EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32010D0003(01)
2010/268/: Decision of the European Central Bank of 6 May 2010 on temporary measures relating to the eligibility of marketable debt instruments issued or guaranteed by the Greek Government (ECB/2010/3)
2010/268/: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 6 ta’ Mejju 2010 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (BĊE/2010/3)
2010/268/: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 6 ta’ Mejju 2010 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (BĊE/2010/3)
ĠU L 117, 11.5.2010, p. 102–103
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 27/02/2012; Imħassar b' 32012D0002(01)
11.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 117/102 |
DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-6 ta’ Mejju 2010
dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg
(BĊE/2010/3)
(2010/268/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment l-Artikolu 12.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1, flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq garanzija xierqa. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-garanzija għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma elenkati fl-Anness I tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7 tal-31 t’Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa d-“Dokumentazzjoni Ġenerali”). |
(2) |
Skont it-Taqsima 1.6 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għal-ezekuzzjoni tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont it-Taqsima 6.3.1 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, l-Eurosistema tirriserva d-dritt li tiddetermina jekk il-ħruġ, l-emittent, id-debitur jew min qed jiggarantixxi jissodisfax ir-rekwiżiti tagħha għal standards ta’ kreditu għoljin abbażi ta’ kull informazzjoni li tista’ tqis bħala rilevanti. |
(3) |
Hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jipprevalu fis-suq finanzjarju, li jirriżultaw mill-pożizzjoni fiskali tal-Gvern Grieg u diskussjonijiet għal pjan ta’ aġġustament appoġġjat mill-Istati Membri taż-żona euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali, u hemm diżordni fil-valutazzjoni normali mis-suq tat-titoli maħruġin mill-Gvern Grieg, b’effetti negattivi fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Din is-sitwazzjoni eċċezzjonali teħtieġ adattazzjoni immedjata u temporanja tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema. |
(4) |
Il-Kunsill Governattiv ivvaluta l-fatt illi l-Gvern Grieg approva programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju li nnegozja mal-Kummissjoni Ewropea, il-BĊE u l-Fond Monetarju Internazzjonali, kif ukoll l-impenn qawwi tal-Gvern Grieg li jimplimenta bis-sħiħ dan il-programm. Il-Kunsill Governattiv ivvaluta ukoll, minn perspettiva ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-Eurosistema, l-effetti ta’ programm bħal dan fuq it-titoli maħruġin mill-Gvern Grieg. Il-Kunsill Governattiv iqis il-programm bħala propizju, sabiex, minn perspettiva ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu, l-istrumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg jew iggarantiti mill-Gvern Grieg iżommu standard ta’ kwalità suffiċjenti għat-tkomplija tal-eliġibbiltà tagħhom bħala garanzija għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament minn kull valutazzjoni ta’ kreditu esterna. Dawn il-valutazzjonijiet pożittivi huma l-bażi għal din il-miżura ta’ sospensjoni eċċezzjonali u temporanja, stabbilita bil-għan li tikkontribwixxi għas-solvibilità tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u b’hekk issaħħaħ l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi u li tipproteġi l-klijenti ta’ dawk l-istituzzjonijiet. Madanakollu, il-BĊE għandu jissorvelja mill-qrib l-impenn b’saħħtu u kontinwu tal-Gvern Grieg biex jimplimenta bis-sħiħ il-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju li huwa l-bażi ta’ dawn il-miżuri. |
(5) |
Din il-miżura eċċezzjonali ġiet deċiża u mħabbra pubblikament mill-Kunsill Governattiv fit-3 ta’ Mejju 2010. Għandha tapplika temporanjament, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tippermetti l-applikazzjoni normali tal-qafas tal-Eurosistema għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja, |
ADOTTA DIN ID-DECIŻJONI:
Artikolu 1
Sospensjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet tad-Dokumentazzjoni Ġenerali
1. Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti tal-kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal titoli għas-suq f’Taqsima 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, għandhom jiġu sospiżi skont l-Artikoli 2 u 3.
2. F’każ ta’ diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u d-Dokumentazzjoni Ġenerali, tal-ewwel għandha tiġi kkunsidrata.
Artikolu 2
Eliġibbiltà kontinwata bħala garanzija għal strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg
Il-limitu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema m’għandux japplika għal strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg. Dan l-attiv għandu jikkostitwixxi garanzija eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema irrispettivament mill-klassifika esterna tal-kreditu tiegħu.
Artikolu 3
Eliġibbiltà kontinwata bħala garanzija għal strumenti ta’ dejn għas-suq iggarantiti mill-Gvern Grieg
Il-limitu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema m’għandux japplika għal strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin minn entitajiet imwaqqfa fil-Greċja u ggarantiti bis-sħiħ mill-Gvern Grieg. Garanzija mogħtija mill-Gvern Grieg għandha tkompli tkun soġġetta għar-rekwiżiti li jinsabu f’Taqsimiet 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali. Dan l-attiv għandu jikkostitwixxi garanzija eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament mill-klassifika esterna tal-kreditu tiegħu.
Artikolu 4
Dhul fis-seħħ
Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2010.
Magħmul f’Liżbona, is-6 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(1) ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.