EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014D0035(01)

2014/533/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 13 ta' Awwissu 2014 dwar l-identifikazzjoni ta' TARGET2 bħala sistema ta' ħlas sistemikament importanti skont ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 dwar il-ħtiġijiet tas-sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/35)

ĠU L 245, 20.8.2014, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/533/oj

20.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 245/5


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-13 ta' Awwissu 2014

dwar l-identifikazzjoni ta' TARGET2 bħala sistema ta' ħlas sistemikament importanti skont ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 dwar il-ħtiġijiet tas-sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti

(BĊE/2014/35)

(2014/533/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 3.1, l-Artikolu 22 u l-ewwel inċiż tal-Artiklu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Lulju 2014 dwar il-ħtiġijiet tas-sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 1(2) u 1(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-raba' inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat u r-raba' inċiż tal-Artikolu 3.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”) jagħti s-setgħa lill-Eurosistema sabiex tippromwovi l-operat bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas.

(2)

L-Eurosistema tippromwovi l-operat bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas, inter alia, billi twettaq sorveljanza.

(3)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) implimenta l-prinċipji għal infrastrutturi tas-suq finanzjarju maħruġa mill-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Ħlas u Saldu (Committee on Payment and Settlement Systems — “CPSS”) tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (Bank for International Settlements — “BIS”) u l-Kumitat Tekniku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (International Organization of Securities Commissions — “IOSCO”) (iktar 'il quddiem il-“Prinċipji CPSS-IOSCO”), li jarmonizzaw u jsaħħu standards ta' sorveljanza internazzjonali eżistenti għal, inter alia, sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (systemically important payment systems — SIPS), permezz tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

(4)

Sabiex iwettaq l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) għal TARGET2, il-Kunsill Governattiv qiegħed jivverifika li l-kriterju msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) huwa sodisfatt, u li tnejn mill-erba' kriterji msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) huma sodisfatti, kif deskritt fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. Għall-eżerċizzju ta' verifika li fuqu hija bbażata din id-Deċiżjoni, intużat dejta pubblika għas-sena kalendarja 2012, flimkien ma' risposti għal stħarriġ tal-BĊE.

(5)

Taħt il-Linja Gwida BĊE/2012/27 (2) TARGET2 għandha struttura diċentralizzata li tgħaqqad flimkien bosta sistemi ta' ħlas. Is-sistemi komponenti tat-TARGET2 huma armonizzati sal-ogħla grad possibbli, b'ċerti eċċezzjonijiet fil-każ ta' restrizzjonijiet tal-liġi nazzjonali. It-TARGET2 hija kkaratterizzata wkoll minn pjattaforma teknika unika msejħa l-Pjattaforma Komuni Unika. Il-Kunsill Governattiv għandu l-kompetenza finali fir-rigward tat-TARGET2 u jissalvagwardja l-funzjoni pubblika tiegħu: dan l-arranġament ta' governanza huwa rifless fis-sorveljanza ta' sistemi komponenti tat-TARGET2,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

It-termini użati f'din id-Deċiżjoni għandhom l-istess tifsira bħal dawk fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

Artikolu 2

Identifikazzjoni ta' SIPS u operatur ta' SIPS

1.   Sistemi komponenti tat-TARGET2 li jissodisfaw il-kriterju tal-Artikolu 1(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) għandhom jiġu identifikati b'mod kollettiv bħala sistema ta' ħlas sistemikament importanti għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

2.   L-operaturi ta' sistemi komponenti tat-TARGET2 li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 sa 21 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

Artikolu 3

Awtorità kompetenti

Il-BĊE għandu jkun l-awtorità kompetenti għas-sorveljanza tat-TARGET2.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-13 ta' Awwissu 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 217, 23.7.2014, p. 16.

(2)  Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).


ANNESS

Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (TARGET2), mħaddma mill-Eurosistema mkejla kontra l-kriterji stipulati fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28)

Kriterju

TARGET2

(a)

eliġibbli biex tkun innotifikata bħala sistema skont id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) minn Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew operatur stabbilit fiż-żona tal-euro

Komponenti tat-TARGET2 innotifikati bħala sistemi skont id-Direttiva 98/26/KE minn Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro:

TARGET2-OeNB

TARGET2-BE

TARGET2-CY

TARGET2-Eesti

TARGET2-Suomen Pankki-järjestelmä

TARGET2-Banque de France

TARGET2-BBk

TARGET2-ECB

TARGET2-GR

TARGET2-Ireland

TARGET2-Banca d'Italia

TARGET2-Latvija

TARGET2-LU

TARGET2 Malta

TARGET2-NL

TARGET2-PT

TARGET2-Banco de España (TARGET2-BE)

TARGET2-SK

TARGET2-Slovenija

Kriterju ssodisfat

(b)(i)

il-valur medju totali ta' kuljum ta' ħlasijiet ipproċessati ddenominati f'euro li jeċċedu 10 biljun EUR

Valur medju totali ta' kuljum ta' ħlasijiet ipproċessati ddenominati f'euro: EUR 2 777 triljun

Kriterju ssodisfat

(b)(ii)

is-sehem tas-suq tagħha huwa mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

15 % tal-volum totali tal-ħlasijiet denominati f'euro; jew

5 % tal-volum totali tal-ħlasijiet transkonfinali ddenominati f'euro;

75 % tal-volum totali tal-ħlasijiet iddenominati f'euro fil-livell ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

 

(b)(iii)

l-attività transkonfinali tiegħu (jiġifieri parteċipanti stabbiliti f'pajjiż li mhuwiex dak tal-operatur tas-SIPS u/jew rabtiet transkonfinali b'sistemi ta' ħlas) tinvolvi ħames pajjiżi jew iktar u tiġġenera minimu ta' 33 % tal-volum totali tal-ħlasijiet denominati f'euro pproċessati

 

(b)(iv)

użat għall-ħlas ta' IFM oħrajn

Sistemi komponenti tat-TARGET2 jintużaw għall-ħlas tal-IFM

Kriterju ssodisfat


(1)  Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar il-finalità tal-ħlas f'sistemi ta' saldu ta' pagamenti u s-sistemi ta' ħlas ta' titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).


Fuq