EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32004D0008(01)

2004/505/: 2004/505/KE:
Deċiżjoni tal-bank ċentrali ewropew tat-22 ta’ April, 2004 li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat ta' l-ekwita tal-Bank Ċentrali Ewropew, għall-aġġustament tal-klejms tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi barranin ta' riżerva ttrasferiti, u għal kwistjonijiet finanzjarji relatati (BĊE/2004/8)

ĠU L 205, 9.6.2004, p. 13–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/12/2006; Imħassar b' 32006D0024(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/505/oj

9.6.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

L 205/13


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta’ April, 2004

li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat ta' l-ekwita tal-Bank Ċentrali Ewropew, għall-aġġustament tal-klejms tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi barranin ta' riżerva ttrasferiti, u għal kwistjonijiet finanzjarji relatati

(BĊE/2004/8)

(2004/505/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment l-Artikolu 30,

Billi:

(1)

Minħabba s-sħubija tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Rpubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea, u tal-fatt li l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) rispettivi tagħhom se jsiru parti mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) fl-1 ta' Mejju, 2004, il-proporzjonijiet assenjati lill-BĊNi ta' l-iStati Membri li addottaw l-ewro (minn issa' l quddiem “il-BĊNi parteċipanti”) fl-iskema kapitali tal-BĊE (minn issa' l quddiem “il-proporzjonijiet fl-iskema kapitali” u “l-iskema kapitali rispettivament”) għandhom jiġu assenjati, kif stabbilit fid-Deċiżjoni BĊE/2004/5 tat-22 ta' April, 2004, dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema tas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (1).

(2)

Dan l-aġġustament jirriżulta wkoll għall-ħtieġa li jiġu aġġustati l-klejms li l-BĊE ikun ikkredita lill-BĊNi parteċipanti skond l-Artikolu 30.3 ta' l-Istatut, u li huma ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet ta' l-assi barranin ta' riżerva tal-BĊNi parteċipanti lill-BĊE, (minn issa' l quddiem “il-klejms”).

(3)

Dawk il-BĊNi parteċipanti li l-klejms tagħhom jiżdiedu minħabba l-estenzjoni ta' l-iskema kapitali fl-1 ta' Mejju, 2004, għandhom minħabba f’hekk iwettqu trasferiment ta' kumpens lill-BĊE, filwaqt li l-BĊE għandu jwettaq trasferiment ta' kumpens lil dawk il-BĊNi parteċipanti li l-klejms tagħhom jonqsu minħabba din l-estenzjoni.

(4)

Mill-1 ta' Mejju, 2004, il-limitu ta' l-ammont ta' assi barranin ta' riżerva li jistgħu jiġu ttrasferiti lill-BĊE se jkun ta'55 646 692 471,89 ewro.

(5)

Skond il-prinċipji ġenerali tas-sens ġust, it-trattament ugwali u l-protezzjoni ta' l-aspettazzjonijiet leġittimi li huma l-bażi ta' l-Istatut, dawk il-BĊNi parteċipanti li s-sehem relattiv tagħhom fil-valur akkumulat ta' l-ekwita' tal-BĊE jiżdied minħabba l-aġġustamenti hawn fuq imsemmija, għandhom ukoll iwettqu trasferiment ta' kumpens lil dawk il-BĊNi parteċipanti li s-sehem relattiv tagħhom jiċkien.

(6)

Il-proporzjonijiet rispettivi ta' kull BĊN parteċipanti fl-iskema kapitali sal-30 ta' April, 2004, u mill-1 ta' Mejju, 2004, għandhom jiġu rrappreżentati bħala persentaġġ tal-kapital totali tal-BĊE kif sottoskritt għalih mill-BĊNi parteċipanti kollha, għall-iskop biex jiġi kkalkulat l-aġġustament tal-valur tas-sehem ta' kull BĊN parteċipanti fil-valur akkumulat ta' l-ekwita' tal-BĊE,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

Il-“valur akkumulat ta' l-ekwita” għandha tfisser it-total tar-riżervi tal-BĊE, il-kontijiet ta' rivalutazzjoni u l-provvisti ekwivalenti għar-riżervi kif imsemmi fil-kontijiet annwali tal-BĊE u approvati mill-Kunsill Governattiv għas-sena finanzjarja 2003. Ir-riżervi tal-BĊE u dawk il-provvisti ekwivalenti għar-riżervi għandhom jinkludu, mingħajr preġudizzju għall-ġeneralita' tal-“valur akkumulat ta l-ekwita”, il-fond ta' riżerva ġenerali, u l-provvisti ekwivalenti għar-riżervi għal telf ta' valutazzjoni fir-rigward tar-rati tal-kambju u l-prezzijiet tas-suq.

