni disponibbli bejn il-klassifikazzjonijiet tal-emittent ECAI u tal-garanti ECAI kollha.

(c)

Bonds koperti maħruġin minn aġenziji ma għandhomx jiġu vvalutati biss skont ir-regoli f'dan il-paragrafu 4.2 u minflok għandhom jiġu vvalutati skont il-paragrafu 4.1 aktar 'il fuq.

4.3.

Għal titoli ggarantiti minn assi, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin.

(a)

Il-limitu tal-kwalità tal-kreditu applikabbli għat-titoli ggarantiti minn assi, kif stabbilit fit-Taqsima 6.3 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandu jikkorrispondi għall-Pass 2 tal-Kreditu ta' Kwalità fl-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema (‘single A’) (*****).

(b)

Tal-anqas żewġ valutazzjoni ta kreditu ECAI għandhom ikunu konformi mal-limitu minimu applikabbli tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema. L-Eurosistema għandha tikkunsidra biss klassifikazzjonijiet tal-ħruġ ECAI.

5.   Għall-finijiet ta' Taqsima 6.3.2 ta' Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta' valutazzjoni tal-kreditu impliċita għandhom japplikaw fl-assenza ta' valutazzjoni tal-kreditu ECAI għall-emittent jew il-garanti f'każ ta' assi negozjabbli maħruġin minn gvernijiet ċentrali, gvernijiet reġjonali jew lokali, aġenziji u istituzzjonijiet suprazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 4.2.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-9 ta' Settembru 2014.

Hija għandha tapplika mill-15 ta' Diċembru 2014.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-1 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 95, 5.4.2013, p. 22.

(3)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/35 tas-26 ta' Settembru 2013 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 301, 12.11.2013, p. 6).

(4)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/11 tat-12 ta' Marzu 2014 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/35 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 166, 5.6.2014, p. 31).


Fuq