EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32010D0009(01)

2010/451/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 29 ta’ Lulju 2010 dwar l-aċċess għal u l-użu ta’ ċerta dejta TARGET2 (BĊE/2010/9)

ĠU L 211, 12.8.2010, p. 45–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 015 P. 189 - 191

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 19/03/2023; Imħassar b' 32023D0549

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/451/oj

12.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/45


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta’ Lulju 2010

dwar l-aċċess għal u l-użu ta’ ċerta dejta TARGET2

(BĊE/2010/9)

(2010/451/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artiklu 3.1, u l-Artiklu 22 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 tas-26 t’April 2007 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (1) waqqfet TARGET2.

(2)

TARGET2 tiffunzjona abbażi ta’ pjattaforma teknika waħda msejħa Pjattaforma Waħda Mqassma (SSP), imħaddma mid-Deutsche Bundesbank, il-Banque de France u l-Banca d’Italia (minn hawn ’il quddiem il-“BĊi li jipprovdu l-SSP”). Hija legalment strutturata bħala multipliċità ta’ sistemi ta’ ħlas gross f’ħin reali, li kull waħda minnhom hija komponent tat-TARGET2 imħaddma minn bank ċentrali tal-Eurosistema (BĊ). Il-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 tarmonizza r-regoli għall-komponenti tat-TARGET2 sa fejn hu l-aktar possibbli.

(3)

L-Eurosistema tissorvelja t-TARGET2, bit-tmexxija tal-BĊE.

(4)

L-Artikolu 38(1) tal-Anness II tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 – il-Kundizzjonijiet Armonizzati għall-parteċipazzjoni fit-TARGET2 (minn hawn ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet Armonizzati”) jobbliga lil kull BĊ biex iżomm kunfidenzjali kull informazzjoni dwar ħlas li hija sensittiva jew sigrieta u li tappartjeni lill-parteċipanti li huma detenturi ta’ kontijiet TARGET2 ma’ dak il-BĊ, sakemm il-parteċipant ma jkunx ta bil-miktub il-kunsens tiegħu għall-iżvelar jew dak l-iżvelar ikun permess jew mitlub skont il-liġi nazzjonali.

(5)

L-Artikolu 38(2) tal-Kundizzjonijiet Armonizzati madankollu jipprovdi illi l-parteċipanti jaqblu li, sakemm dan l-iżvelar ma jkunx f’kunflitt mal-liġi applikabbli, kull BĊ jista’ jiżvela informazzjoni dwar ħlas li tirrigwarda lill-parteċipant li tkun inkisbet matul it-tħaddim tal-komponent tat-TARGET2 rilevanti lil: (i) BĊi oħrajn jew partijiet terzi li huma involuti fit-tħaddim tat-TARGET2, sa fejn dan huwa meħtieġ għall-funzjonament effiċjenti tat-TARGET2, jew (ii) awtoritajiet ta’ superviżjoni u sorveljanza ta’ Stati Membri u tal-Unjoni, sa fejn dan huwa meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet pubbliċi tagħhom.

(6)

Huwa biss meta l-użu ta’ dejta aggregata dwar il-ħlas TARGET2 ma tkunx suffiċjenti għall-BĊi biex jiżguraw il-funzjonament effettiv ta’ TARGET2, li huwa neċessarju għall-BĊi kollha li jkollhom aċċess għal dejta f’livell ta’ transazzjoni misluta mill-SSP tal-parteċipanti fil-komponenti kollha tat-TARGET2, inklużi l-parteċipanti indiretti u d-detenturi ta’ BIC indirizzabbli. L-aċċess mill-BĊi kollha għal din id-dejta f’livell ta’ transazzjoni ssir ukoll meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet pubbliċi tal-Eurosistema bħala sorveljant tat-TARGET2 meta l-użu ta’ dejta aggregata dwar il-ħlas TARGET2 ma tkunx suffiċjenti.

(7)

Dan l-aċċess tal-BĊ għal dejta f’livell ta’ transazzjoni tal-parteċipanti kollha tat-TARGET2 għandu jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ sabiex jippermetti lill-BĊi, bħala operaturi u bħala sorveljanti tat-TARGET2, li jagħmlu analiżi kwantitattivi tal-flussi tat-transazzjonijiet bejn il-parteċipanti TARGET2 jew li jagħmlu simulazzjonijiet numeriċi tal-proċess ta’ saldu tat-TARGET2. Dan l-aċċess tal-BĊ għandu jeskludi kull informazzjoni dwar il-klijenti tal-parteċipanti ħlief fejn dawn il-klijenti huma parteċipanti indiretti jew detenturi ta’ BIC indirizzabbli.

