EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32005O0016

Linja ta' Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 30 ta' Diċembru, 2005 dwar it-Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system ( TARGET ) (BĊE/2006/16)

ĠU L 18, 23.1.2006, p. 1–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Kapitolu 10 Volum 007 P. 201 - 217
Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Kapitolu 10 Volum 007 P. 201 - 217

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 14/09/2008; Imħassar b' 32007O0002

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2006/21/oj

23.1.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L NaN/1


LINJA TA' GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-30 ta' Diċembru, 2005

dwar it-Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (“TARGET”)

(BĊE/2005/16)

(2006/21/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u partikolarment l-ewwel u r-raba' inċiżi ta' l-Artikolu 105(2) tiegħu u l-Artikoli 3.1, 12.1, 14.3, 17, 18 u 22 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

It-Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (“TARGET”) hija rregolata b'qafas legali li applika mid-data tal-bidu tat-tielet stadju ta' l-unjoni ekonomika u monetarja. Il-Linja ta' Gwida BĊE/2001/3 tas-26 ta' April 2001 dwar it-Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (TARGET) (1) diġà kienet emendata diversi drabi mill-adozzjoni tagħha u għandha terġa' tkun abbozzata mill-ġdid fl-interessi taċ-ċarezza u t-trasparenza.

(2)

Biex tirrifletti l-aħħar żviluppi fil-qafas legali tat-TARGET, din il-Linja ta' Gwida tinkorpora wkoll numru ta' emendi meħtieġa dwar it-tneħħija ta' parteċipanti mis-sistemi tar-real-time gross settlement (RTGS), l-aċċess għat-TARGET minn entitajiet stabbiliti f'pajjiżi terzi, il-jiem ta' operazzjoni tat-TARGET, id-definizzjoni ta' rabtiet mill-qrib, is-sospenzjoni ta' l-aċċess għall-kreditu intraday u l-proċedura tas-soluzzjoni tat-tilwim. L-implimentazzjoni u l-verifika ta' din il-Linja ta' Gwida għandha tkun limitata għall-emendi fuq imsemmija.

(3)

L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 105(2) tat-Trattat u l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3.1 ta' l-Istatut jgħidu li waħda mill-ħidmiet bażiċi li għandha ssir permezz tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) hija li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-Komunità.

(4)

Ir-raba' subinċiż ta' l-Artikolu 105(2) tat-Trattat u r-raba' subinċiż ta' l-Artikolu 3.1 ta' l-Istatut jgħidu li ħidma bażika oħra li għandha ssir mis-SEBĊ huwa li tkun promossa l-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas.

(5)

L-Artikolu 22 ta' l-Istatut jgħid li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet biex jiżguraw sistemi effiċjenti u sodi ta' ikklerjar u ħlas ġewwa l-Komunità u ma' pajjiżi oħra.

(6)

Il-kisba ta' politika monetarja waħdanija ġġib magħha l-bżonn għall-arranġamenti dwar il-ħlas li bihom jistgħu jkunu eżegwiti, b'mod f'waqtu u sigur, l-operazzjonijiet tal-politika monetarja bejn il-banek ċentrali nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-kreditu, u li ser tinkoraġġixxi l-uniċità tas-suq tal-flus ġewwa ż-żona ta' l-euro.

(7)

Dawn l-għanijiet jirrikjedu arranġament dwar il-ħlas li jopera b'livell għoli ta' sigurtà, fi żminijiet qosra ħafna ta' pproċessar u bi spiża baxxa.

(8)

Bi qbil ma' l-Artikoli 12.1 u 14.3 ta' l-Istatut, il-linji ta' gwida tal-BĊE jiffurmaw parti integrali mil-liġi tal-Komunità,

ADOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din il-Linja ta' Gwida:

“BĊNi” għandha tfisser il-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri parteċipanti,

“sistemi nazzjonali ta' l-RTGS” għandu jfisser dawk is-sistemi RTGS li huma partijiet komponenti tat-TARGET kif identifikat fl-Anness I ta' din il-Linja ta' Gwida,

“il-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE” għandu jfisser l-arranġamenti tal-ħlas organizzati fil-BĊE u konnessi mat-TARGET għall-finijiet li jsiru (i) il-ħlasijiet bejn il-kontijiet miżmuma fil-BĊE; u (ii) ħlasijiet permezz tat-TARGET bejn kontijiet miżmumin fil-BĊE u fil-BĊNi,

interlinking” għandha tfisser l-infrastrutturi tekniċi, il-karatteristiċi tad-disinn u l-proċeduri li huma stabbiliti fi, jew jikkostitwixxu adattamenti ta', kull sistema nazzjonali ta' l-RTGS u l-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE għall-finijiet ta' l-ipproċessar ta' ħlasijiet internazzjonali fi ħdan it-TARGET,

“Stati Membri mhux parteċipanti” għandu jfisser l-Istati Membri li ma adottawx il-valuta waħdanija skond it-Trattat,

“ŻEE” għandha tfisser iż-Żona Ekonomika Ewropea kif iddefinita fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea miftiehem fit-2 ta' Mejju, 1992, bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (2),

“parteċipanti” jew «parteċipanti diretti» għandu jfisser l-entitajiet li għandhom aċċess dirett għas-sistema nazzjonali ta' l-RTGS u għandhom kont ta' l-RTGS mal-BĊN ikkonċernat (jew, fil-każ tal-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE, mal-BĊE) u għandu jinkludi dan il-BĊN jew il-BĊE, kemm fil-kapaċità tiegħu bħala aġent regolatur jew mod ieħor,

“korp tas-settur pubbliku” għandu jfisser entità fis-“settur pubbliku” kif iddefinit fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 3603/93 tat-13 ta' Diċembru 1993 li jispeċifika definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 104 u 104(b)(1) tat-Trattat (3),

“ditta ta' l-investiment” għandu jfisser ditta ta' l-investiment kif iddefinita fl-Artikolu 4(1)(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (4)ħlief għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, iżda d-ditta ta' l-investiment partikolari għandu jkollha d-dritt li tagħmel l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3, 6 u 7 tat-Taqsima A ta' l-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE,

“regoli ta' l-RTGS” għandu jfisser ir-regolamenti u/jew id-dispożizzjonijiet kontrattwali li japplikaw għal sistema nazzjonali ta' l-RTGS,

“Ewrosistema” għandha tfisser il-BĊE u l-Banek Ċentrali ta' l-Istati Membri li adottaw il-valuta waħdenija skond it-Trattat.

