Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32008D0033(01)
2009/59/EC: Decision of the European Central Bank of 31 December 2008 on the paying-up of capital, transfer of foreign reserve assets and contributions by Národná banka Slovenska to the European Central Bank’s reserves and provisions (ECB/2008/33)
2009/59/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 31 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ħlas min-Národná banka Slovenska tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi barranin ta’ riżerva u l-kontribuzzjonijiet għar-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/33)
2009/59/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 31 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ħlas min-Národná banka Slovenska tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi barranin ta’ riżerva u l-kontribuzzjonijiet għar-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/33)
ĠU L 21, 24.1.2009, p. 83–86
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
Fis-seħħ
24.1.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 21/83 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-31 ta’ Diċembru 2008
dwar il-ħlas min-Národná banka Slovenska tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi barranin ta’ riżerva u l-kontribuzzjonijiet għar-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew
(BĊE/2008/33)
(2009/59/KE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ‘l quddiem l-“Istatut SEBĊ”), u b’mod partikolari l-Artikoli 30.1, 30.3, 49.1 u 49.2,
Billi:
(1) |
Skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/608/KE tat-8 ta’ Lulju 2008 skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat fuq l-adozzjoni mis-Slovakja tal-munita waħdanija fl-1 ta’ Jannar 2009 (1), is-Slovakja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ l-euro u d-derogi mogħtija lilha skond l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni 2003 (2) ser ikunu rrevokati b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009. |
(2) |
L-Artikolu 49.1 ta’ l-Istatut SEBĊ jipprovdi li l-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet irrevokata għandu jħallas is-sehem tal-kapital tiegħu sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bl-istess mod bħall-BĊNi ta’ l-Istati Membri oħra parteċipanti. Il-BĊNi ta’ l-Istati Membri parteċipanti eżistenti ħallsu bis-sħiħ s-sottoskrizzjonijiet tagħhom lill-BĊE (3). Il-piżijiet tan-Národná banka Slovenska fl-iskema kapitali tal-BĊE huma ta’ 0,6934 %, skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2008/23 tat-12 ta’ Diċembru 2008, dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (4). In- Národná banka Slovenska diġà ħallas parti mis-sehem tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2006/26 tat-18 ta’ Diċembru 2006, li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali mhux parteċipanti (5). L-ammont li jifdal huwa għalhekk ta’ EUR 37 216 406,81, li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-kapital sottoskritt tal-BĊE (EUR 5 760 652 402,58) bil-piż ta’ l-iskema kapitali tan-Národná banka Slovenska (0,6934 %), imnaqqsa bil-parti ta’ l-ishma tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE li diġà tħallas. |
(3) |