(8)

Meta jsiru minn BĊi fil-kapaċità tagħhom bħala operaturi tat-TARGET2, dawn l-analiżi kwantitattivi u s-simulazzjonijiet numeriċi għandhom partikolarment iservu l-għanijiet li jiżguraw l-effiċjenza tad-disinn tat-TARGET2, jimmonitorjaw l-effetti tal-mekkaniżmi tal-ipprezzar, u jagħmlu analiżi cost-benefit ta’ karatteristiċi u servizzi addizzjonali. Meta jsiru mill-BĊi fil-kapaċità tagħhom bħala sorveljanti ta’ TARGET2, għandhom iservu partikolarment sabiex janalizzaw fallimenti fl-operat ta’ TARGET2, janalizzaw bidliet fix-xejriet u l-ħin tal-ħlas, jikkwantifikaw il-livelli ta’ likwidità u r-riżultati tas-saldu b’likwidità mnaqqsa, jagħmlu analiżi statistika u strutturali tal-flussi tat-transazzjonijiet, u jappoġġjaw valutazzjonijiet ta’ sorveljanza regolari u ad hoc bl-użu ta’ standards applikabbli.

(9)

Huwa tal-akbar importanza li tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità tad-dejta f’livell ta’ transazzjoni. Għal dan il-għan, l-aċċess għal u l-użu ta’ dejta f’livell ta’ transazzjoni għandhom ikunu limitati għal grupp żgħir indikat ta’ membri tal-istaff mill-BĊi. Minbarra r-regoli dwar il-kondotta professjonali u l-kunfidenzjalità applikabbli għall-membri tal-istaff tal-BĊ, il-Kumitat għas-Sistemi tal-Ħlas u s-Saldu (PSSC) tas-Sistema Europea ta’ Banek Ċentrali għandha tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal u l-użu ta’ dejta f’livell ta’ transazzjoni. Il-BĊi għandhom jiżguraw il-konformità ta’ dawn ir-regoli mill-membri tal-istaff indikati tagħhom u l-PSSC għandu jimmonitorja din il-konformità.

(10)

Il-PSSC għandu jkollu l-għażla li jippubblika informazzjoni li tirriżulta mill-użu ta’ dejta f’livell ta’ transazzjoni, sakemm din l-informazzjoni ma tagħmilx possibbli li jiġu identifikati l-parteċipanti jew il-klijenti tal-parteċipanti, kemm direttament kif ukoll indirettament.

(11)

Sabiex l-analiżi kwantitattivi u s-simulazzjonijiet numeriċi jitħallew isiru bl-użu ta’ dejta f’livell ta’ transazzjoni, l-Eurosistema għandha tistabbilixxi strument speċifiku, is Simulatur TARGET2.

(12)

Minbarra l-Artikolu 38(2) tal-Kundizzjonijiet Armonizzati li jkopri dejta f’livell ta’ transazzjoni, l-Artikolu 38(3) tal-Kundizzjonijiet Armonizzati jgħid b’mod aktar wiesgħa illi, sakemm ma jagħmilx possibbli, kemm direttament jew indirettament, li jiġu identifikati l-parteċipant jew il-klijenti tal-parteċipant għal finijiet ta’ statistika, storiċi, xjentifiċi jew oħrajn fit-twettiq tal-funzjonijiet pubbliċi tal-BĊ jew ta’ funzjonijiet ta’ entitajiet pubbliċi oħrajn li lilhom tiġi żvelata l-informazzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-abbiltà tal-BĊi li jużaw, jiżvelaw jew jippubblikaw informazzjoni bħal din taħt dan l-Artikolu, il-PSSC għandu jikkoordina l-azzjonijiet tal-BĊi.

(13)

L-Artikolu 5 tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 tispeċifika l-livelli ta’ governanza tat-TARGET2, inkluż li l-Kunsill Governattiv huwa responsabbli għad-direzzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll tat-TARGET2 u li l-PSSC jassisti lill-Kunsill Governattiv bħala korp konsultattiv fil-kwistjonijiet kollha marbutin mat-TARGET2. L-Artikolu 5 tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 jistabbilixxi illi l-PSSC iwettaq id-dmirijiet assenjati lill-BĊi fil-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 fi ħdan il-qafas ġenerali definit mill-Kunsill Governattiv. F’din il-kapaċità tal-aħħar, il-PSSC għandu jwettaq ċerti dmirijiet skont din id-Deċiżjoni. Huma meħtieġa regola tal-votazzjoni għall-PSSC u l-possibbiltà għall-Kunsill Governattiv li jirrevedi d-deċiżjonijiet tal-PSSC.