“ħlasijiet internazzjonali”' għandu jfisser ħlasijiet eżegwiti jew li ser ikunu eżegwiti bejn żewġ sistemi nazzjonali ta' l-RTGS jew bejn sistema nazzjonali ta' l-RTGS u l-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE,

“ħlasijiet domestiċi'” għandu jfisser ħlasijiet eżegwiti f'sistema waħda nazzjonali ta' l-RTGS fi ħdan il-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE,

“ordni ta' ħlas” għandu jtfisser struzzjoni minn parteċipant skond ir-regoli applikabbli ta' l-RTGS biex ikun hemm għad-dispożizzjoni ta' parteċipant li jirċievi, inkluż BĊN jew il-BĊE, ammont ta' flus permezz ta' reġistrazzjoni fil-ktieb fil-kont ta' l-RTGS,

“parteċipant li jibgħat” għandu jfisser il-parteċipant li beda ħlas billi ta ordni ta' ħlas,

“BĊN/BĊE li jibgħat” għandu jfisser il-BĊE jew il-BĊN fejn il-parteċipant li jibgħat iżomm il-kont ta' l-RTGS tiegħu,

“kreditu intraday” għandu jfisser il-kreditu estiż u rrimborżat f'perjodu ta' anqas minn jum wieħed tan-negozju.

“il-kont ta' l-RTGS” għandu jfisser kont (jew, safejn huwa permess skond ir-regoli rilevanti ta' l-RTGS partikolari, kull grupp ta' kontijiet ikkonsolidati, iżda dawn id-detenturi tal-kont għandhom ikunu responsabbli in solidum fil-konfront tas-sistema ta' l-RTGS fil-każ ta' nuqqas) miftuħ fl-isem ta' parteċipant fil-kotba ta' BĊN jew il-BĊE fejn jitħallsu l-ħlasijiet domestiċi u/jew il-ħlasijiet internazzjonali,

“proċeduri għall-iffriżar tal-fondi” għandu jfisser il-proċedura fejn il-fondi f'depożitu jew il-kreditu disponibbli huma assenjati u huma disponibbli għall-kull operazzjoni jew skop ħlief għat-twettiq ta' l-ordni ta' ħlas ikkonċernat, biex ikun żgurat li l-fondi assenjati jew il-kreditu disponibbli jintużaw għat-twettiq ta' ordni ta' ħlas bħal din; l-assenjazzjoni ta' fondi jew kreditu disponibbli tissejjaħ f'din il-Linja ta' Gwida bħala “ffriżar”,

“faċilità tas-self marġinali” għandha tfisser il-faċilità marġinali tas-self organizzata mill-Ewrosistema,

“rata tas-self marġinali” għandu jfisser ir-rata ta' l-imgħax applikabbli minn żmien għal żmien għall-faċilità tas-self marġinali ta' l-Ewrosistema,

“parteċipant remot” għandu jfisser istituzzjoni stabbilita f'pajjiż taż-ŻEE li tipparteċipa direttament fis-sistema nazzjonali ta' l-RTGS ta' Stat Membru (ieħor) ta' l-UE (“Stat Membru ospitanti”) u, għal dak il-għan, għandha kont ta' l-RTGS f'euro f'isimha mal-BĊN ta' l-Istat Membru ospitanti, mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi fergħa fl-Istat Membru ospitanti, fejn “fergħa” għandha tfisser fergħa kif iddefinita fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 rigward il-bidu u l-prosegwiment tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet tal-kreditu (5),

“kontijiet inter–BĊN” għandu jfisser il-kontijiet li kull BĊN u l-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4a ta' din il-Linja ta' Gwida, għandhom jiftħu għal xulxin fil-kotba rispettivi tagħhom għall-operazzjoni tal-ħlasijiet internazzjonali tat-TARGET; kull wieħed minn dawn il-kontijiet inter-BĊN huwa miżmum għall-benefiċċju tal-BĊE jew il-BĊN li f'ismu l-kont ikun miftuħ,

“BĊN/BĊE li jirċievi” għandu jfisser il-BĊE jew il-BĊN fejn il-parteċipant li jirċievi jżomm il-kont ta' l-RTGS tiegħu,

“parteċipant li jirċievi” għandu jfisser il-parteċipant indikat mill-parteċipant li jibgħat bħala l-parteċipant li fil-kont RTGS tiegħu għandu jkun ikkreditat l-ammont speċifikat fl-ordni ta' ħlas rilevanti,

“finalità” jew “finali” għandu jfisser li s-settlement ta' xi ordni ta' ħlas ma' jistax jiġi rrevokat, imreġġa' lura (reversed) jew annullat mill-BĊN konness, mill-BĊN/BĊE li jibgħat, mill-parteċipant li jibgħat jew minn kull terz, jew anke fil-każ ta' proċedimenti ta' falliment kontra xi parteċipant, ħlief f'każijiet ta' imperfezzjonijiet fit-tranżazzjoni(jiet) jew ordni(jiet) ta' ħlas bażi li jirriżultaw minn reati kriminali jew atti frawdolenti (fejn fil-każ ta' falliment l-atti frawdolenti għandhom jinkludu wkoll preferenzi u tranżazzjonijiet sottovalutati waqt il-perjodi ssuspettati) bil-kundizzjoni li dan ikun ġie deċiż każ b'każ minn qorti ta' ġurisdizzjoni kompetenti jew minn korp kompetenti ieħor għas-soluzzjoni tat-tilwim, jew inkella jkun irriżulta mill-iżbalji,

“provditur tas-servizz tan-network” għandu jfisser l-impriża maħtura mill-BĊE biex tipprovdi konnessjonijiet kompjuterizzati tan-network għall-interlinking,

'“BĊN li jipprovdi servizz” għandu jfisser BĊN: (i) li s-sistema ta' l-RTGS tiegħu hija konnessa mat-TARGET permezz ta' l-interlinking; u (ii) li jipprovdi servizzi lil xi BĊN konness għall-ipproċessar ta' ħlasijiet internazzjonali fi ħdan it-TARGET, b'hekk tiġi stabbilita link bilaterali,

“BĊN konness” għandha tfisser BĊN li s-sistema real-time gross settlement (RTGS) tiegħu hija konnessa mat-TARGET permezz ta' BĊN li jipprovdi servizz,

“ħsara ta' sistema ta' l-RTGS nazzjonali” jew “ħsara tat-TARGET” jew “ħsara” għandha tfisser diffikultajiet tekniċi, difetti jew nuqqasijiet fl-infrastruttura teknika u/jew fis-sistemi tal-kompjuter ta' kull sistema ta' l-RTGS nazzjonali, jew fil-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE, jew fin-network connections kompjuterizzati għall-interlinking jew għal-link bilaterali, jew kull inċident ieħor relatat ma' kull sistema ta' l-RTGS nazzjonali, jew mal-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE, ma' l-interlinking jew ma' kull link bilaterali, li jagħmel impossibbli l-eżekuzzjoni u t-tlestija ta' l-ipproċessar fl-istess ġurnata ta' ordnijiet ta' ħlas fi ħdan it-TARGET; id-definizzjoni għandha tkopri wkoll każijiet fejn il-ħsara sseħħ fl-istess ħin f'aktar minn sistema ta' l-RTGS nazzjonali waħda (minħabba, per eżempju, ħsara relatata man-network service provider),

“parteċipant indirett” għandu jfisser istituzzjoni mingħajr il-kont RTGS tagħha stess li madankollu hija rikonoxxuta minn sistema nazzjonali ta' l-RTGS u hi suġġetta għar-regoli ta' l-RTGS u li jistgħu jkunu indirizzati direttament fit-TARGET; l-operazzjonijiet kollha ta' parteċipant indirett huma mħallsa fil-kont ta' parteċipant (kif iddefinit f'dan l-Artikolu) li aċċetta li jirrappreżenta parteċipant indirett,

“Stati Membri parteċipanti” għandhom jitqiesu dawk l-Istati Membri li jadottaw il-valuta waħdanija skond t-Trattat,

“faċilità ta” depożitu' għandha tfisser faċilità ta' depożitu organizzata mill-Ewrosistema.