L-Artikolu 49.1, flimkien ma’ l-Artikolu 30.1, ta’ l-Istatut jipprovdi li l-BĊN ta’ xi Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet irrevokata għandu jittrasferixxi wkoll assi barranin ta’ riżerva lill-BĊE. Skond l-Artikolu 49.1 ta’ l-Istatut SEBĊ, is-somma biex tiġi ttrasferita hija ddeterminata bil-multiplikazzjoni tal-valur tal-euro b’rati tal-kambju kurrenti ta’ l-assi barranin ta’ riżerva li huma diġa' ttrasferiti lill-BĊE skond l-Artikolu 30.1 ta’ l-Istatut SEBĊ, permezz tal-proporzjon bejn in-numru ta’ ishma sottoskritti mill-BĊN kkonċernat u n-numbru ta’ ishma mħallsa diġa' mill-BĊNi ta’ l-Istati Membri l-oħra parteċipanti. Meta jiġu ddeterminati l-“assi barranin ta’ riżerva li huma diġà ttrasferiti lill-BĊE skond l-Artikolu 30.1”, għandhom jitqiesu l-aġġustamenti ta’ qabel ta’ l-iskema kapitali (6) skond l-Artikolu 29.3 ta’ l-Istatut SEBĊ u l-espansjonijiet ta’ l-iskema kapitali tal-BĊE bis-saħħa ta’ l-Artikolu 49.3 ta’ l-Istatut SEBĊ (7). Għaldaqstant, skond id-Deċiżjoni BĊE/2008/27 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni tal-valur azzjonarju akkumulat tal-Bank Ċentrali Ewropew, għall-aġġustament tal-klejms tal-banek ċentrali nazzjonali ekwivalenti għall-assi barranin ta’ riżerva ttrasferiti (8), l-ekwivalenti fil-euro ta’ l-assi barranin ta’ riżerva li huma diġa' ttrasferiti lill-BĊE skond l-Artikolu 30.1 ta’ l-Istatut SEBĊ huwa ta’ EUR 44 154 040 257,26. |
(4) |
L-assi barranin ta’ riżerva biex jiġu ttrasferiti kemm min-Národná banka Slovenska għandhom ikunu ddenominati f’dollari Amerikani u deheb. |
(5) |
L-Artikolu 30.3 ta’ l-Istatut SECB jipprovdi li l-BĊE għandu jikkredita kull BĊN ta’ xi Stat Membru parteċipanti bi klejm ekwivalenti għall-assi barranin ta’ riżerva li dan ta’ l-aħħar ikun ittrasferixxa lill-BĊE. Il-provvisti fir-rigward tad-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms li ġew diġà kkreditati lill-BĊNi ta’ l-Istati Membri parteċipanti eżistenti (9) għandhom japplikaw ukoll għad-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms tan-Národná banka Slovenska. |
(6) |
L-Artikolu 49.2 ta’ l-Istatut SEBĊ jipprovdi li l-BĊN ta’ xi Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet irrevokata għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad jonqos biex jiġi allokat għar-riżervi u l-provvisti li jikkorrispondu mal-bilanċ tal-kont tal-profitt u t-telf sal-31 Diċembru tas-sena qabel ir-revoka tad-deroga. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni huwa ddeterminat skond l-Artikolu 49.2 ta’ l-Istatut SEBĊ. |
(7) |
B’analoġija ma’ l-Artikolu 3.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (10), il-Gvernatur tan-Národná banka Slovenska kellu l-opportunita' li jagħmel xi osservazzjonijiet dwar din id-Deċiżjoni qabel ma ġiet adottata, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
— |
“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li adotta l-euro; |
— |
“assi barranin ta’ riżerva” tfisser titoli, deheb jew flus kontanti; |
— |
“deheb” tfisser uqijiet sħaħ fini (fine troy ounces) ta’ deheb fil-forma ta’ London Good Delivery bars, kif speċifikat mil-London Bullion Market Association; |
— |
“Eurosistema” tfisser il-BĊE u l-BĊNi ta’ Stati Membri parteċipanti. |
— |
“titoli” tfisser kull titolu jew strument finanzjarju kif speċifikat mill-BĊE; |
— |
“flus kontanti” tfisser il-valuta legali ta’ l-Istati Uniti (dollaru Amerikan); |
Artikolu 2
Ħlas tal-kapital
1. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, in-Národná banka Slovenska għandu jħallas il-kumplament tas-sehem tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li jikkorrespondu ma’ EUR 37 216 406,81.
2. In-Národná banka Slovenska għandu jħallas l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 lill-BĊE fit-2 ta’ Jannar 2009 permezz ta’ trasferiment separat bis-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2).
3. In-Národná banka Slovenska għandu, permezz ta’ trasferiment bit-TARGET2 separat, iħallas lill-BĊE fit-2 ta’ Jannar 2009, l-imgħax li jiddekorri fl-1 ta’ Jannar 2009 fuq l-ammont dovut lill-BĊE skond il-paragrafu 2.
4. Kull imgħax li jakkumula skond il-paragrafu 3 għandu jkun ikkalkulat kuljum, bl-użu tal-metodu ta’ kalkulazzjoni actual over-360-day, b’rata daqs ir-rata marġinali ta’ imgħax użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid l-aktar riċenti tagħha.