(b)

Id-“data tat-trasferiment” għandha tfisser id-19 ta' Mejju, 2004.

(c)

“Id-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus ewro” għandha jkolha l-istess tifsira bħall-frażi “id-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus ewro ċċirkulati” kif iddefinita fl-Artikolu 1(d) tad-Deċiżjoni BĊE/2002/9 tal-21 ta' Novembru, 2002, dwar id-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus ewro fiċ-ċirkulazzjoni lill-banek ċentrali nazzjonali ta' l-iStati Membri parteċipanti (2).

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni għar-riżervi u l-provvisti tal-BĊE

1.   Jekk is-sehem ta' xi BĊN parteċipanti fil-valur akkumulat ta' l-ekwita' jiżdied minħabba t-tkabbir fil-proporzjon tiegħu fl-iskema kapitali fl-1 ta' Mejju, 2004, dak il-BĊN fid-data tat-trasferiment għandu jittrasferixxi lill-BĊE l-ammont iddeterminat skond il-paragrafu 3.

2.   Jekk is-sehem ta' xi BĊN parteċipanti fil-valur akkumulat ta' l-ekwita' jiċkien minħabba t-tnaqqis fil-proporzjon tiegħu fl-iskema kapitali fl-1 ta' Mejju, 2004, dak il-BĊN fid-data tat- trasferiment għandu jirċievi mill-BĊE l-ammont iddeterminat skond il-paragrafu 3.

3.   Fl-14 ta' Mejju, 2004, jew qabel, il-BĊE għandu jikkalkula u jikkonferma lil kull BĊN parteċipanti, jew l-ammont li għandu jiġi ttrasferit minn dak il-BĊN lill-BĊE fejn japplika l-paragrafu 1, jew l-ammont li dak il-BĊN għandu jirċievi mill-BĊE fejn japplika l-paragrafu 2. Salv xi aġġustament li jkun meħtieġ, kull ammont li għandu jiġi ttrasferit jew irċevut għandu jiġi kkalkulat bil-multiplikazzjoni tal-valur akkumulat ta' l-ekwita' bid-differenza assoluta bejn il-proporzjon ta' kull BĊN parteċipanti fl-iskema kapitali fil-30 ta' April, 2004, u l-proporzjon tiegħu fl-iskema kapitali mill-1 ta' Mejju, 2004, u bid-diviżjoni tar-riżultat b’100.

4.   Kull ammont deskritt fil-paragrafu 3 għandu jkun dovut fl-ewro fil-1 ta’ Mejju, 2004, imma għandu jiġi ttrasferit effettivament fid-data tat-trasferiment.

5.   Fid-data tat-trasferiment, kull BĊN parteċipanti jew il-BĊE li jkollu jittrasferixxi xi ammont skond il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2, għandu wkoll jittrasferixxi separatament kull imgħax li jiddekorri matul il-perjodu ta' mill-1 ta' Mejju, 2004, sad-data tat-trasferiment, dwar kull ammont dovut rispettiv minn dak il-BĊN parteċipanti u mill-BĊE. Min jittrasferixxi u min jirċievi dan l-imgħax għandu jkun l-istess min jittrasferixxi u min jirċievi l-ammonti li dwarhom l-imgħax jiddekorri.

6.   Jekk il-valur akkumulat ta' l-ekwita' jkun anqas minn zero, l-ammonti li jkollhom jiġu ttrasferiti jew irċevuti skond il-paragrafu 3 u l-paragrafu 5, għandhom jiġu rregolati fid-direzzjonijiet opposti għal dawk speċifikati fil-paragrafu 3 u fil-paragrafu 5.

