EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32006D0007(01)

Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta' Mejju 2006 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2001/16 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja 2002 (BĊE/2006/7)

ĠU L 148, 2.6.2006, p. 56–60 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 826–830 (MT)
Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Kapitolu 10 Volum 007 P. 255 - 259
Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Kapitolu 10 Volum 007 P. 255 - 259

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/12/2010; Impliċitament imħassar minn 32010D0023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/385/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

826


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta' Mejju 2006,

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2001/16 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja 2002

(BĊE/2006/7)

(2006/385/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikolu 32,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2001/16 tas-6 ta' Diċembru 2001, dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja 2002 (1) tistabbilixxi reġim għall-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri li jkunu adottaw il-euro. Skond l-Artikolu 32.5 ta' l-Istatut, is-somma tad-dħul monetarju tal-BĊNi hija allokata lill-BĊNi fi proporzjon ma' l-ishma imħallsa tagħhom fil-kapital tal-BĊE. Sabiex ikun hemm adattament gradwali tal-karti tal-bilanċ u tal-kontijiet tal-qligħ u t-telf tal-BĊNi, l-allokazzjoni tad-dħul monetarju għas-snin finanzjarji 2002 sa 2007 ġiet aġġustata biex tikkunsidra d-differenzi bejn il-valur medju tal-karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni ta' kull BĊN matul il-perijodu mill-1 ta' Lulju 1999, sat-30 ta' Ġunju 2001, u l-valur medju tal-karti tal-flus li jkunu ġew allokati lilhom matul dak il-perijodu skond l-iskema kapitali tal-BĊE. Dawn l-aġġustamenti jinkludu passiv nett intra-Ewrosistema dwar il-karti tal-flus euro fiċ-ċirkulazzjoni li jitniżżlu fil-bażi tal-passiv għall-iskopijiet tal-kalkulazzjoni tad-dħul monetarju tal-BĊNi skond l-Artikolu 32.2 ta' l-Istatut, billi huma ekwivalenti għal karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni.

(2)

It-tkabbir futur ta' l-Ewrosistema joħloq il-ħtieġa biex ir-reġim eżistenti jiġi adattat għall-allokazzjoni tad-dħul monetarju. Għal raġunijiet ta' ekwita', konsistenza u trattament ugwali, il-BĊNi ġodda ta' l-Ewrosistema għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod finanzjarju bħall-BĊNi ta' l-Ewrosistema eżistenti. Dan ifisser li għandha tiġi applikata proċedura ta' aġġustament kull darba li xi Stat Membru jadotta l-euro, u li għandha ssegwi l-istess prinċipji bħall-proċedura ta' aġġustament għas-snin finanzjarji 2002 sa 2007. Bħala konsegwenza, il-perijodi ta' aġġustament jistgħu jikkoinċidu.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998, dwar l-introduzzjoni tal-euro (2) jagħti lill-Istati Membri parteċipanti ġodda ftit flessibbilta' fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-euro għall-valuti tagħhom u l-introduzzjoni tal-karti tal-flus u muniti euro. Sabiex il-proċedura ta' aġġustament tilħaq soluzzjonijiet finanzjarji xierqa għandhom jiġu kkunsidrati x-xenarji individwali tal-bidla għall-euro,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni BĊE/2001/16 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

Id-definizzjonijiet li ġejjin jiddaħħlu wara d-definizzjoni ta' “rata ta' referenza”:

“(j)

‘data tal-bidla tal-flus kontanti’ tfisser id-data li fiha l-karti tal-flus u muniti euro jakkwistaw l-istatus ta' valuta legali fi Stat Membru li jkun adotta l-euro;

(k)

‘perijodu ta' referenza’ tfisser perijodu ta' 24 xahar li jibda 30 xahar qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti;

(l)

‘sena tal-bidla tal-flus kontanti’ tfisser perijodu ta' 12 -il xahar li jibda mid-data tal-bidla tal-flus kontanti;

(m)

‘rata ta' referenza tal-kambju fi flus barranin ta' kuljum’ tfisser ir-rata ta' referenza tal-kambju fi flus barranin ta' kuljum li hija bbażata skond il-proċedura ta' concertation regolari u ta' kuljum bejn il-banek ċentrali ġewwa u barra s-SEBĊ, li normalment isseħħ fis-14.15 Ħin Ċentrali Ewropew.”

2.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'li ġej:

“Il-bilanċi intra-Ewrosistema dwar il-karti tal-flus euro fiċ-ċirkulazzjoni għandhom ikunu kkalkulati kull xahar u għandhom ikunu rreġistrati fil-kotba tal-BĊE u tal-BĊNi fl-ewwel jum ta' negozju tax-xahar b'data ta' valur li ġġib l-aħħar jum ta' negozju tax-xahar ta' qabel.

