EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32008D0017

2008/893/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 17 ta’ Novembru 2008 li twaqqaf il-qafas għall-akkwist konġunt tal-Ewrosistema (BĊE/2008/17)

ĠU L 319, 29.11.2008, p. 76–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 002 P. 261 - 263

Status legali tad-dokument Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 28/05/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/893/oj

29.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 319/76


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Novembru 2008

li twaqqaf il-qafas għall-akkwist konġunt tal-Ewrosistema

(BĊE/2008/17)

(2008/893/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 105 u 106,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (hawn ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment l-Artikolu 12.1 flimkien mal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5, 16 u 24,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 12.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Governattiv jaddotta l-linji gwida u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati f’idejn l-Ewrosistema. Il-Kunsill Governattiv dlonk għandu s-saħħa li jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet awżiljarji bħall-akkwist ta’ oġġetti u servizzi li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Ewrosistema.

(2)

Il-leġislazzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-akkwist tippermetti l-akkwist konġunt ta’ oġġetti u servizzi minn awtoritajiet kontraenti diversi. Dan il-prinċipju huwa rifless fil-Premessa 15 sa u fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, dwar il-koordinament ta’ proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi, kuntratti ta’ provvisti pubbliċi u kuntratti ta’ servizzi pubbliċi (1), li jipprovdu għall-użu ta’ ċerta teknika ta’ xiri ċentralizzat.

(3)

L-għan tal-Ewrosistema hu li timxi mal-prinċipji ta’ effiċjenza fl-ispejjeż u effettività, u tfittex l-aħjar valur għall-flus fl-akkwist ta’ oġġetti u servizzi. Il-Kunsill Governattiv iqis l-akkwist konġunt ta’ oġġetti u servizzi bħala strument biex jinkisbu dawn l-għanijiet billi jiġu sfruttati s-sinerġiji u l-ekonomiji ta’ skala.

(4)

Billi jistabbilixxi qafas għall-akkwist konġunt fl-Ewrosistema, il-BĊE għandu l-għan li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li addottaw l-ewro f’dan l-akkwist konġunt.

(5)

Il-Kunsill Governattiv ħoloq Uffiċċju għall-Koordinament tal-Akkwisti fl-Ewrosistema (EPCO) biex jikkoordina dan l-akkwist konġunt. Il-Kunsill Governattiv ħatar lill-Banque centrale du Luxembourg biex jilqa’ l-EPCO għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(6)

Din id-Deċiżjoni hi bla ħsara għal possibbiltà għall-banek ċentrali li jitolbu l-EPCO biex jgħinhom fl-akkwist ta’ oġġetti u servizzi li ma jaqgħux taħt l-iskop ta’ din id-Direttiva.

(7)

Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li għadhom ma addottawx l-ewro jista’ jkollhom interess li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-EPCO kif ukoll fil-proċeduri konġunti ta’ sejħiet għal offerti, li ser isiru taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-banek ċentrali,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Deċizjoni:

(a)

“Ewrosistema” tfisser il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li addottaw l-ewro;

(b)

“kompiti tal-Ewrosistema” tfisser il-kompiti mogħtija lill-Ewrosistema skond it-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ;

(ċ)

“bank ċentrali” tfisser il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li addotta l-ewro;

(d)

“bank ċentrali li jmexxi” tfisser il-bank ċentrali responsabbli biex imexxi l-proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti;

(e)

“bank ċentrali li jilqa’” tfisser il-bank ċentrali maħtur mill-Kunsill Governattiv biex jilqa’ l-EPCO;

(f)

“Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO” tfisser il-kumitat tat-tmexxija mwaqqaf mill-Kunsill Governattiv biex imexxi l-attivitajiet tal-EPCO. Il-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO huwa magħmul minn membru wieħed minn kull bank ċentrali, li jiġi magħżul minn fost il-ħaddiema f’livell superjuri bl-għerf u l-esperjenza fi kwistjonijiet organizzattivi u strateġiċi fl-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom u esperti fl-akkwist. Il-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO għandu jirrapporta permezz tal-Bord Eżekuttiv lill-Kunsill Governattiv. Il-post ta’ President u s-Segretarjat tal-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO għandu jkun provvdut mill-BĊE;

(g)

“proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti” tfisser proċedura għall-akkwist konġunt ta’ oġġetti u servizzi magħmul mill-bank ċentrali li jmexxi għal benefiċċju tal-banek ċentrali li jipparteċipaw fil-proċedura tas-sejħa għal offerti.

Artikolu 2

Skop ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-akkwist konġunt minn banek ċentrali ta’ oġġetti u servizzi li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Ewrosistema.

2.   Il-parteċipazzjoni tal-banek ċentrali fl-attivitajiet tal-EPCO u fi proċeduri konġunti ta’ sejħiet għal offerti hija volontarja.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha tkun bla ħsara għall-Linja ta’ Gwida BĊE/2004/18 tas-16 ta’ Settembru 2004 dwar l-akkwist ta’ karti tal-flus ewro (2).

Artikolu 3

Uffiċċju għall-Koordinament tal-Akkwisti fl-Ewrosistema

1.   L-EPCO għandu jwettaq dawn il-kompiti li ġejjin:

(a)

jiffaċilita' l-adozzjoni tal-aħjar prattiċi għall-akkwist fl-Ewrosistema;

(b)

jiżviluppa l-infrastruttura (eż. kapaċitajiet, għodda funzjonali, sistemi ta’ tagħrif, proċessi) meħtieġa għall-akkwist konġunt;

(ċ)

jidentifika każijiet potenzjali għal akkwist konġunt li jaqgħu fi jew ‘il barra mill-iskop ta’ din id-Deċiżjoni skond il-ħtiġijiet tal-akkwisti li l-banek ċentrali jibagħtu lill-EPCO;

(d)

jipprepara u jaġġorna kif meħtieġ pjan annwali ta’ akkwisti għal proċeduri konġunti ta’ sejħiet għal offerti bbażati fuq il-valutazzjoni deskritta fil-punt (ċ);

(e)

jipprepara rekwiżiti komuni f’kooperazzjoni mal-banek ċentrali li jipparteċipaw f’proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti;

(f)

jgħin lill-banek ċentrali fil-proċeduri konġunti ta’ sejħiet għal offerti;

(g)

jgħin lill-banek ċentrali fl-akkwist relatat mal-proġetti komuni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, jekk ikun mitlub mill-bank ċentrali li jmexxi l-proġett.

