EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32014D0023(01)
2014/337/EU: Decision of the European Central Bank of 5 June 2014 on the remuneration of deposits, balances and holdings of excess reserves (ECB/2014/23)
2014/337/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta' Ġunju 2014 dwar i-remunerazzjoni ta' depożiti, bilanċi u holdings ta' eċċess ta riżervi (BĊE/2014/23)
2014/337/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta' Ġunju 2014 dwar i-remunerazzjoni ta' depożiti, bilanċi u holdings ta' eċċess ta riżervi (BĊE/2014/23)
ĠU L 168, 7.6.2014, p. 115–116
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 29/10/2019; Imħassar b' 32019D0031
7.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 168/115 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-5 ta' Ġunju 2014
dwar i-remunerazzjoni ta' depożiti, bilanċi u holdings ta' eċċess ta riżervi
(BĊE/2014/23)
(2014/337/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel u r-raba' inċiżi tal-Artiklu 3.1, u l-Artikli 17, 18 u 22 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti tal-politika monetarja u l-proċeduri tal-Eurosistema (1),
Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (2),
Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2014/9 tal-20 Ta' Frar 2014 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (3),
Billi:
(1) |
Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi minn żmien għal żmien li jbaxxi r-rata ta' faċilità ta' depożitu għal taħt iż-żero fil-mija. |
(2) |
F'każ ta' tnaqqis tar-rata ta' faċilità ta' depożitu, jenħtieġ li r-regoli għar-remunerazzjoni tad-depożiti, bilanċi u holdings ta' eċċess ta' riżervi fil-Linji Gwida BĊE/2011/14, BĊE/2012/27 u BĊE/2014/9 jiġu aġġustati f'dan is-sens, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Remunerazzjoni ta' depożiti
“Remunerazzjoni” fid-dispożizzjonijiet ta' Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14fir-rigward tal-ġbir ta' depożiti b'terminu fiss u tal-faċilità ta' depożitu tista' tkun: b'rata ta' mgħax pożittiva; (b) b'rata ta' mgħax ta' żero fil-mija, jew (c) b'rata ta' mgħax negattiva. Rata ta' mgħax negattiva tinvolvi obbligu ta' ħlas mnid-detentur tad-depożitu lill-bank ċentrali kkonċernat tal-Eurosistema inkluż id-dritt ta' dak il-bank ċentrali tal-Eurosistema li jiddebita l-kont tal-kontroparti f'dan is-sens.
Artikolu 2
Remunerazzjoni ta' holdings ta' eċċess ta' riżervi
Holdings ta' riżervi li jeċċedu r-riżervi minimi meħtieġa għandhom ikunu remunerati b'żero fil-mija jew bir-rata ta' faċilità ta' depożitu, hi liema hi l-aktar baxxa.
Artikolu 3
Remunerazzjoni ta' bilanċi fit-TARGET2
Kontijiet tal-Modulu tal-Ħlasijiet u s-subkontijiet tagħhom għandhom jew ikunu remunerati b'żero fil-mija jew bir-rata ta' faċilità ta' depożitu, hi liema hi l-aktar baxxa, ħlief jekk jintużaw biex iżommu r-riżervi minimi meħtieġa.
Artikolu 4
Remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern
1. Fi kwalunkwe jum tal-kalendarju, l-ammont totali ta' depożiti ta' matul il-lejl u b'terminu fiss tal-gvernijiet kollha ma' BĊN li jaqbeż l-ogħla bejn: (a) EUR 200 miljun; jew (b) 0,04 % tal-prodott domestiku gross tal-Istat Membru fejn il-BĊN ikun domiċiljat, għandu jkun remunerat b'rata ta' mgħax ta' żero fil-mija. Jekk ir-rata ta' faċilità ta' depożitu f'dan il-jum tkun negattiva, għandha tapplika rata ta' mgħax li m'għandhiex tkun ogħla mir-rata ta' faċilità ta' depożitu. Rata ta' mgħax negattiva tinvolvi obbligu ta' ħlas lill-BĊN ikkonċernat mid-detentur tad-depożitu, inkluż id-dritt ta' dak il-BĊN li jiddebita l-kont tad-depożitu tal-gvern ikkonċernat f'dan is-sens.
2. Paragrafu 1 għandu (a) japplika biss ladarba l-Kunsill Governattiv jiddeċiedi li jbaxxi r-rata ta' faċilità ta' depożitu għal taħt iż-żero fil-mija, u (b) jinqara flimkien mal-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 11 tal-Linja Gwida BĊE/2014/9, bil-patt li dak l-Artikolu 11 tal-Linja Gwida BĊE/2014/9 japplika biss għall-bilanċ pendenti u l-maturità applikabbli rimanenti ta' depożiti b'terminu fiss miżmumin mal-BĊNi fil-jum tal-kalendarju qabel il-jum li fih il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi li jbaxxi r-rata tal-faċilità ta' depożitu għal anqas minn żero fil-mija.
3. Id-depożiti tal-gvern relatati mal-Unjoni Ewropea/il-Fond Monetarju Internazzjonali u programmi ta' appoġġ finanzjarju oħrajn paragunabbli li jinżammu f'kontijiet mal-BĊNi għandhom ikunu suġġetti għar-rati ta' remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) tal-Linja Gwida BĊE/2014/9 jew remunerati b'rata ta' żero fil-mija, irrispettivament minn liema waħda hija l-oġħla, iżda ma għandhomx jgħoddu għall-ammont limitu msemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 5
Remunerazzjoni ta' xi depożiti miżmumin għand il-BĊE
Kontijiet miużmumin għand il-BĊE skont id-Deċiżjoni BĊE/2003/14 (4), id-Deċiżjoni BĊE/2010/31 (5) u d-Deċiżjoni BĊE/2010/17 (6) għandhom jibqgħu jiġu remunerati bir-rata tal-faċilità ta' depożitu. Madankollu, meta jkun meħtieġ li d-depożiti jinżammu f'dawk il-kontijiet qabel id-data li fiha jrid isir ħlas skont ir-regoli legali jew kuntrattwali applikabbli għall-faċilità kkonċernata, dawn id-depożiti għandhom jiġu remunerati matul dan il-perijodu bikri fil-faċilità ta' depożitu jew bir-rata ta' żero fil-mija, irrispettivament minn liema waħda hija l-ogħla.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Frankfurt am Main, il-5 ta' Ġunju 2014.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.
(3) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 56.
(4) Id-Deċiżjoni BĊE/2003/14 tas-7 ta' Novembru 2003 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta' self u tislif li l-Komunità Ewropea kkonkludiet skont il-faċilità ta' assistenza finanzjarja ta' tul medju (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 35).
(5) Id-Deċiżjoni BĊE/2010/31 tal-20 ta' Diċembru 2010 li tikkonċerna l-ftuħ ta' kontijiet għall-ipproċessar ta' ħlasijiet b'rabta ma' self mill-EFSF lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 10, 14.1.2011, p. 7).
(6) Id-Deċiżjoni BĊE/2010/17 tal-14 ta' Ottubru 2010 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta' self lil u mill-Unjoni konklużi taħt il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 275, 20.10.2010, p. 10).