Meta xi Stat Membru jadotta l-euro, il-kalkulazzjoni tal-bilanċi intra-Ewrosistema dwar il-karti tal-flus euro fiċ-ċirkulazzjoni skond l-ewwel subparagrafu għandu jkun irreġistrat fil-kotba tal-BĊE u l-BĊNi b'data ta' valur li ġġib id-data tal-bidla tal-flus kontanti.”

3.

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'li ġej:

“Artikolu 4

Aġġustamenti għall-bilanċi intra-Ewrosistema

1.   Għall-iskopijiet tal-kalkulazzjoni tad-dħul monetarju, kull bilanċ intra-Ewrosistema tal-BĊN dwar il-karti tal-flus euro fiċ-ċirkulazzjoni għandu jkun aġġustat b'ammont kumpensatorju ddeterminat skond il-formula li ġejja:

Ċ = (K – A) x S

fejn:

Ċ

huwa l-ammont kumpensatorju,

K

huwa l-ammont f'euro għal kull BĊN, li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-iskema tal-kapital sottoskritt għall-valur medju tal-karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni matul il-perijodu ta' referenza, fejn l-ammont tal-karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni ddenominati fil-valuta nazzjonali ta' xi Stat Membru li jadotta l-euro għandu jkun tradott f'euro skond ir-rata ta' referenza tal-kambju fi flus barranin ta' kuljum matul il-perijodu ta' referenza,

A

huwa l-valur medju f'euro għal kull BĊN tal-karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni matul il-perijodu ta' referenza, tradott f'euro skond ir-rata ta' referenza tal-kambju fi flus barranin ta' kuljum matul il-perijodu ta' referenza,

S

huwa l-ko-effiċjent għal kull sena finanzjarja, li jibda bid-data tal-bidla tal-flus kontanti:

Sena Finanzjarja

Ko-effiċjent

Sena tal-bidla tal-flus kontanti

1

Sena tal-bidla tal-flus kontanti biż-żieda ta' sena

0,8606735

Sena tal-bidla tal-flus kontanti biż-żieda ta' sentejn

0,7013472

Sena tal-bidla tal-flus kontanti biż-żieda ta' tliet snin

0,5334835

Sena tal-bidla tal-flus kontanti biż-żieda ta' erba' snin

0,3598237

Sena tal-bidla tal-flus kontanti biż-żieda ta' ħames snin

0,1817225

2.   Is-somma ta' l-ammonti kumpensatorji tal-BĊNi għandha tkun zero.

3.   L-ammonti kumpensatorji għandhom ikunu kkalkulati kull darba li xi Stat Membru jadotta l-euro jew meta l-iskema tal-kapital sottoskritt tal-BĊE tinbidel.

4.   L-ammont kumpensatorju ta' xi BĊN ġdid ta' l-Ewrosistema għandu jkun allokat lill-BĊNi ta' l-Ewrosistema eżistenti meta dak l-Istat Membru jissieħeb, fi proporzjon ma' l-ishma rispettivi tal-BĊNi eżistenti ta' l-Ewrosistema fl-iskema tal-kapital sottoskritt, bis-sinjal (+/) imreġġa' lura, u għandu jkun addizzjonali għal kwalunkwe ammont kumpensatorju diġa' fis-seħħ għall-BĊNi ta' l-Ewrosistema eżistenti.

5.   L-ammonti kumpensatorji u l-entrati tal-kontabilita' biex jibbilanċjaw dawk l-ammonti kumpensatorji għandhom jiġu rreġistrati f'kontijiet intra-Ewrosistema separati fil-kotba ta' kull BĊN b'data ta' valur li ġġib id-data tal-bidla tal-flus kontanti u l-istess data ta' valur ta' kull sena sussegwenti tal-perijodu ta' aġġustament. L-entrati tal-kontabilita' li jibbilanċjaw l-ammonti kumpensatorji m'għandhomx ikunu rremunerati.

6.   Jekk il-valur tal-karti tal-flus euro li l-Banque centrale du Luxembourg ipoġġi fiċ-ċirkulazzjoni fl-2002 jaqbeż il-valur medju tal-karti tal-flus tiegħu fiċ-ċirkulazzjoni matul il-perijodu mill-1 ta' Lulju 1999, sat-30 ta' Ġunju 2001, b'25 % jew aktar, allura għall-ittra ‘A’ tal-Banque centrale du Luxembourg fil-formula stabbilita fil-paragrafu 1 għandu jkun hemm il-valur tal-karti tal-flus imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni mill-Banque centrale du Luxembourg fl-2002 sa limitu massimu ta' EUR 2,2 billion. Ma' l-applikazzjoni ta' din id-deroga, l-ammonti kumpensatorji kollha kkalkulati skond l-Artikolu 4(1) għandhom ikunu suġġetti għal aġġustamenti retroattivi fi tmiem is-sena 2002, sabiex tiġi żgurata l-konformita' mal-paragrafu 2. Dawn l-aġġustamenti retroattivi għandhom ikunu f'proporzjon ma' l-iskema tal-kapital sottoskritt.

