EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32010D0018(01)

2010/658/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 26 ta’ Ottubru 2010 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja (BĊE/2010/18)

ĠU L 285, 30.10.2010, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 007 P. 91 - 92

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/658/oj

30.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/37


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta’ Ottubru 2010

dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja

(BĊE/2010/18)

(2010/658/UE)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż tal-Artiklu 46.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 1745/2003 tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9) (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (3),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), u partikolarment l-Artikoli 5(1) u 6(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 25/2009 tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (riformulazzjoni) (BĊE/2008/32) (5),

Billi:

(1)

L-adozzjoni tal-euro mill-Estonia fl-1 ta’ Jannar 2011 tfisser illi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fl-Estonja ser ikunu soġġetti għal rekwiżiti dwar ir-riżervi minn dik id-data.

(2)

L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżervi minimi tal-Eurosistema titlob l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet transitorji sabiex jiżguraw integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, inkluż l-Estonja.

(3)

Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Europea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jimplika illi l-BĊE, megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi ukoll sabiex jiżgura tħejjija f’waqtha fil-qasam tal-istatistika minħabba l-adozzjoni tal-euro minn Stat Membru,

ADOTTA DIN ID-DEĊIżJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-kliem “istituzzjoni”, “rekwiżit tar-riżerva”, “perijodu ta’ manutenzjoni” u “bażi tar-riżerva” għandhom l-istess tifsiriet bħal f’Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja

1.   B’deroga minn Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), perijodu ta’ manteniment tranżitorju għandu jiddekorri mill-1 sat-18 ta’ Jannar 2011 għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja.

2.   Il-bażi ta’ riżerva ta’ kull istituzzjoni li tinsab fl-Estonja għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għandha tkun definita b’rabta ma’ elementi tal-karta tal-bilanċ tagħha fil-31 ta’ Ottubru 2010. Istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja għandhom jirrappurtaw il-bażi ta’ riżerva tagħhom lil Eesti Pank skont il-qafas tal-BĊE għar-rappurtar ta’ statistika monetarja u bankarja, kif stabbilit f’Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32). Istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja li jibbenefikaw mid-deroga taħt l-Artikolu 8(1) u (4) ta’ Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) għandhom jikkalkulaw bażi ta’ riżerva għal perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2010.

3.   Fir-rigward tal-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju, istituzzjoni li tinsab fl-Estonja jew Eesti Pank għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi ta’ din l-istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tissottometti l-kalkolu tagħha lill-parti l-oħra u tħalli biżżejjed żmien għal din tal-aħħar biex tivverifikah u tissottometti reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkulati, inklużi r-reviżjonijiet li jsirulhom, għandhom ikunu kkonfermati miż-żewġ partijiet sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2010. Jekk il-parti notifikata ma tikkonfermax l-ammont ta’ riżervi minimi sas-7 ta’ Diċembru 2010, hija titqies li tkun irrikonoxxiet illi l-ammont ikkalkulat japplika għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 3(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, għall-perijodi ta’ manutenzjoni inizjali, inaqqsu mill-bażi ta’ riżerva kull passiv dovut lil istituzzjonijiet fl-Estonja, għalkemm fiż-żmien li jiġu kkalkulati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijiet soġġetti għar-rekwiżiti ta’ riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro

1.   Skont l-Artikolu 7 ta’ Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), il-perijodu ta’ manutenzjoni applikabbli għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro għandu jibqa’ mhux effettwat mill-eżistenza ta’ perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja.

2.   Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jiddeċiedu li għall-perijodi ta’ manutenzjoni mit-8 ta’ Diċembru 2010 sat-18 ta’ Jannar 2011 u mid-19 ta’ Jannar sat-8 ta’ Frar 2011 inaqqsu mill-bażi ta’ riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja, anke jekk f’dak iż-żmien li jiġu kkalkulati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijet soġġetti għar-rekwiżiti ta’ riżerva msemmijin fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

3.   Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro li jixtiequ jnaqqsu l-passi dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja għandhom, għall-perijodi ta’ manutenzjoni mit-8 ta’ Diċembru 2010 sat-18 ta’ Jannar 2011 u mid-19 ta’ Jannar sat-8 ta’ Frar 2011, jikkalkulaw ir-riżervi minimi abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom għall-31 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru 2010 rispettivament u jirrappurtaw tagħrif statistiku skont Parti 1 ta’ Anness III tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) li juri l-istituzzjonijiet fl-Estonja bħala diġa soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu l-Estonja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.

It-tabelli għandhom ikunu rrappurtati skont il-limiti ta’ żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32).

4.   Għall-perijodi ta’ manutenzjoni li jibdew f’Diċembru 2010, Jannar u Frar 2011, istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro u li jibbenefikaw mid-deroga taħt Artikolu 8(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) u jixtiequ jnaqqsu passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja, għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom għat-30 ta’ Settembru 2010 u jirrappurtaw tagħrif statistiku skont Parti 1 ta’ Anness III tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) li juri l-istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja bħala diġa soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu l-Estonja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.

It-tagħrif statistiku għandu jkun irrappurtat skont il-limiti ta’ żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32).

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Eesti Pank, istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja u istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2010.

3.   Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ Regolamenti (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) u (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) għandhom japplikaw.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Ottubru 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.

(3)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(4)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(5)  ĠU L 15, 20.1.2009, p. 14.


Fuq