EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32009D0016(01)

2009/522/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 2 ta’ Lulju 2009 fuq l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti ( covered bond) (ECB/2009/16)

ĠU L 175, 4.7.2009, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/06/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/522/oj

4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/18


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Lulju 2009

fuq l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (covered bond)

(BĊE/2009/16)

(2009/522/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, partikolarment l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 105(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.1,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tal-SEBĊ, banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li adottaw l-euro (minn hawn ‘il quddiem il-“BĊNi”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (minn hawn ‘il quddiem il-“banek ċentrali tal-Eurosistema”) jistgħu joperaw fis-swieq finanzjarji billi, fost affarijiet oħra, jixtru u jbiegħu strumenti negozjabbli immedjatament.

(2)

Fis-7 ta’ Mejju 2009 u sussegwentement fl-4 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kurrenti li jeżistu fis-suq għandu jinbeda programm (minn hawn “il quddiem il-“programm ta’ xiri ta” bonds garantiti” jew il-“programm”) li bih il-BĊNi u eċċezzjonalment il-BĊE f’kuntatt dirett mal-kontropartijiet, jistgħu skont is-sehem allokat tagħhom, jixtru immedjatament bonds garantiti eliġibbli. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema fi ħsiebhom jimplimentaw il-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti gradwalment, wara li jqisu l-kundizzjonijiet tas-suq u l-bżonnijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. L-għanijiet ta’ dan ix-xiri huma biex jikkontribwixxu għal (a) promozzjoni tat-tnaqqis kontinwu fir-rati tal-imgħax tas-swieq tal-flus; (b) taffija tal-kundizzjonijiet tal-iffinanzjar għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi; (c) inkoraġġiment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex iżommu u jespandu s-self tagħhom lill-klijenti; u (d) titjib tal-likwidità tas-suq f’setturi importanti tas-suq tat-titoli tad-dejn privat.

(3)

Bħala parti mill-politika monetarja waħda, ix-xiri immedjat ta’ bonds garantiti eliġibbli mill-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt il-programm għandu jiġi implimentat b’mod uniformi, skont dak li tgħid din d-Deċiżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Twaqqif u ambitu tax-xiri immedjat ta’ bonds garantiti

L-Eurosistema stabbiliet programm li bih il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jixtru bonds garantiti eliġibbli b’ammont nominali mmirat ta’ EUR 60 biljun. Taħt il-programm, bank ċentrali tal-Eurosistema jista’ jiddeċiedi li jixtri bonds garantiti eliġibbli minn kontropartijiet eliġibbli fis-swieq primarji u sekondarji skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà li hawn f’din id-Deċiżjoni. Il-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti tal-politika monetarja u l-proċedura tal-Ewrosistema (1) m’għandhiex tapplika għax-xiri immedjat ta’ bonds garantiti minn bank ċentrali tal-Eurosistema taħt il-programm.

Artikolu 2

Kriterji ta’ eliġibbiltà għal bonds garantiti

Il-bonds garantiti li huma (a) eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ politika monetarja kif ddefiniti fil-Linja Gwida BĊE/2000/7; (b) iddenominati f’euro; (c) maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu nkorporati fiż-żona tal-euro jew minn entitajiet oħra nkorporati fiż-żona tal-euro li jaderixxu mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 hawn isfel; u (d) miżmumin u rregolati fiż-żona tal-euro, għandhom ikunu eliġibbli għall-bejgħ immedjat taħt il-programm, iżda għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet addizzjonali li ġejjin:

(1)

Għandhom ikunu jew (i) bonds garantiti maħruġin skont il-kriterji msemmijin fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva UCITS (2) (minn hawn ‘il quddiem il-“bonds garantiti konformi mal-UCITS”), jew (ii) bonds garantiti strutturati li bank ċentrali tal-Eurosistema fid-diskrezzjoni tiegħu biss jikkunsidra li joffru salvagwardji simili għall-bonds garantiti konformi mal-UCITS.

(2)

Kull ħarġa ta’ bonds garantiti għandhom, bħala regola, ikollhom, daqs ta’ ħruġ minimu ta’ EUR 500 miljun. F’każijiet speċjali, bank ċentrali tal-Eurosistema jista’ jiddeċiedi li jixtri immedjatament bonds garantiti b’daqs ta’ ħruġ ta’ anqas minn EUR 500 miljun, iżda id-daqs tal-ħruġ m’għandux ikun anqas minn EUR 100 miljun, meta dan il-bank ċentrali tal-Eurosistema jiddeċiedi fid-diskrezzjoni tiegħu biss li hemm ċirkustanzi tas-suq speċifiċi jew kunsiderazzjonijiet tal-immaniġġar tar-riskju li jeħtieġu dan ix-xiri.

(3)

Il-ħruġ ta’ bonds garantiti, bħala regola, ikollhom klassifikazzjoni minima ta’ “AA” jew ekwivalenti, mogħtija minn tal-anqas aġenzija ta’ klassifikazzjoni ewlenija waħda.

(4)

Jekk minn joħroġ il-bond garantit hija entità (minbarra istituzzjoni ta’ kreditu) inkorporata fiż-żona tal-euro, il-kundizzjonijiet għandhom ikunu li (i) dik l-entità toħroġ biss bonds koperti u (ii) il-bonds garantiti ikunu ggarantiti b’mod sodisfaċenti għall-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti minn istituzzjoni ta’ kreditu inkorporata fiż-żona tal-euro, jew, alternattivament, ikollhom salvagwardji ta’ natura simili li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti.

(5)

Il-bonds garantiti għandhom jinħarġu bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-bonds garantiti li hija fis-seħħ fi Stat Membru li qiegħed fiż-żona tal-euro. Fil-każ ta’ bonds garantiti strutturati, il-liġi li tirregola d-dokumentazzjoni tal-bonds garantiti għandha tkun il-liġi tal-Istati Membru taż-żona tal-euro.

Artikolu 3

Kontropartijiet eliġibbli

Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontrpartijiet eliġibbli għall-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti: (a) kontropartijiet domestiċi li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema kif iddefiniti fit-taqsima 2.1 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7; u (b) kull kontroparti oħra stabbilita fiż-żona tal-euro (jew permezz ta’ inkorporazzjoni jew permezz ta’ fergħa) li jintużaw minn bank ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolli ta’ investiment iddenominati f’euro tiegħu.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-websajt tal-BĊE.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2010.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 fuq il-koordinazzjoni tal-liġijiet, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3).


Fuq