Artikolu 3
Trasferiment ta’ assi barranin ta’ riżerva
1. In-Národná banka Slovenska għandu jittrasferixxi lill-BĊE, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, u skond dan l-Artikolu u l-arranġamenti magħmula li jsegwu, ammont ta’ assi barranin ta’ riżerva ddenominati f’dollari Amerikani u deheb li huma ekwivalenti għal EUR 443 086 155,98, kif ġej:
Ammont ta’ titoli u flus kontanti f’dollari Amerikani ekwivalenti għal ammonti f’euro |
Ammont ta’ deheb ekwivalenti għal ammonti f’euro |
Ammont aggregat ekwivalenti għal ammont f’euro |
376 623 232,58 |
66 462 923,40 |
443 086 155,98 |
2. L-ammonti ekwivalenti għall-euro ta’ assi barranin ta’ riżerva biex jiġu ttrasferiti min-Národná banka Slovenska skond il-paragrafu 1 għandhom ikunu kkalkulati skond ir-rati tal-kambju bejn il-euro u d-dollaru Amerikan stabbiliti bħala r-riżultat tal-proċedura ta’ konsultazzjoni bil-miktub ta’ 24-siegħa fil-31 ta’ Diċembru 2008 bejn l-Eurosistema u n-Národná banka Slovenska, u fil-każ tad-deheb, skond il-prezz tad-deheb f’dollari Amerikani għal kull uqija sħiħa fina (fine troy ounce) stabbilit fl-iffissar tal-prezz tad-deheb ġewwa Londra (London gold fixing) fl-10.30 a.m., ħin ta’ Londra, fil-31 ta’ Diċembru 2008.
3. Il-BĊE għandu jikkonferma lin-Národná banka Slovenska kemm jista’ jkun malajr l-ammonti kkalkulati skond il-paragrafu 2.
4. In-Národná banka Slovenska għandu jittrasferixxi lill-BĊE portafoll ta’ titoli ddenominati f’dollari Amerikani u flus kontanti li l-Valur f’Riskju (VaR) tagħhom fil-konfront il-kejl tattiku (tactical benchmark) tal-BĊE fil-ħin tat-trasferiment ma jaqbiżx il-limitu li japplika għall-portafolli ta’ negozju fil-konfront il-kejl tattiku kif stabbilit mill-BĊE. Il-portafoll ta’ titoli ddenominati f’dollari Amerikani u flus kontanti għandu jikkonforma wkoll mal-limiti ta’ kreditu speċifikati mill-BĊE.
5. It-trasferiment tal-flus kontanti għandu jsir lil dawk il-kontijiet kif inhuma speċifikati mill-BĊE. Id-data tas-settlement għall-flus kontanti li għandhom jiġu ttrasferiti lill-BĊE, għandha tkun it-2 ta’ Jannar 2009. In-Národná banka Slovenska għandu jagħti struzzjonijiet biex jaffettwa dan it-trasferiment lill-BĊE.
6. Il-valur tad-deheb li n-Národná banka Slovenska jittrasferixxi lill-BĊE skond il-paragrafu 1 għandu jkun kemm jista’ jkun qrib, imma mhux aktar, EUR 66 462 923,40.
7. In-Národná banka Slovenska għandu jittrasferixxi d-deheb imsemmi fil-paragrafu 1 f’forma mhux investita lil dawk il-kontijiet u f’dawk il-postijiet kif inhuma speċifikati mill-BĊE. Id-data tas-settlement għad-deheb li għandu jiġi ttrasferit lill-BĊE, għandha tkun il-5 ta’ Jannar 2009. In-Národná banka Slovenska għandu jagħti struzzjonijiet biex jaffettwa dan it-trasferiment lill-BĊE.