2.   L-Annessi f'din il-Linja ta' Gwida jistgħu jkunu emendati minn żmien għal żmien mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Dokumenti addizzjonali li fihom, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet tekniċi u speċifikazzjonijiet għat-TARGET jistgħu jkunu adottati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, fejn dawn l-emendi u d-dokumenti addizzjonali għandhom jidħlu fis-seħħ bħala parti integrali ta' din il-Linja ta' Gwida fid-data speċifikata mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, wara li ssir komunikazzjoni lill-BĊNi.

Artikolu 2

Deskrizzjoni tat-TARGET

1.   Is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer hija sistema real-time gross settlement għall-euro. It-TARGET hija komposta mis-sistemi nazzjonali ta' l-RTGS, il-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE u l-interlinking. Is-sistemi RTGS jistgħu jaqbdu mat-TARGET permezz ta' l-interlinking jew permezz ta' link bilaterali.

2.   Is-sistemi RTGS ta' Stati Membri mhux parteċipanti jistgħu jaqbdu mat-TARGET dejjem jekk dawn is-sistemi RTGS jikkonformaw mal-karatteristici komuni minimi stabbiliti fl-Artikolu 3, u huma f'pożizzjoni li jipproċessaw l-euro fl-istess waqt mal-valuta nazzjonali rispettiva tagħhom. Kull komunikazzjoni mat-TARGET ta' sistema ta' l-RTGS ta' Stat Membru mhux parteċipanti hija suġġetta għal ftehim, fejn il-banek ċentrali nazzjonali kkonċernati jaqblu li jsegwu r-regoli u l-proċeduri tat-TARGET imsemmija f'din il-Linja ta' Gwida (bi speċifikazzjonijiet u modifikazzjonijiet, fejn xieraq, kif imsemmi fi ftehim bħal dak).

Artikolu 3

Karatteristiċi komuni minimi tas-sistemi ta' l-RTGS

Kull BĊN għandu jiżgura li s-sistema nazzjonali ta' l-RTGS rispettiva tagħhom tikkonforma mal-karatteristiċi msemmija hawn isfel:

(a)   Kriterji ta' l-aċċess

1.

L-istituzzjonijiet ta' kreditu ssorveljati biss, kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/12/KE, li huma stabbiliti fiż-ŻEE, għandhom ikunu ammessi bħala parteċipanti f'sistema nazzjonali ta' l-RTGS. Bħala eċċezzjoni, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(1) ta' din il-Linja ta' Gwida, l-entitajiet li ġejjin jistgħu jkunu ammessi wkoll bħala parteċipanti f'sistema nazzjonali ta' l-RTGS ma' l-approvazzjoni mill-BĊN rilevanti:

(i)

id-dipartimenti tat-teżor tal-gvernijiet ċentrali jew reġjonali ta' l-Istati Membri attivi fis-swieq tal-flus;

(ii)

korpi tas-settur pubbliku ta' Stati Membri awtorizzati li jżommu għall-klijenti;

(iii)

ditti ta' l-investiment;

(iv)

organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta' l-ikklerjar jew ta' settlement bla ħsara għas-sorveljanza ta' l-awtorità kompetenti;

(v)

banek ċentrali stabbiliti fl-UE, li s-sistemi RTGS tagħhom m'humiex konnessi mat-TARGET.

2.

Il-kriterji għall-aċċess għal sistema nazzjonali ta' l-RTGS u l-proċedura għall-valutazzjoni tagħha għandhom ikunu stabbiliti fir-regoli ta' l-RTGS ikkonċernati u jkunu disponibbli għall-partijiet interessati. Flimkien mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 3(a)(1), dawn il-kriterji nazzjonali jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn:

saħħa finanzjarja adegwata,

in-numru minimu ta' tranżazzjonijiet mistennija,

il-ħlas ta' tariffa għad-dħul,

l-aspetti legali, tekniċi u operattivi.

Ir-regoli ta' l-RTGS għandhom jeħtieġu wkoll li l-opinjonijiet legali, ibbażati fuq it-termini ta' referenza armonizzati għall-opinjonijiet legali ta' l-Ewrosistema, għandhom jinkisbu fir-rigward ta' applikanti għar-reviżjoni mill-BĊN rilevanti kif iddeterminat u speċifikat mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. It-termini ta' referenza għall-opinjonijiet legali għandhom ikunu disponibbli mill-BĊN rispettivi għall-partijiet interessati.

3.

Parteċipant f'sistema nazzjonali ta' l-RTGS bis-saħħa ta' dan l-Artikolu 3(a)(1) u (2) għandu jkollu aċċess għall-faċilitajiet ta' ħlas internazzjonali tat-TARGET.

4.

Ir-regoli ta' l-RTGS għandu jkollhom il-bażi u l-proċeduri għat-tneħħija ta' parteċipant mis-sistema nazzjonali ta' l-RTGS ikkonċernata. Il-bażi għat-tneħħija ta' parteċipant minn sistema nazzjonali ta' l-RTGS (b'sospensjoni jew tkeċċija) għandha tkopri kull inċident li jġib riskju sistemiku jew li jikkawża b'mod ieħor problemi operattivi serji, inkluż:

(i)

meta parteċipant jidħol fi proċeduri ta' falliment, jew meta l-proċeduri huma imminenti;

(ii)

meta parteċipant jikser ir-regoli ta' l-RTGS partikolari; jew

(iii)

meta kriterju wieħed jew iżjed ta' aċċess għall-parteċipazzjoni fis-sistema nazzjonali ta' l-RTGS m'humiex aktar sodisfatti.

5.

Barra minn dak ta' hawn fuq, entitajiet tat-tipi elenkati fl-Artikolu 3(a)(1) li huma stabbiliti f'pajjiż li l-Komunità għandha miegħu ftehim monetarju jistgħu jiddaħħlu wkoll bħala parteċipanti f'sistema nazzjonali ta' l-RTGS. Dan l-aċċess jingħata biss meta jkun ipprovdut fil-ftehim monetarju rilevanti u għandu jkun bla ħsara għall-kondizzjonijiet preskritti fih. Meta jkun rilevanti, u bla ħsara għall-ftehim monetarju individwali, il-BĊE jista' jiddetermina wkoll, fid-diskrezzjoni tiegħu, fuq bażi ta' każ b'każ, il-kondizzjonijiet xierqa għall-parteċipazzjoni fit-TARGET. Dawn il-kondizzjonijiet jistgħu, fost l-oħrajn, ikunu li għandu jintwera għas-sodisfazzjon tal-BĊE li l-aspetti rilevanti tar-reġim legali li japplika fil-pajjiż fejn l-entità tixtieq tipparteċipa hija stabbilita huma ekwivalenti għal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità.