Artikolu 3

Aġġustament tal-klejms li huma ekwivalenti għall-assi barranin ta’ riżerva ttrasferiti

1.   Il-klejms tal-BĊNi parteċipanti għandhom jiġu aġġustati fl-1 ta' Mejju, 2004, skond il-proporzjonijiet tagħhom fl-iskema kapitali aġġustata. Il-valur tal-klejms tal-BĊNi parteċipanti mill-1 ta' Mejju, 2004, qed jintwera fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Kull BĊN parteċipanti, bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni u mingħajr il-ħtieġa ta' aktar formalita' jew atti, għandu jitqies li jkun jew ittrasferixxa jew irċieva fl-1 ta' Mejju, 2004, il-valur assolut tal-klejm (f’ewro) imniżżel ħdejn ismu fir-raba' kolonna tat-tabella fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni, fejn is-sinjal “-” għandu jirreferi għal klejm li l-BĊN għandu jittrasferixxi lill-BĊE, u s-sinjal “+” għal klejm li l-BĊE għandu jittrasferixxi lill-BĊN.

3.   Fit-3 ta' Mejju, 2004, kull BĊN parteċipanti għandu jew jittrasferixxi jew jirċievi l-valur assolut ta' l-ammont (f’ewro) imniżżel ħdejn ismu fir-raba' olonna tat-tabella fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni, fejn is-sinjal “+” għandu jirreferi għal ammont li l-BĊN għandu jittrasferixxi lill-BĊE, u s-sinjal “-” għal ammont li l-BĊE għandu jittrasferixxi lill-BĊN.

4.   Fit-3 ta' Mejju, 2004, il-BĊE u l-BĊNi parteċipanti li huma obbligati li jittrasferixxu xi ammonti skond il-paragrafu 3, għandhom ukoll jittrasferixxu separatament kull imgħax akkumulat matul il-perjodu ta' mill-1 ta' Mejju, 2004, sat-3 ta' Mejju, 2004, dwar l-ammonti dovuti rispettivi mill-BĊE u minn dawk il-BĊNi. Min jittrasferixxi u min jirċievi dan l-imgħax għandu jkunu l-istess min jittrasferixxi u min jirċievi l-ammonti li dwarhom l-imgħax jiddekorri.

Artikolu 4

Kwistjonijiet finanzjarji relatati

1.   B' deroga mit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2001/16 tas-6 ta' Diċembru, 2001, dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-iStati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja, 2002 (3), il-bilanċi interni għall-Ewrosistema dwar il-karti tal-flus ewro ċċirkulati għandhom, għall-perjodu ta' mill-1 ta' Mejju, 2004, sal-31 ta' Mejju, 2004, jiġu kkalkulati abbażi ta' l-iskema kapitali estiża applikabbli mill-1 ta' Mejju, 2004, u li hi applikata għall-bilanċi dwar it-total tal-karti tal-flus ewro li jkunu fiċ-ċirkulazzjoni fit-30 ta' April, 2004. Ir-rata medja tad-dħul, kif deskritta fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2001/16, għandha tiġi kkalkulata separatament għall-perjodu ta' mill-1 ta' Jannar, 2004, sat-30 ta' April, 2004, u għall-perjodu ta' mill-1 ta' Mejju, 2004, sal-31 ta' Diċembru, 2004. Għall-perjodu ta' mill-1 ta' Mejju, 2004, sal-31 ta' Diċembru, 2004, l-ammonti ta' kumpens u l-entrati tal-kontabilita' biex jibbilanċjaw dawk l-ammonti, kif deskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2001/16, għandhom jiġu rreġistrati fil-kotba ta' kull BĊN bid-data tal-valur ta' l-1 ta' Mejju, 2004. B’deroga mit-tielet sentenza ta' l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2001/16, kull erba' xhur il-BĊE għandu jinforma lill-BĊNi bl-ammonti ta' dħul monetarju kumulattiv dwar il-perjodu ta' mill-1 ta' Jannar, 2004, sat-30 ta' April, 2004, u kull xahrejn dwar il-perjodu ta' mill-1 ta' Mejju, 2004, sat-30 ta' Ġunju, 2004.