2.   Il-bank ċentrali li jilqa’ għandu jipprovdi l-materjal u r-riżorsi umani meħtieġa għall-EPCO biex iwettaq il-kompiti skond il-baġit approvat mill-Kunsill Governattiv kif stabbilit fil-paragrafu 4.

3.   Il-bank ċentrali li jilqa’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO, jista’ jaddotta regoli dwar l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni interna tal-EPCO, inkluż kodiċi ta’ kondotta għall-ħaddiema ta’ l-EPCO, li l-għan tiegħu hu li jiżgura l-ogħla integrità fil-qadi ta’ dmirijiethom.

4.   Il-banek ċentrali għandhom jiffinanzjaw il-baġit tal-EPCO skond ir-regoli addottati mill-Kunsill Governattiv. Qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, l-EPCO għandu jgħaddi proposta għal baġit annwali għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv, permezz tal-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO u tal-Bord Eżekuttiv.

5.   L-EPCO għandu jissottometti rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Kunsill Governattiv, permezz tal-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO u l-Bord Eżekuttiv.

6.   L-attivitajiet tal-EPCO għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll tal-Kumitat ta’ Awdituri Interni skond ir-regoli addottati mill-Kunsill Governattiv. Dan għandu jkun bla ħsara għall-kontroll u r-regoli tal-verifka li japplikaw jew li jiġu addottati mill-bank ċentrali li jilqa’.

7.   Il-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO għandu jagħmel valutazzjoni effettiva u effiċjenti tal-attivitajiet tal-EPCO ħames snin wara li jiġi stabbilit l-EPCO. Ibbażat fuq din il-valutazzjoni, il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi jekk hux meħtieġ li jagħmel proċedura ta’ selezzjoni biex jagħżel bank ċentrali li jilqa’ ġdid.

Artikolu 4

Proċeduri konġunti ta’ sejħiet għal offerti

1.   Proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti għandha titqies meħtieġa għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni jekk: (i) huwa raġonevolment mistenni li l-akkwist konġunt ta’ oġġetti u servizzi jwassal għal kundizzjonijiet ta’ xiri aktar vantaġġużi skond il-prinċipji tal-effiċjenza u l-effettività tal-ispejjeż; jew (ii) il-banek ċentrali għandhom bżonn jaddottaw rekwiżiti armonizzati u standards dwar dawn l-oġġetti u/jew s-servizzi.

2.   Wara li jiġi identifikat każ potenzjali għal akkwist konġunt, l-EPCO għandu jistieden il-banek ċentrali biex jieħdu sehem fi proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti. Il-banek ċentrali għandhom jinfurmaw lill-EPCO f’ħin tajjeb jekk għandhomx f’moħħhom li jieħdu sehem fil-proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti, jekk iva, għandhom jikkomunikaw il-bżonnijiet tan-negozju tagħhom lill-EPCO. Bank ċentrali jista’ jirtira milli jieħu sehem f’akkwist konġunt qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt.

3.   Skond pjan annwali tal-akkwisti għal proċeduri konġunti ta’ sejħiet għal offerti ppreparat mill-EPCO, u wara li jikkonsulta mal-Kumitat għat-Tmexxija tal-EPCO, il-Kunsill Governattiv jista’ jibda proċeduri konġunti ta’ sejħiet għal offerti u jagħżel il-bank(ek) ċentrali li jmexxi(u) minn fost il-banek ċentrali li jieħdu sehem fil-proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti. Il-Kunsill Governattiv għandu jiġi pprovdut b’kull aġġornament tal-pjan annwali tal-akkwisti.

4.   Il-bank ċentrali li jmexxi għandu jwettaq il-proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti għall-benefiċċju tal-banek ċentrali li jieħdu sehem fil-proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti, skond ir-regoli tal-akkwisti li għalihom hu suġġett il-bank ċentrali li jmexxi. Il-bank ċentrali li jmexxi għandu, fl-avviż tal-kuntratt, jispeċifika liema banek ċentrali qegħdin jieħdu sehem fil-proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti kif ukoll l-istruttura tar-relazzjonijiet kuntrattwali.

5.   Il-bank ċentrali li jmexxi għandu jipprepara d-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti u jagħmel valutazzjoni tal-applikazzjonijiet u l-offerti b’kooperazzjoni mal-EPCO u l-banek ċentrali l-oħra li jieħdu sehem fil-proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti.

6.   Il-bank ċentrali li jmexxi għandu jwettaq il-proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti fil-lingwa(i) stabbilita(i) fil-pjan annwali ta’ l-akkwisti.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li għadhom m’addottawx l-ewro

Il-Kunsill Governattiv jista’ jistieden lil banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li għadhom ma addottawx l-ewro biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-EPCO u fil-proċeduri konġunta ta’ sejħa għal offerti taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-banek ċentrali.

Artikolu 6

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2008.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 17 ta’ Novembru 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p.114.

(2)  ĠU L 320, 21.10.2004, p. 21.


Fuq