(b)   Unità tal-valuta

Il-ħlasijiet kollha internazzjonali għandhom ikunu f'euro.

(c)   Ir-Regoli tal-Prezzijiet

1.

Il-politika tal-prezzijiet tas-sistema tat-TARGET għandhom ikunu ddeterminati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE b'riferenza għall-prinċipji ta' l-irkupru ta' l-ispiża, it-trasparenza u li ma jkunx hemm diskriminazzjoni.

2.

Ħlasijiet domestiċi f'euro eżegwiti permezz tas-sistema nazzjonali ta' l-RTGS għandhom ikunu soġġetti għar-regoli tal-prezzijiet tas-sistema nazzjonali ta' l-RTGS ikkonċernata, li, min-naħa tagħhom, għandhom jirrispettaw il-politika dwar il-prezzijiet stabbilita fl-Anness II.

3.

Kull ħlas internazzjonali eżegwit fi ħdan it-TARGET għandu jkun suġġett għal prezz komuni stabbilit mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u speċifikat fl-Anness III.

4.

Il-prezzijiet għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet interessati.

(d)   Ħin ta' operazzjoni

1.

Ġranet ta' operazzjoni

It-TARGET kollu kemm hu għandu jkun magħluq is-Sibtijiet, fil-Ħdud, fl-Ewwel tas-Sena, fil-Ġimgħa l-Kbira u l-għada ta' l-Għid (skond il-kalendarju applikabbli fis-sede tal-BĊE), l-1ta' Mejju (Jum il-Ħaddiem), il-Milied u s-26 ta' Diċembru.

2.

L-orarju ta' operazzjoni

L-orarju ta' operazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta' l-RTGS għandu jkunu skond l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV.

(e)   Regoli tal-Ħlas

1.

Il-ħlasijiet kollha li jirriżultaw direttament jew magħmula fir-rigward ta' (i) l-operazzjonijiet tal-politika monetarja; (ii) is-settlement ta' operazzjonijiet tal-kambju fl-ipproċessar tal-parti euro li jinvolvu l-Ewrosistema; u (iii) is-settlement ta' sistemi ta' netting ta' valur kbir internazzjonali li jimmaniġġjaw it-trasferimenti ta' l-euro għandhom ikunu eżegwiti permezz tat-TARGET. Ħlasijiet oħra jistgħu jkunu eżegwiti wkoll permezz tat-TARGET.

2.

Sistema nazzjonali ta' l-RTGS u l-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE m'għandhomx jipproċessaw ordni ta' ħlas sakemm ma jkunx hemm disponibbli biżżejjed fondi fil-kont tal-parteċipant li jibgħat mal-BĊN/BĊE li jibgħat, jew permezz ta' fondi disponibbli immedjatament diġà kkreditati f'dak il-kont, permezz ta' mobilizzazzjoni ta' riżervi intraday miżmumin biex jissodisfaw il-ħtiġiet tar-riżervi jew permezz ta' kreditu intraday mogħti minn dan il-BĊN/BĊE, kif jista' jkun il-każ, lil dak il-parteċipant skond l-Artikolu 3(f).

3.

Ir-regoli RTGS u r-regoli tal-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE għandhom jispeċifikaw il-mument fiż-żmien meta l-ordnijiet tal-ħlas isiru rrevokabbli, li m'għandux ikun aktar tard mill-mument fiż-żmien meta l-kont RTGS tal-parteċipant li jibgħat miżmum mill-BĊN/BĊE li jibgħat ikun iddebitat bl-ammont ikkonċernat. Meta sistemi nazzjonali ta' l-RTGS japplikaw proċedura ta' l-iffriżar tal-fondi qabel ma jiddebitaw il-kont ta' l-RTGS, din l-irrevokabilità għandha tingħata minn dak il-mument fiż-żmien li jiġi qabel meta jseħħ l-iffriżar.

(f)   Kreditu intraday:

1.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja ta' Gwida, kull BĊN għandu jipprovdi kreditu intraday lill-istituzzjonijiet ta' kreditu ssorveljati msemmija fl-Artikolu 3(a) li jipparteċipaw fis-sistema nazzjonali ta' l-RTGS ta' dan il-BĊN iżda din l-istituzzjoni ta' kreditu għandha tkun kontroparti eliġibbli għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema u jkollha aċċess għall-faċilità tas-self marġinali, ħlief jekk l-aċċess għall-kreditu intraday ta' din l-istituzzjoni tal-kreditu kien sospiż wara l-proċeduri kif stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida. Iżda sakemm hija kondizzjoni ċara li l-kreditu intraday għandu jibqa' limitat għall-ġurnata partikolari u ma jkunx possibbli li jkun hemm estenzjoni fil-kreditu matul il-lejl, il-kreditu intraday jista' jingħata ukoll lil:

(i)

id-dipartimenti tat-teżor imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a)(i);

(ii)

il-korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 3(a)(1)(ii);

(iii)

id-ditti ta' l-investiment imsemmija fl-Artikolu 3(a)(1)(iii), bil-kundizzjoni li ditta ta' l-investiment bħal din tissottometti evidenza bil-miktub sodisfaċenti li:

(a)

jew ikkonkludiet ftehim formali ma' kontroparti tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema biex tkopri xi pożizzjoni ta' debitu li jifdal fl-aħħar tal-ġurnata partikolari; jew

(b)

l-aċċess għall-kreditu intraday huwa limitat għad-ditti ta' l-investiment li jżommu kont ma' depożitarju ċentrali tat-titoli, id-ditta ta' l-investiment partikolari hija soġġetta għal skadenza ta' likwidità jew l-ammont tal-kreditu intraday huwa suġġett għal-limitu.

Jekk ditta ta' l-investiment għal xi raġuni ma tkunx tista' tirrimborża l-kreditu intraday fil-ħin, għandha tkun soġġetta għall-penalitajiet stabbiliti skond li ġej. Jekk din id-ditta ta' l-investiment għandha żbilanċ fil-kont ta' l-RTGS f'għeluq il-jum tax-xogħol tat-TARGET l-ewwel darba f'perjodu ta' 12-il xahar, japplika f'dak il-każ dan li ġej. Il-BĊN rilevanti għandu minnufih jimponi penali fuq dak il-parteċipant kkalkolat bir-rata ta' ħames punti ta' perċentwal 'il fuq mir-rata tas-self marġinali fuq l-ammont ta' dan l-iżbilanċ. Jekk ditta ta' l-investiment bħal din tibqa' ripetutament f'pożizzjoni ta' debitu bħal din, ir-rata ta' imgħax bħala penali applikata lil dak il-parteċipant għandha tiżdied b'2.5 punti ta' perċentwal kull darba li jkun hemm pożizzjoni ta' debitu bħal din fil-perjodu ta' 12-il xahar imsemmi fuq;

(iv)

istituzzjonijiet tal-kreditu ssorveljati msemmija fl-Artikolu 3(a)(1), li m'humiex kontropartijiet eliġibbli għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema u/jew m'għandhomx aċċess għall-faċilità tas-self marġinali. Id-dispożizzjonijiet kollha tar-reġim tal-penali stabbiliti fl-Artikolu 3(f)(1)(iii) għal ditti ta' l-investiment għandhom japplikaw identikament għal dawn l-istituzzjonijiet tal-kreditu meta, għal xi raġuni, ma jkunux jistgħu jirrimborżaw il-kreditu intraday fil-ħin;

(v)

organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta' l-ikklerjar jew ta' settlement (u suġġetti għas-sorveljanza mill-awtorità kompetenti) bil-kundizzjoni li l-arranġamenti għall-għoti tal-kreditu intraday lil dawn l-organizzazzjonijiet jintbagħtu bil-quddiem lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE għall-approvazzjoni.