2.   Dwar il-perjodu ta' mill-1 ta' Jannar, 2004, sat-30 ta' April, 2004, id-dħul monetarju tal-BĊNi, ir-remunerazzjoni tal-klejms tal-BĊNi ekwivalenti għall-assi barranin ta' riżerva ttrasferiti lill-BĊE, u r-remunerazzjoni dwar il-bilanċi interni għall-Ewrosistema mill-karti tal-flus ewro ċċirkulati għandhom jiġu allokati u distribwiti skond il-proporzjonijiet fl-iskema kapitali applikabbli fit-30 ta' April, 2004. Id-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus ewro, għall-ewwel trimestru ta' l-2004 għandu jiġi allokat skond il-proporzjonijiet fl-iskema kapitali applikabbli fit-30 ta' April, 2004, u għat-tieni trimestru ta' l-2004 skond il-proporzjonijiet fl-iskema kapitali applikabbli mill-1 ta' Mejju, 2004.

3.   Il-profitt jew telf nett tal-BĊE, skond kif ikun il-każ, għas-sena finanzjarja 2004, għandu jkun allokat abbażi tal-proporzjonijiet fl-iskema kapitali applikabbli mill-1 ta’ Mejju, 2004.

4.   Jekk fl-aħħar ta' l-2004, il-BĊE jikkalkula li x’aktarx jagħmel telf ġenerali għas-sena finanzjarja 2004, jew jekk il-profitt nett tiegħu x’aktarx ikun anqas mill-ammont tad-dħul tiegħu mill-karti tal-flus ewro għal dik is-sena, il-BĊE għandu jżomm id-dħul tiegħu mill-karti tal-flus għar-raba' trimestru ta' l-2004. Skond kemm jestima li se jkun it-telf, il-BĊE għandu wkoll jeżiġi r-riversjoni ta' l-ammont sħiħ jew parti minnu ta' kwalunkwe distribuzzjoni inetrim tad-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus ewro magħmul fit-tielet, fit-tieni u fl-ewwel trimestru ta' l-2004, f’dik l-ordni, sakemm dan it-telf jiġi kopert. Fil-każ li l-BĊE jagħmel telf fis-sena finanzjarja 2004, u d-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus ewro għal dik is-sena ma jkunx biżżejjed biex ikopri dak it-telf, il-BĊE għandu jpaċi t-telf b' dan li ġej:

(a)

kontro-provvediment ta' flus mill-fond ta' riżerva ġenerali tal-BĊE;

(b)

suġġett għal Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv skond l-Artikolu 33 ta' l-iStatut, il-dħul monteraju tal-BĊNi miġbur kollu flimkien mill-1 ta' Mejju, 2004, sal-31 ta' Diċembru, 2004;

(c)

suġġett għal Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv skond l-Artikolu 33 ta' l-iStatut, id-dħul monetarju tal-BĊNi miġbur kollu flimkien mill-1 ta' Jannar, 2004, sat-30 ta' April, 2004.

5.   Jekk ikun jinħtieġ li xi parti mid-dħul distribwit tal-BĊE mill-karti tal-flus ewro għall-ewwel trimestru ta' l-2004 jiġi mħallas lura skond il-paragrafu 4, u jekk ikun jinħtieġ li d-dħul monetarju tal-BĊNi miġbur kollu flimkien mill-1 ta' Jannar, 2004, sat-30 ta' April, 2004, jiġi ttrasferit lura lill-BĊE, minbarra l-ħlasijiet deskritti fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3, għandhom isiru ħlasijiet ta' kumpens. Kull BĊN parteċipanti li l-proporzjoni tiegħu fl-iskema kapitali jiżdied fl-1 ta' Mejju, 2004, għandu jagħmel dan il-ħlas lill-BĊE, u l-BĊE għandu jagħmel dan il-ħlas lil kull BĊN parteċipanti li l-proporzjon tiegħu fl-iskema kapitali jiċkien fl-1 ta' Mejju, 2004. L-ammont ta' ħlasijiet ta' kumpens għandhom jiġu kkalkulati kif ġej. Id-dħul totali u ripagabbli tal-BĊE mill-karti tal-flus ewro għall-ewwel trimestru ta' l-2004 għandu jiġi mmultiplikat, bid-differenza assoluta bejn il-proporzjon tal-BĊN parteċipanti fl-iskema kapitali fit-30 ta' April, 2004 u l-proporzjon tiegħu fl-iskema kapitali fil-31 ta' Diċembru, 2004, bir-riżultat diviż b’100. Dwar il-ħlasijiet ta' kumpens dwar id-dħul monetarju tal-BĊNi miġbur kollu flimkien mill-1 ta' Jannar, 2005, sad-data tal-pagament ta' dawn il-ħlasijiet, għandu jiddekorri l-imgħax.