(14)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni ser jiġu estiżi sabiex japplikaw għal banek ċentrali konnessi mat-TARGET2 li mhumiex fl-Eurosistema permezz ta’ ftehim bejn dawn il-banek ċentrali u l-Eurosistema.

AdoTtA DIN ID-DEĊIżJONI:

Artikolu 1

1.   Il-BĊi għandhom jaċċedu għal dejta f’livell ta’ transazzjoni dwar il-parteċipanti kollha tal-komponenti tat-TARGET2 sfilzati mit-TARGET2 sabiex jiġu żgurati l-funzjonament effiċjenti tat-TARGET2 u s-sorveljanza tiegħu.

2.   Għal kull BĊ, l-aċċess għad-dejta msemmija fil-paragrafu 1 u l-użu tagħha għal analiżi kwantitattiva u simulazzjonijiet numeriċi għandu jkun limitat għal membru tal-istaff wieħed u sa tliet sostituti kemm għat-tħaddim kif ukoll għas-sorveljanza tat-TARGET2 rispettivament. Il-membri tal-istaff u s-sostituti tagħhom għandhom ikunu membri tal-istaff li jaħdmu fuq it-tħaddim tat-TARGET2 u fuq is-sorveljanza tal-infrastruttura tas-suq.

3.   Il-BĊi jistgħu jaħtru lill-membri tal-istaff u lis-sostituti tagħhom. Il-ħatra tagħhom għandha tkun soġġetta għall-konferma mill-PSSC. L-istess proċedura għandha tapplika għas-sostituzzjoni tagħhom.

4.   Il-PSSC għandu jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-garanzija tal-kunfidenzjalità ta’ dejta f’livell ta’ transazzjoni. Il-BĊi għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dawn ir-regoli mill-membri tal-istaff tagħhom indikati skont il-paragrafi 2 u 3. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kull regola oħra dwar il-kondotta professjonali jew il-kunfidenzjalità tal-BĊi, f’każ ta’ non-osservanza tar-regoli speċifiċi stabbiliti mill-PSSC, il-BĊi għandhom iżommu kull membru indikat tal-istaff milli jkollu aċċess għal u użu tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1. Il-PSSC għandu jimmonitorja l-konformita’ mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 2

1.   Is-Simulatur TARGET2 għandu jiġi stabbilit għat-twettiq tal-analiżi kwantitattivi u s-simulazzjonijiet numeriċi msemmijin fl-Artikolu 1(2).

2.   Is-Simulatur TARGET2 għandu jiġi żviluppat u miżmum mill-BĊi li jipprovdu l-SSP u mis-Suomen Pankki. Huwa għandu jikkomprendi l-infrastruttura teknika neċessarja, l-għodda għall-isfilzar tad-dejta, għodda għas-simulazzjoni u software analitiku li għandu jiġi installat fl-SSP.

3.   L-ispeċifikazzjonijiet tas-servizzi u dawk tekniċi tas-Simulatur TARGET2 għandhom jiġu determinati ulterjorment fi ftehim bejn il-BĊi li jipprovdu l-SSP u Suomen Pankki u l-BĊi, approvat mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 3

1.   Il-PSSC għandu jistabbilixxi programmi ta’ ħidma operattivi u ta’ sorveljanza fuq żmien medju li għandhom jitwettqu mill-membri tal-istaff indikati skont l-Artikolu 1(2) u (3), bl-użu ta’ dejta fuq livell ta’ transazzjoni.

2.   Il-PSSC jista’ jiddeċiedi li jippubblijka informazzjoni sfilzata mill-użu ta’ dejta f’livell ta’ transazzjoni, sakemm ma jkunx possibbli li jiġu identifikati l-parteċipanti jew il-klijenti tal-parteċipanti.

3.   Il-PSSC għandu jiddeċìedi b’maġġoranza sempliċi. Id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni mill-Kunsill Governattiv.

4.   Il-PSSC għandu jinforma regolarment lill-Kunsill Governattiv bil-kwistjonijiet kollha marbutin mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38(3) tal-Kundizzjonijiet Armonizzati, il-PSSC għandu jikkoordina l-iżvelar u l-pubblikazzjoni minn BĊi ta’ informazzjoni dwar il-ħlas fir-rigward ta’ parteċipant jew klijenti ta’ parteċipant li dwaru hemm provvediment f’dak l-Artikolu.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 237, 8.9.2007, p. 1.


Fuq