8. Jekk in-Národná banka Slovenska jittrasferixxi deheb lill-BĊE b’valur inqas mill-ammont speċifikat fil-paragrafu 1, allura fil-5 ta’ Jannar 2009 għandu jittrasferixxi ammont ta’ flus kontanti f’dollari Amerikani ekwivalenti għan-nuqqas lil kont tal-BĊE kif speċifikat mill-BĊE. L-ebda minn dawn il-flus kontanti f’dollari Amerikani m’għandhom jagħmlu parti mill-assi barranin ta’ riżerva ddenominati f’dollari Amerikani li n- jittrasferixxi lill-BĊE skond il-paragrafu 1.
9. In-Národná banka Slovenska għandu jittrasferixxi titoli lill-BĊE f’dawk il-kontijiet kif inhuma speċifikati mill-BĊE. Id-data tas-settlement għat-titoli li għandhom jiġu ttrasferiti lill-BĊE, għandha tkun it-2 ta’ Jannar 2009. In-Národná banka Slovenska għandu jagħti struzzjonijiet għat-trasferiment tal-proprjeta tat-titoli lill-BĊE fid-data tas-settlement. Il-valur ta’ dawn it-titoli kollha għandu jkun ikkalkulat skond il-prezzijiet indikati mill-BĊE.
10. L-ekwivalenti f’euro tas-somma tal-valur tat-titoli kollha ttrasferiti lill-BĊE u l-flus kontanti għandu jkun indaqs l-ammont indikat fil-paragrafu 1.
11. Id-differenza, jekk ikun hemm, bejn l-ammonti aggregati ekwivalenti għall-euro msemmijin fil-paragrafu 1 u l-ammonti imsemmijin fl-Artikolu 4(1), għandha titħallas skond il-Ftehim tal-31 ta’ Diċembru 2008 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u n-Národná banka Slovenska fir-rigward tal-klejm ikkreditata lin-Národná banka Slovenska mill-Bank Ċentrali Ewropew skond l-Artikolu 30.3 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (11).
Artikolu 4
Denominazzjoni, remunerazzjoni u maturità tal-klejms ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet
1. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, u skond l-ispeċifikazzjonijiet fl-Artikolu 3 fir-rigward tad-dati ta’ ħlas tat-trasferimenti ta’ assi barranin ta’ riżerva, il-BĊE għandu jikkredita kemm lin-Národná banka Slovenska bi klejm iddenominata fil-euro, ekwivalenti għall-ammont aggregat f’euro tal-kontribuzzjoni rispettivi tagħhom ta’ assi barranin ta’ riżerva. Din il-klejm tikkorrespondi għal EUR 339 443 637,59.
2. Il-klejm ikkreditata mill-BĊE lin-Národná banka Slovenska għandha tkun rremunerata mid-data tal-ħlas. L-imgħax li jakkumula għandu jkun ikkalkulat kuljum, bl-użu tal-metodu ta’ kalkulazzjoni actual over-360-day, b’rata ekwivalenti għal 85 % tar-rata ta’ imgħax marġinali wżata mill-Eurosistema fl-operazzjoni prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid l-aktar riċenti tagħha.
3. Il-klejm għandha tkunu rremunerata fi tmiem ta’ kull sena finanzjarja. Il-BĊE għandu jinforma lin-Národná banka Slovenska kull tliet xhur bl-ammonti kumulattivi.
4. Il-klejm m’għandhiex tinfeda.
Artikolu 5
Kontribuzzjoni għar-riżervi u l-provvisti tal-BĊE
1. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2009 u skond l-Artikolu 3(5) u (6), in-Národná banka Slovenska għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li jkun għad jonqsu biex jiġi allokat għar-riżervi u l-provvisti li jikkorrispondu mal-bilanċ tal-kont tal-profitt u t-telf fil-31 ta’ Diċembru 2008.