2.

Kull BĊN għandu jipprovdi kreditu intraday permezz ta' overdrafts intraday iggarantiti fil-BĊN u/jew tranżazzjonijiet ta' xiri mill-ġdid intraday mal-BĊNi skond il-kriterji preskritti isfel u bil-karatteristiċi minimi komuni oħra li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jispeċifika minn żmien għal żmien.

3.

Kreditu intraday għandu jkun ibbażat fuq garanzija adegwata. Il-garanzija għandha tkun l-istess attiv u strumenti, u suġġetta għall-istess valutazzjoni u regoli dwar il-kontroll tar-riskju bħal dawk preskritti fir-rigward ta' attiv eliġibbli għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja. Ħlief għal dipartimenti tat-teżor u entitajiet fis-settur pubbliku msemmija rispettivament fl-Artikolu 3(a)(1)(i) u (ii), BĊN m'għandux jaċċetta bħala attiv bażi strumenti ta' debitu maħruġa jew iggarantiti mill-parteċipant, jew minn kull entità oħra li magħha l-kontroparti għandha rabtiet mill-qrib, kif iddefiniti fid-Dokumentazzjoni Ġenerali dwar l-Istrumenti tal-Politika Monetarja ta' l-Ewrosistema.

4.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista' jeżenta lid-dipartimenti tat-teżor, imsemmija fl-Artikolu 3(a)(1)(i), mill-ħtieġa ta' għoti ta' garanzija fir-rigward ta' l-għoti tal-kreditu intraday stabbilit fl-Artikolu 3(f)(3) fuq proposta mill-BĊN rilevanti.

5.

Il-kreditu intraday mogħti skond l-Artikolu 3(f) għandu jkun ħieles mill-imgħax.

6.

Il-kreditu intraday m'għandux jingħata lill-parteċipant remot.

7.

Ir-regoli RTGS għandhom ikollhom ir-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom BĊN jista' jissospendi jew itemm l-aċċess ta' parteċipant għall-kreditu intraday. Meta BĊN jiddeċiedi li jissospendi jew itemm l-aċċess għal kontroparti li hija eliġibbli għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema, il-BĊE għandu japprova din id-deċiżjoni qabel ma ssir effettiva. Bħala eċċezzjoni u f'ċirkostanzi urġenti, BĊN jista' jissospendi b'effett immedjat l-aċċess tal-kontroparti għall-kreditu intraday tal-politika monetarja bħal din. F'dan il-każ il-BĊN ikkonċernat għandu jinnotifika minnufih lill-BĊE b'din l-azzjoni bil-miktub u l-BĊE għandu jkollu l-poter li jaqleb id-deċiżjoni tal-BĊN. Jekk il-BĊN ma jirċevix id-deċiżjoni tal-BĊE fi żmien għaxart ijiem ta' operazzjoni mir-riċevuta mill-BĊE tan-notifikazzjoni, iżda, imbagħad il-BĊE għandu jitqies li approva d-deċiżjoni tal-BĊN. Fl-każ ta' klawżoli ta' sospenzjoni jew tat-tmiem (jiġifieri ġrajjiet awtomatiċi ta' morożità għall-falliment jew miżuri simili) il-BĊN ikkonċernat għandu jinnotifika immedjatament lill-BĊE bil-miktub.

Ir-raġunijiet għal din is-sospenzjoni jew tmiem għandhom ikopru kull inċident li jġib miegħu riskju sistemiku jew li inkella jipperikola l-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi tal-ħlas, inkluż:

(i)

meta parteċipant jidħol fi proċeduri ta' falliment;

(ii)

meta l-parteċipant jikser ir-regoli ta' l-RTGS partikolari;

(iii)

meta d-dritt tal-parteċipant biex jipparteċipa fis-sistema nazzjonali ta' l-RTGS ikun sospiż jew jintemm; u

(iv)

meta, f'każ ta' parteċipant li huwa kontroparti eliġibbli għall-operazzjonijiet ta' politika monetarja ta' l-Ewrosistema l-parteċipant ma jibqax eliġibbli jew huwa eskluż jew sospiż milli jkollu aċċess għal uħud jew l-operazzjonijiet kollha bħal dawn.

Artikolu 4

Arranġamenti għal ħlasijiet internazzjonali eżegwiti permezz ta' l-interlinking

Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-arranġamenti għal ħlasijiet internazzjonali eżegwiti jew li għandhom jiġu eżegwiti permezz ta' l-interlinking.

(a)   Deskrizzjoni ta' l-interlinking

Il-BĊE u kull wieħed mill-BĊNi għandhom joperaw komponent ta' l-interlinking biex ikun jista' jsir l-ipproċessar ta' ħlasijiet internazzjonali fi ħdan it-TARGET. Dawn il-komponenti ta' l-interlinking għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tekniċi u l-ispeċfikazzjonijiet disponibbli fil-website tal-BĊE (www.ecb.int) u jkunu aġġornati minn żmien għal żmien.

(b)   Il-ftuħ u l-operazzjoni ta' kontijiet inter-BĊN miżmumin mill-BĊNi u l-BĊE

1.

Il-BĊE u kull wieħed mill-BĊNi għandhom jiftħu kont inter-BĊN fil-kotba tagħhom għal kull wieħed mill-BĊNi l-oħrajn u għall-BĊE. Bħala sostenn għar-reġistrazzjonijiet magħmulin f'kull kont inter-BĊN, kull BĊN u l-BĊE għandhom jagħtu lil xulxin faċilità tal-kreditu bla limitu u mingħajr garanzija.

2.

Biex isir ħlas internazzjonali, il-BĊN/BĊE li jibgħat għandu jikkredita l-kont inter-BĊN tal-BĊN/BĊE li jirċievi miżmum fil-BĊN/BĊE li jibgħat; il-BĊN/BĊE li jirċievi għandu jiddebita l-kont inter-BĊN tal-BĊN/BĊE li jibgħat miżmum fil-BĊN/BĊE li jirċievi.

3.

Il-kontijiet kollha interBĊN għandhom jinżammu f'euro.

(c)   Obbligi tal-BĊN/BĊE li jibgħat

1.