6.   Il-ħlasijiet ta' kumpens addizzjonali dwar id-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus ewro kif deskritt fil-paragrafu 5 għandu jitħallas fl-4 ta' Jannar, 2005. Il-ħlasijiet ta' kumpens addizzjonali dwar id-dħul monetarju tal-BĊNi miġbur kollu flimkien kif deskritt fil-paragrafu 5, kif ukoll l-imgħax akkumulat, għandu jitħallas fit-tieni jum ta' xogħol wara t-tieni laqgħa tal-Kunsill Governattiv f' Marzu, 2005.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-imgħax li jiddekorri skond il-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 2, skond il-paragrafu 4 ta' l-Artikolu 3 u skond il-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 4, għandu jiġi kkalkukat ġurnata b'ġurnata, permezz tal-metodu tal-kalkulazzjoni ta' 360-jum attwali, b’rata ekwivalenti għar-rata ta' imgħax marġinali wżata mis-SEBĊ fl-operazzjoni prinċipali ta' rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

2.   Kull trasferiment skond il-paragrafi 1, 2 u 5 ta' l-Artikolu 2, skond il-paragrafi 3 u 4 ta' l-Artikolu 3, u skond il-paragrafi 5 u 6 ta' l-Artikolu 4, għandu jseħħ separatament permezz tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET).

3.   Il-BĊE u l-BĊNi parteċipanti li huma obbligati li jagħmlu xi wieħed mit-trasferimenti msemmija fil-paragrafu 2, għandhom sadanittant, jagħtu l-istruzzjonijiet meħtieġa biex jeżegwixxu dawn it-trasferimenti fil-ħin u kif għandu jkun.

Artikolu 6

Dispożizzjoni Finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-23 ta’ April, 2004.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fit-22 ta’ April, 2004.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  Ara paġna 5 tal-Ġurnal Uffiċjali kurrenti.

(2)  ĠU L 323, 28.11.2002, p. 49.

(3)  ĠU L 337, 20.12.2001, p. 55. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2003/22 (ĠU L 9, 15.1.2004, p. 39).


ANNESS

Klejms li huma ekwivalenti gĦall-assi barranin ta’ riŻerva ttrasferiti lill-bĊe (*)

(EUR)

BĊN parteċipanti

Klejm ekwivalenti għall-assi barranin ta' riżerva ttrasferiti lill-BĊE, fit- 30 ta' April, 2004

Klejm ekwivalenti għall-assi barranin ta' riżerva ttrasferiti lill-BĊE, mill-1 ta' Mejju, 2004

Ammont ta’ ħlas ittrasferit

Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

1 414 850 000

1 419 101 951,42

+4 251 951,42

Deutsche Bundesbank

11 702 000 000

11 761 707 507,63

+59 707 507,63

Bank of Greece

1 080 700 000

1 055 840 342,96

–24 859 657,04

Banco de España

4 390 050 000

4 326 975 513,23

–63 074 486,77

Banque de France

8 258 750 000

8 275 330 930,88

+16 580 930,88

Central Bank and Financial Services Authority of Ireland

512 700 000

513 006 857,90

+306 857,90

Banca d’Italia

7 286 300 000

7 262 783 714,66

–23 516 285,34

Banque centrale du Luxembourg

85 400 000

87 254 013,80

+1 854 013,80

De Nederlandsche Bank

2 216 150 000

2 223 363 597,71

+7 213 597,71

Oesterreichische Nationalbank

1 150 950 000

1 157 451 203,42

+6 501 203,42

Banco de Portugal

1 006 450 000

982 331 062,21

–24 118 937,79

Suomen Pankki

714 900 000

717 118 925,89

+2 218 925,89

Total

39 819 200 000

39 782 265 621,70

–36 934 378,30


(*)  Minħabba xi aġġustament, it-totali jistgħu ma jaqblux mat-total tal-figuri kollha li qed jintwerew.


Fuq