7.   B'deroga mill-paragrafu 1, meta jinħolqu eventwalitajiet speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' tibdiliet fix-xejriet taċ-ċirkulazzjoni tal-karti tal-flus, kif stabbilit fl-Anness III ma' din id-Deċiżjoni, il-bilanċi intra-Ewrosistema ta' kull BĊN dwar il-karti tal-flus euro fiċ-ċirkulazzjoni għandhom ikunu aġġustati skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Anness.

8.   L-aġġustamenti għal bilanċi intra-Ewrosistema stabbiliti f'dan l-Artikolu m'għandhomx jibqgħu japplikaw mill-ewwel jum tas-sitt sena wara s-sena rilevanti tal-bidla tal-flus kontanti.”

4.

L-Anness I huwa emendat skond l-Anness I ma' din id-Deċiżjoni.

5.

L-Anness III huwa sostitwit bl-Anness II ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ jum wara l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Frankfurt am Main, nhar id-19 ta' Mejju 2006.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 337, 20.12.2001, p. 55. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni BĊE/2003/22 (ĠU L 9, 15.1.2004, p. 39).

(2)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1).


ANNESS I

Il-paragrafu 1 ta' Parti A ta' l-Anness I huwa sostitwit b'li ġej:

“1.

karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni

Għall-iskopijiet ta' dan l-Anness, fis-sena tal-bidla tal-flus kontanti 2002 għal kull BĊN ta' l-Ewrosistema eżistenti, jew fis-sena tal-bidla tal-flus kontanti għal kull BĊN ġdid ta' l-Ewrosistema ‘karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni’:

(i)

tinkludi wkoll karti tal-flus maħruġa mill-BĊN u ddenominati fil-unit tal-valuta nazzjonali tiegħu; u

(ii)

għandhom jitnaqqsu bil-valur tas-self mhux irremunerat relatat mal-karti tal-flus euro frontloaded li ma jkunux ġew diġa' ddebitati (parti ta' l-element ta' l-attiv 6 tal-HBS).

Wara s-sena tal-bidla tal-flus kontanti, għall-iskopijiet ta' dan l-Anness u għal kull BĊN, ‘karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni’ tfisser karti tal-flus iddenominati f'euro, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe karti tal-flus oħra;”


ANNESS II

L-Anness III huwa sostitwit kif ġej:

“Anness III

A.   L-ewwel aġġustament eventwali

Jekk il-valur totali medju tal-karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni fis-sena tal-bidla tal-flus kontanti huwa anqas mill-valur totali medju f'euro karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni matul il-perijodu ta' referenza (inklużi dawk iddenominati fil-valuta nazzjonali ta' l-Istat Membru li jkun adotta l-euro u tradotta f'euro skond ir-rata ta' referenza tal-kambju fi flus barranin ta' kuljum matul il-perijodu ta' referenza), allura l-ko-effiċjent ‘S’ li japplika għas-sena tal-bidla tal-flus kontanti skond l-Artikolu 4(1) għandu jitnaqqas b'effett retroattiv fl-istess proporzjon bħat-tnaqqis fil-medja totali tal-karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni.

It-tnaqqis m'għandux jirriżulta f'ko-effiċjent anqas minn 0,8606735. Jekk din id-deroga hija applikata, kwart tat-tnaqqis riżultanti fl-ammonti kumpensatorji tal-BĊNi (‘Ċ’) applikabbli fis-sena tal-bidla tal-flus kontanti għandu jiżdied ma' kull wieħed mill-ammonti kumpensatorji tal-BĊNi applikabbli fit-tieni sal-ħames sena wara s-sena tal-bidla tal-flus kontanti skond l-Artikolu 4(1).

B.   It-tieni aġġustament eventwali

Jekk dawk il-BĊNi li għalihom l-ammont kumpensatorju msemmi fl-Artikolu 4(1) huwa ċifra pożittiva, remunerazzjoni netta ta' ħlas fuq il-bilanċi intra-Ewrosistema dwar il-karti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni li tirriżulta fi spiża netta meta miżjuda ma' l-element ‘riżultat nett tal-ġbir flimkien tad-dħul monetarju’ fil-kont tal-profitt u l-qligħ tagħhom fl-aħħar tas-sena, allura l-ko-effiċjent ‘S’ li japplika għas-sena tal-bidla tal-flus kontanti skond l-Artikolu 4(1) għandu jiżdied sa kemm ikun hemm bżonn biex tiġi eliminata din il-kundizzjoni.

It-tnaqqis m'għandux jirriżulta f'ko-effiċjent anqas minn 0,8606735. Jekk din id-deroga hija applikata, kwart tat-tnaqqis riżultanti fl-ammonti kumpensatorji tal-BĊNi (‘Ċ’) applikabbli fis-sena tal-bidla tal-flus kontanti għandu jiżdied ma' kull wieħed mill-ammonti kumpensatorji tal-BĊNi applikabbli fit-tieni sal-ħames sena wara s-sena tal-bidla tal-flus kontanti skond l-Artikolu 4(1).”


Fuq