Verifikazzjoni

Il-BĊN/BĊE li jibgħat għandu mingħajr dewmien jivverifika d-dettalji kollha li jinsabu fl-ordni ta' ħlas li hija meħtieġa biex ikunu eżegwit il-ħlas, skond id-dispożizzjonijiet tekniċi u l-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(a). Jekk jinstabu żbalji sintattiċi jew raġunijiet oħra għar-rifjut ta' ordni ta' ħlas mill-BĊN/BĊE li jibgħat, ta' l-aħħar għandu jittratta d-data u l-ordni ta' ħlas skond ir-regoli ta' l-RTGS tas-sistema nazzjonali ta' l-RTGS tiegħu. Kull ħlas li jgħaddi permezz ta' l-interlinking għandu jkollu identifikatur uniku biex jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-messaġġ u kif ikunu ttrattati l-messaġġi.

2.

Is-Settlement

Hekk kif il-BĊN/BĊE li jibgħat ikun ivverifika l-validità ta' ordni ta' ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 4(ċ)(1), u sakemm hemm disponibbli fondi jew faċilitajiet ta' l-overdraft, il-BĊN/BĊE li jibgħat għandu mingħajr dewmien:

(a)

jiddebita l-ammont ta' l-ordni ta' ħlas mill-kont ta' l-RTGS tal-participant li jibgħat; u

(b)

jikkredita l-kont inter-BĊN tal-BĊN/BĊE li jirċievi, kif jinżamm fil-kotba tal-BĊN/BĊE li jibgħat.

Il-mument fiż-żmien meta l-BĊN/BĊE li jibgħat ikun għamel l-iddebitar speċifikat f'(a) hawn fuq għandu jissejjaħ bħala l-ħin tas-settlement. Għal sistemi nazzjonali ta' l-RTGS li japplikaw il-proċeduri ta' l-iffriżar tal-fondi, il-ħin tas-settlement għandu jkun il-mument fiż-żmien meta jsir l-iffriżar kif imsemmi fl-Artikolu 3(e)(3).

Għall-finijiet ta' din Linja ta' Gwida, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-irrevokabilità msemmija fl-Artikolu 3(e)(3), ħlas għandu jsir finali (kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta' din il-Linja ta' Gwida) fir-rigward tal-parteċipant li jibgħat ikkonċernat fil-ħin tas-settlement.

(d)   Obbligi tal-BĊN/BĊE li jirċievi

1.

Verifikazzjoni

Il-BĊN/BĊE li jirċievi għandu jivverifika mingħajr dewmien id-dettalji kollha li jinstabu fl-ordni ta' ħlas li huma meħtieġa għar-reġistrazzjoni xierqa tal-kreditu li jsir fil-kont ta' l-RTGS tal-parteċipant li jirċievi (inkluż l-identifikatur uniku biex ma jkunx hemm ikkreditar doppju). Il-BĊN/BĊE li jirċievi m'għandux jipproċessa xi ordnijiet ta' ħlas li jkun jaf li saru bi żball jew iżjed minn darba. Għandu jinnotifika lill-BĊN/BĊE li jibgħat b'kull ordni ta' ħlas bħal dan u kull ħlas riċevut bħal dan bis-saħħa tiegħu (u għandu jibgħat lura kull ħlas bħal dan mingħajr dewmien).

2.

Is-settlement

Hekk kif il-BĊN/BĊE li jirċievi jkun ivverifika l-validità ta' ordni ta' ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 4(d)(1), il-BĊN/BĊE li jirċievi għandu mingħajr dewmien:

(a)

jiddebita l-ammont ta' l-ordni ta' ħlas mill-kont inter-BĊN tal-BĊN/BĊE li jibgħat fil-kotba tiegħu;

(b)

jikkredita l-ammont ta' l-ordni ta' ħlas lill-kont ta' l-RTGS tal-parteċipant li jirċievi; u

(c)

imbagħad jibgħat dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva lill-BĊN/BĊE li jibgħat.

Għall-finijiet ta' din il-Linja ta' Gwida, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-irrevokabilità msemmija fl-Artikolu 3(e)(3), ħlas għandu jsir finali (kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta' din il-Linja ta' Gwida) fir-rigward tal-parteċipant li jirċievi kkonċernat fil-mument meta l-kont ta' l-RTGS imsemmi f'(b) ikun ikkreditat.

(e)   Trasferiment tar-responsabilità għall-ordnijiet tal-ħlas

Ir-responsabilità għall-eżekuzzjoni ta' ordni ta' ħlas għandha tgħaddi lill-BĊN/BĊE li jirċievi meta l-BĊN/BĊE li jibgħat jirċievi dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva mill-BĊN/BĊE li jirċievi.

(f)   Trattament ta' l-iżbalji

1.

Proċeduri għat-trattament ta' l-iżbalji

Kull BĊN għandu jikkonforma ma', u għandu jiżgura li s-sistema nazzjonali ta' l-RTGS tikkonforma mal-proċeduri għat-trattament ta' l-iżbalji adottati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Il-BĊE għandu jiżgura l-istess ħaġa għall-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE.

2.

Miżuri ta' kontinġenza addizzjonali

Kull BĊN għandu jiżgura li s-sistema nazzjonali ta' l-RTGS rispettiva u l-proċeduri jikkonformaw mal-pattijiet u l-kundizzjonijiet għall-miżuri ta' kontinġenza addizzjonali u l-proċeduri adottati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Il-BĊE għandu jiżgura l-istess ħaġa għall-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE.

(g)   Relazzjoni man-network service provider

1.

Il-BĊNi kollha u l-BĊE għandhom ikun konnessi jew ikollhom entry point għan-network service provider.

2.

Bejniethom, la l-BĊNi u lanqas il-BĊE m'għandhom jassumu xi responsabilità lil xulxin għal xi nuqqas tan-network service provider. Għandha tkun ir-responsabilità tal-BĊN/BĊE li jkun sofra t-telf li jitlob kumpens, jekk hemm, kontra n-network service provider, u BĊN għandu jagħmel it-talba permezz tal-BĊE.

Artikolu 4a

Arranġamenti għal ħlasijiet internazzjonali eżegwiti permezz ta' BĊN li jipprovdi servizz

Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-arranġamenti għal ħlasijiet internazzjonali eżegwiti jew li għandhom jiġu eżegwiti permezz ta' link bilaterali.

(a)   Deskrizzjoni tal-komunikazzjoni

Meta jiġi eżegwit ħlas internazzjonali permezz ta' link bilaterali:

Il-BĊN li jipprovdi s-servizz għandu jkun meqjus bħala l-BĊN li jirċievi u li jibgħat, skond kif ikun il-każ, fir-rigward ta' l-obbligi u r-responsabbiltajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-ipproċessar tal-ħlas internazzjonali permezz ta' l-interlinking fil-konfront ta' kemm il-BĊN/BĊE li jibgħat jew li jirċievi,

il-BĊN konness għandu jitqies bħala l-BĊN li jirċievi jew li jibgħat, skond kif ikun il-każ, fir-rigward ta' l-obbligi u r-responsabbiltajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-ikkreditar/iddebitar tal-kont RTGS tal-parteċipant li jirċievi/jibgħat.

(b)   Il-ftuħ ta' kont għall-BĊN konness u t-tħaddim ta' dak il-kont

1.

Il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jiftaħ kont f'euro fil-kotba tiegħu għall-BĊN konness.

2.

