EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32007R1348

Regolament (KE) Nru 1348/2007 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 9 ta’ Novembru 2007 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni ta’ l-ewro f’Ċipru u Malta (BĊE/2007/11)

ĠU L 300, 17.11.2007, p. 44–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 007 P. 49 - 51

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1348/oj

17.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 300/44


REGOLAMENT (KE) Nru 1348/2007 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-9 ta’ Novembru 2007

dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni ta’ l-ewro f’Ċipru u Malta

(BĊE/2007/11)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 47.2,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi (BĊE/2003/9) (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jimponi sanzjonijiet (3),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2001 dwar il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tas-settur ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2001/13) (5),

Billi:

(1)

L-adozzjoni ta’ l-ewro minn Ċipru u Malta fl-1 ta’ Jannar 2008 tfisser li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fergħat ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu f’Ċipru jew Malta se jkunu suġġetti għall-obbligi tar-riżerva minn dik id-data.

(2)

L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżervi minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) teħtieġ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri parteċipanti, inklużi Ċipru u Malta.

(3)

L-Artikolu 5 ta’ l-Istatut flimkien ma’ l-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea jimplika obbligu għall-Istati Membri biex jiddisinjaw u jimplimentaw fil-livell nazzjonali l-miżuri kollha xierqa biex jiġbru l-informazzjoni statistika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar ta’ statistika tal-BĊE u biex jiżguraw il-preparazzjoni fil-ħin fil-qasam ta’ l-istatistika biex jadottaw l-ewro.

(4)

Minħabba l-Artikoli 3.5 u 4.7 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Gvernaturi tas-Central Bank of Cyprus u tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ġew mistiedna jipparteċipaw fil-proċedimenti li jwasslu għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “istituzzjoni”, “obbligu tar-riżerva”, “perijodu ta’ manteniment”, “bażi tar-riżerva”, u “Stat Membru parteċipanti” għandhom l-istess tifsira bħal fir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta

1.   B’deroga mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), għandu jibda jiddekorri perijodu ta’ manteniment tranżitorju mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-15 ta’ Jannar 2008 għal istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta.

2.   Il-bażi tar-riżerva għal kull istituzzjoni li tinsab f’Ċipru jew Malta għall-perijodu ta’ manteniment tranżitorju għandha tkun iddefinita fir-rigward ta’ l-elementi tal-karta tal-bilanċ tagħha skond kif din tkun fil-31 ta’ Ottubru 2007. L-istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta għandhom jirrappurtaw il-bażi tar-riżerva tagħhom lis-Central Bank of Cyprus jew lill-Bank Ċentrali ta’ Malta rispettivament skond il-qafas tar-rappurtar tal-BĊE għall-istatistika monetarja u finanzjarja, kif stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13). L-istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta li jibbenefikaw mid-deroga skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13) għandhom jikkalkulaw bażi tar-riżerva għall-perijodu ta’ manteniment tranżitorju skond il-karta tal-bilanċ tagħhom skond kif din tkun fit-30 Settembru 2007.

3.   Fir-rigward tal-perijodu ta’ manteniment tranżitorju, jew l-istituzzjoni li tinsab f’Ċipru jew Malta jew il-bank ċentrali nazzjonali rispettiv tagħha għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi ta’ dik l-istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tippreżenta l-kalkoli tagħha lill-parti l-oħra u tħalli żmien biżżejjed biex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tivverifikahom u tippreżenta reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkulati, inklużi kull reviżjonijiet, jekk applikabbli, għandhom ikunu kkonfermati miż-żewġ partijiet mhux aktar tard mill-11 ta’ Diċembru 2007. Jekk il-parti nnotifikata ma tikkonfermax l-ammont tar-riżervi minimi sal-11 ta’ Diċembru 2007, hija għandha titqies li tkun ikkonfermat li l-ammont ikkalkulat japplika għall-perijodu ta’ manteniment tranżitorju.

4.   L-Artikolu 3(2) sa (4) għandu japplika mutatis mutandis għal istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru sabiex dawn l-istituzzjonijiet jistgħu, għall-perijodi inizjali tagħhom ta’ manteniment, inaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet f’Ċipru jew Malta, minkejja li fiż-żmien li r-riżervi minimi huma kkalkulati dawn l-istituzzjonijiet ma jidhrux fuq il-lista ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

L-Artikolu 3(2) sa (4) għandu japplika mutatis mutandis għal istituzzjonijiet li jinsabu f’Malta sabiex dawn l-istituzzjonijiet jistgħu, għall-perijodi inizjali tagħhom ta’ manteniment, inaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet f’Ċipru jew Malta, minkejja li fiż-żmien li r-riżervi minimi huma kkalkulati dawn l-istituzzjonijiet ma jidhrux fuq il-lista ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra

1.   Il-perijodu ta’ manteniment li japplika għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) għandu jibqa mhux affettwat bl-eżistenza ta’ perijodu ta’ manteniment tranżitorju għall-istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta.

2.   L-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra jistgħu jiddeċiedu jnaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom għall-perijodi ta’ manteniment mit-12 ta’ Diċembru 2007 sal-15 ta’ Jannar 2008 u mis-16 ta’ Jannar sat-12 ta’ Frar 2008 kull passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta, minkejja li fiż-żmien li r-riżervi minimi huma kkalkulati dawn l-istituzzjonijiet ma jidhrux fil-lista ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

3.   L-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra li jixtiequ jnaqqsu l-passivi dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta għandhom, għall-perijodi ta’ manteniment mit-12 ta’ Diċembru 2007 sal-15 ta’ Jannar 2008 u mis-16 ta’ Jannar sat-12 ta’ Frar 2008, jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom skond kif tkun il-karta tal-bilanċ tagħhom fil-31 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru 2007 rispettivament u jirrappurtaw tabella skond in-nota f’qiegħ il-paġna 5 tat-Tabella 1 ta’ l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13) li turi l-istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta bħala li huma suġġetti diġa' tas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ l-istituzzjonijiet biex jirrappurtaw informazzjoni statistika għall-perijodi rispettivi skond it-Tabella 1 ta’ l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13), li għadha turi l-istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta bħala banek li jinsabu f’“Il-Bqija tad-Dinja”.

It-tabelli għandhom jiġu rrappurtati skond il-limiti taż-żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13).

4.   Għall-perijodi ta’ manteniment li jibdew jiddekorru f’Diċembru 2007, Jannar u Frar 2008, l-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra li jibbenefikaw mid-deroga skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13) u jixtiequ jnaqqsu l-passivi dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta, għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom skond kif tkun il-karta tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2007 u jirrappurtaw tabella skond in-nota f’qiegħ il-paġna 5 tat-Tabella 1 ta’ l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13) li turi l-istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta bħala li huma suġġetti diġa' tas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ l-istituzzjonijiet biex jirrappurtaw informazzjoni statistika għall-perijodi rispettivi skond it-Tabella 1 ta’ l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13), li għadha turi l-istituzzjonijiet li jinsabu f’Ċipru jew Malta bħala banek li jinsabu f’“Il-Bqija tad-Dinja”.

It-tabelli għandhom jiġu rrappurtati skond il-limiti taż-żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13).

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak li fih jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) u (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13) għandhom japplikaw.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 9 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 134/2002 (ĠU L 24, 26.1.2002, p. 1).

(2)  ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.

(3)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(4)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(5)  ĠU L 333, 17.12.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 4/2007 (BĊE/2006/20) (ĠU L 2, 5.1.2007, p. 3).


Fuq