2. L-ammonti biex jiġu kkontribwiti min-Národná banka Slovenska għandhom jkunu ddeterminati skond l-Artikolu 49.2 ta’ l-Istatut SEBĊ. Ir-referenzi fl-Artikolu 49.2 għan-numru “ta’ ishma sottoskritti mill-bank ċentrali kkonċernat” u “n-numru ta’ ishma diġa' mħallsa mill-banek ċentrali l-oħra” għandhom jirreferu għall-piżijiet tan-Národná banka Slovenska, u l-BĊNi ta’ Stati Membri parteċipanti eżistenti, rispettivament, fl-iskema kapitali tal-BĊE, skond id-Deċiżjoni BĊE/2008/23.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, “ir-riżervi tal-BĊE” u “il-provvisti ekwivalenti għal riżervi” għandhom jinkludu, inter alia, il-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE, il-bilanċi dwar kontijiet ta’ rivalutazzjoni u provvisti kontra r-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata ta’ l-imgħax, tal-prezz tas-suq u tad-deheb.
4. Mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara l-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-kontijiet annwali tal-BĊE għas-sena 2008, il-BĊE għandu jikkalkula u jikkonferma lin-Národná Banka Slovenska l-ammont biex jiġi kkontribwit min-Národná banka Slovenska skond il-paragrafu 1.
5. Fit-tieni jum ta’ xogħol wara l-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-kontijiet annwali tal-BĊE għas-sena 2008, in-Národná banka Slovenska għandu, permezz tat-TARGET2, iħallas lill-BĊE:
(a) |
l-ammonti dovuti lill-BĊE skond il-paragrafu 4; u |
(b) |
l-imgħax li jiddekorri fl-1 ta’ Jannar 2009, sa dik id-data, fuq l-ammont dovut lill-BĊE skond il-paragrafu 4. |
6. Kull imgħax li jiddekorri skond il-paragrafu 5(b) għandu jkun ikkalkulat kuljum, bl-użu tal-metodu ta’ kalkulazzjoni “actual over-360-day”, b’rata daqs ir-rata ta’ imgħax marġinali wżata mill-Eurosistema f’waħda mill-operazzjoni prinċipali tagħha ta’ finanzjament mill-ġdid l-aktar riċenti.
Artikolu 6
Kompetenzi
1. Se fejn meħtieġ, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu jagħti struzzjonijiet lin-Národná banka Slovenska biex jispeċifika aktar u jagħti effett lil kull dispożizzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u biex jipprovdi għal rimedji xierqa li jindirizzaw kull problema li tista’ tqum.
2. Kull struzzjoni maħruġa mill-Bord Eżekuttiv skond il-paragrafu 1 għandha tkun innotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv, u l-Bord Eżekuttiv għandu jaderixxi ma’ kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv.
Artikolu 7
Dispożizzjoni finali
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009.
Magħmula fi Frankfurt am Main, 31 ta’ Diċembru 2008.
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(1) ĠU L 195, 24.7.2008, p. 24.
(2) Att li jitratta l-kundizzjonijiet tas-sħubija tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija stabbilita (ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33).
(3) Id-Deċiżjoni BĊE/2006/22 tal-15 ta’ Diċembru 2006, li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali parteċipanti (ĠU L 24, 31.1.2007, p. 3).
(4) Ara paġna 66 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(5) ĠU L 24, 31.1.2007, p. 15.
(6) Id-Deċiżjoni BĊE/2003/17 tat-18 ta’ Diċembru 2003, dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 9, 15.1.2004, p. 27) u d-Deċiżjoni BĊE/2008/23 tat-12 ta’ Diċembru 2008 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew. Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(7) Id-Deċiżjoni BĊE/2004/5 tat-22 ta’ April 2004 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 205, 9.6.2004, p. 5) u d-Deċiżjoni BĊE/2006/21 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 24, 31.1.2007, p. 1)
(8) Ara paġna 77 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(9) Skond il-Linja Gwida BĊE/2000/15 tat-3 ta’ Novembru 1998 kif emendata mil-Linja Gwida tas-16 ta’ Novembru 2000 dwar il-kompożizzjoni, il-valutazzjoni u l-modalitajiet għat-trasferiment inizjali ta’ assi barranin tar-riżerva, u d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta’ klejms ekwivalenti (ĠU L 336, 30.12.2000, p. 114).
(10) Adottata bid-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).
(11) ĠU C 18, 24.1.2009, p. 3.