Il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jagħti faċilità ta' kreditu bla limitu u mhix iggarantita lill-BĊN konness.

3.

Biex jiġu eżegwiti ħlasijiet internazzjonali mibdija minn xi parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jiddebita l-kont tal-BĊN konness u jikkredita kont RTGS tal-parteċipant tal-BĊN li jipprovdi servizz jew jikkredita l-kont inter–BĊN tal-BĊN/BĊE li jirċievi miżmum mill-BĊN li jipprovdi servizz. Biex jiġu eżegwiti ħlasijiet internazzjonali lil xi parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jiddebita l-kont inter–BĊN tal-BĊN/BĊE li jibgħat jew jiddebita xi kont RTGS tal-parteċipant tal-BĊN li jipprovdi servizz u jikkredita l-kont tal-BĊN konness.

(ċ)   Obbligi u responsabbiltajiet tal-BĊN li jipprovdi servizz u l-BĊN konness

1.

Verifikazzjoni

(a)

Kemm il-BĊN konness u l-BĊN li jipprovdi servizz għandhom ikunu responsabbli għall-preċiżjoni u s-sintassi tad-data li huma jipprovdu lil xulxin, u għandhom jiftiehmu dwar standards li għandhom jiġu applikati għal dik id-data.

(b)

Il-BĊN li jipprovdi servizz għandu, malli jirċievi xi ordni ta' ħlas ippreżentata mill-BĊN konness, jivverifika mingħajr dewmien id-dettalji kollha inklużi fl-ordni ta' ħlas li huma meħtieġa għall-ipproċessar xieraq tagħha. Jekk il-BĊN li jipprovdi servizz jiskopri żbalji sintattiċi jew raġunijiet oħra biex jirrifjuta xi ordni ta' ħlas, huwa ma għandux jipproċessa dik l-ordni ta' ħlas, u għandu jittratta d-data u l-ordni ta' ħlas skond regoli speċifiċi li għandhom jiġu miftiehma bejn il-BĊN li jipprovdi servizz u l-BĊN konness.

2.

Is-settlement

(a)

Biex jiġi eżegwit ħlas internazzjonali mibdi minn parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness, il-BĊN konness għandu jiddebita l-kont tal-parteċipant tiegħu u, skond il-pattijiet u l-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-BĊN konness u l-BĊN li jipprovdi servizz, jippreżenta ordni ta' ħlas korrispondenti lill-BĊN li jipprovdi servizz.

(b)

Hekk kif il-BĊN li jipprovdi servizz ikun iċċekkja l-validità ta' l-ordni ta' ħlas ppreżentata skond l-Artikolu 4a(ċ)(1)(b), il-BĊN li jipprovdi servizz għandu mingħajr dewmien:

(i)

jiddebita l-kont tal-BĊN konness; u

(ii)

jibgħat dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva lill-BĊN konness.

(c)

Meta l-kont tal-BĊN konness ikun iddebitat, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu mingħajr dewmien jikkredita l-kont RTGS tal-parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS nazzjonali tiegħu jew jipproċessa l-ordni ta' ħlas permezz ta' l-interlinking skond l-Artikolu 4. Meta l-BĊN li jipprovdi servizz jirċievi dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva jew negattiva mill-BĊN/BĊE li jirċievi, huwa għandu jibgħat dikjarazzjoni ta' riċevuta lill-BĊN konness.

(d)

Biex jeżegwixxi ħlas internazzjonali, li nbeda minn parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN li jipprovdi servizz, lil xi parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jikkredita l-kont tal-BĊN konness minnufih malli jirċievi dik l-ordni ta' ħlas. Il-BĊN konness imbagħad għandu jikkredita minnufih il-kont tal-parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness.

(e)

Biex jeżegwixxi ħlas internazzjonali, li nbeda minn parteċipant f'sistema ta' l-RTGS li ma tkunx is-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN li jipprovdi servizz, lil parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu, meta jirċievi ordni ta' ħlas mill-BĊN/BĊE li jibgħat:

(i)

iwettaq il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 4(d)(1) u 4(d)(2)(a);

(ii)

imbagħad jikkredita l-kont tal-BĊNi konness u jinnotifika lill-BĊN konness bih; u

(iii)

imbagħad jibgħat dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva lill-BĊN/BĊE li jibgħat .

Meta jirċievi n-notifikazzjoni skond il-punt (ii), il-BĊE konness għandu minnufih jikkredita l-kont ta' parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tiegħu.

(f)

Il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, kif miftiehma mal-BĊN konness, sabiex jiżgura li l-informazzjoni u d-data kollha meħtieġa biex jikkredita l-kont tal-parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness, huma disponibbli għall-BĊN konness f'kull ċirkustanza.

(g)

L-orarju ta' l-operazzjoni tas-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness għandhom jikkonformaw ma' l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV.

3.

Finalità

Il-finalità ta' ħlasijiet internazzjonali pproċessati permezz ta' link bilaterali għandha tkun iddeterminata skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 4(ċ)(2) u 4(d)(2).

4.

Trasferiment ta' responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta' ordni ta' ħlas

Għal ħlasijiet internazzjonali mibdija minn parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness, ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta' ordni ta' ħlas għandha tgħaddi mill-BĊN konness għall-BĊN li jipprovdi servizz, fil-mument li l-kont tal-BĊN konness mal-BĊN li jipprovdi servizz jiġi ddebitat, u mbagħad għandha tgħaddi għall-BĊN/BĊE li jirċievi skond l-Artikolu 4(e). Għal ħlasijiet internazzjonali lil parteċipant fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN konness, ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta' ordni ta' ħlas għandha tgħaddi mingħand il-BĊN li jibgħat għall-BĊN li jipprovdi servizz, malli l-BĊN/BĊE li jibgħat jirċievi dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva kif deskritt fl-Artikolu 4a(ċ)(2)(e)(iii).

(d)   Trattament ta' l-iżbalji

It-trattament speċifikat fl-Artikolu 4(f) għandu japplika għall-BĊNi konnessi.

(e)   Relazzjoni man-network service provider

Il-BĊN konness għandu jkun konness jew ikollu entry point għan-network service provider. Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-BĊN konness li jitlob kumpens mingħand in-network service provider jekk il-BĊN konness isofri telf bħala riżultat ta' ksur ta' dawn ir-regoli, u l-BĊN konness għandu jissottometti kull talba direttament lin-network service provider.

(f)   Informazzjoni lill-parteċipanti

Il-BĊNi kollha għandhom jinfurmaw lill-parteċipanti fis-sistemi RTGS tagħhom, li dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva maħruġa minn BĊN li jipprovdi servizz fir-rigward ta' ħlasijiet internazzjonali lil parteċipanti f'sistema ta' l-RTGS ta' BĊN konness, tiċċertifika l-ikkreditar tal-kont tal-BĊN konness mal-BĊN li jipprovdi servizz, imma ma tiċċertifikax l-ikkreditar tal-kont ta' parteċipant li jirċievi mal-BĊN konness. Sa fejn ikun meħtieġ, il-BĊNi għandhom għalhekk jemendaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar ir-RTGS.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà

Kull BĊN għandu jikkonforma ma', u għandu jiżgura li s-sistema nazzjonali ta' l-RTGS rispettiva tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-politika tas-sigurtà u l-ħtiġiet tas-sigurtà u l-kontrolli għat-TARGET. Il-BĊE għandu jiżgura wkoll l-istess għall-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE.

Artikolu 6

Regoli ta' l-awditjar

L-awdituri interni tal-BĊE u l-BĊNi għandhom jivvalutaw il-konformità mal-karatteristiċi funzjonali, tekniċi u organizzattivi, inkluż id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà, kif speċifikat għall-komponenti u l-arranġamenti rilevanti tat-TARGET imsemmija f'din il-Linja ta' Gwida.

Artikolu 7

L-immaniġġjar tat-TARGET

1.   Id-direzzjoni, l-immaniġġjar u l-kontroll tat-TARGET għandhom jidħlu fil-kompetenza tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv jista' jiddetermina l-pattijiet u l-kondizzjonijiet li bihom is-sistemi ta' ħlas internazzjonali ħlief għall-sistemi nazzjonali ta' l-RTGS jistgħu jużaw il-faċilitajiet internazzjonali tat-TARGET jew ikunu konnessi mat-TARGET.

2.   Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu jkun megħjun mill-Kumitat tas-Sistemi tal-Ħlas u tas-Settlement (PSSC) u s-sub-grupp tiegħu kompost minn rappreżentanti tal-BNI tas-sistemi nazzjonali ta' l-RTGS, il-Grupp ta' Ħidma ta' l-Immaniġġjar tat-TARGET (TMWG), fil-kwistjonijiet kollha dwar is-sistema tat-TARGET.

3.   L-immaniġġjar ta' kuljum tat-TARGET għandu jkun fdat lill-koordinatur tat-TARGET tal-BĊE u lill-Maniġers tas-Settlement tal-BĊN:

Kull BĊN u l-BĊE għandhom jaħtru Maniġer tas-Settlement għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tas-sistema nazzjonali ta' l-RTGS tiegħu rispettiva jew, fil-każ tal-BĊE, il-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE,

Il-Maniġer tas-Settlement għandu jkollu r-responsabilità għall-immaniġġjar ta' kuljum ta' kull sistema nazzjonali ta' l-RTGS bħal din jew, fil-każ tal-BĊE, il-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE u biex ikunu ttrattati sitwazzjonijiet anormali u l-iżbalji, u

il-BĊE għandu jaħtar il-Koordinatur tat-TARGET tal-BĊE bħala l-maniġer ta' kuljum tal-funzjonijiet ċentrali tat-TARGET.

Artikolu 8

Skema ta' Kumpens tat-TARGET

1.   Prinċipji ġenerali

(a)

Fil-każ li jkun hemm ħsara fit-TARGET, il-parteċipanti diretti u indiretti (għall-finijiet ta' dan l-Artikolu minn hawn 'il quddiem msemmija bħala “Parteċipanti fit-TARGET”) ikollhom id-dritt li jibagħtu talbiet għall-kumpens skond ir-regoli preskritti f'dan l-Artikolu.

(b)

L-Iskema ta' Kumpens tat-TARGET għandha tapplika għas-sistemi nazzjonali ta' l-RTGS kollha (irrispettivament jekk dawn is-sistemi RTGS humiex konnessi mat-TARGET permezz ta' l-interlinking jew permezz ta' link bilaterali) u għall-mekkaniżmu ta' ħlas tal-BĊE u għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti kollha fit-TARGET (inklużi l-parteċipanti fit-TARGET f'sistemi nazzjonali ta' l-RTGS ta' Stati Membri parteċipanti li m'humiex kontropartijiet għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema, u parteċipanti fit-TARGET f'sistemi nazzjonali ta' l-RTGS ta' Stati Membri mhux parteċipanti) fir-rigward tal-ħlasijiet kollha tat-TARGET (mingħajr distinzjoni bejn ħlasijiet domestiċi u ħlasijiet internazzjonali). L-Iskema ta' Kumpens tat-TARGET m'għandhiex tapplika għal klijenti fil-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE skond il-Pattijiet u l-Kundizzjonijiet li jiggvernaw l-użu ta' mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE, li jinsabu fuq il-website tal-BĊE u huma aġġornati minn żmien għal żmien.

(c)

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, l-Iskema ta' Kumpens tat-TARGET ma tapplikax meta l-ħsara tat-TARGET hija kkawżata minn:

(i)

ġrajjiet esterni mhux fil-kontroll tas-SEBĊ; jew

(ii)

in-nuqqas ta' terz li ma jkunx l-operatur tas-sistema nazzjonali ta' l-RTGS fejn ġrat il-ħsara.

(ca)

Għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 8(1)(ċ)(ii), BĊN li jipprovdi servizz m'għandux jitqies bħala terz.

(d)

Offerti skond l-Iskema ta' Kumpens tat-TARGET (“offerti tal-kumpens”) għandhom ikunu l-uniku kumpens offert mis-SEBĊ f'każijiet ta' ħsara. L-Iskema ta' Kumpens tat-TARGET ma teskludix il-possibilità tal-parteċipanti fit-TARGET li jużaw mezzi oħra legali biex jitolbu l-kumpens fil-każ ta' ħsara fit-TARGET. Iżda, l-aċċettazzjoni ta' offerta ta' kumpens minn parteċipant fit-TARGET għandha tikkostitwixxi l-ftehim irrevokabbli tiegħu li huwa b'hekk jirrinunzja għat-talbiet kollha (inkluż kull talba għal danni konsegwenzjali) li jista' jkollu kontra kull membru tas-SEBĊ, skond il-liġijiet nazzjonali jew mod ieħor, u li meta jirċievi l-ħlas tal-kumpens korrispondenti jkun għas-saldu ta' dawn it-talbiet kollha. Il-parteċipant fit-TARGET għandu jindennizza lis-SEBĊ sa l-ammont riċevut fl-Iskema ta' Kumpens tat-TARGET minn kull kumpens ieħor li jista' jintalab minn kull parteċipant ieħor tat-TARGET dwar l-ordni ta' ħlas rispettiv.

(e)

Kull offerta u/jew ħlas ta' kumpens m'għandux jikkostitwixxi ammissjoni tar-responsabilità min xi BĊN jew il-BĊE fir-rigward tal-ħsara.

(f)

Jekk BĊN konness ma jistax jipproċessa ħlasijiet internazzjonali minħabba ħsara fis-sistema ta' l-RTGS tal-BĊN li jipprovdi servizz, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jitqies bħala “l-BĊN bil-ħsara”, li tfisser li l-BĊN tas-sistema nazzjonali ta' l-RTGS fejn kien hemm il-ħsara, fir-rigward ta' dawn il-ħlasijiet.

2.   Kundizzjonijiet għal kumpens

(a)

Fir-rigward ta' dak il-parteċipant fit-TARGET li jibgħat, talba għal tariffa amministrattiva u kumpens ta' imgħax għandhom ikunu kkunsidrati jekk minħabba ħsara:

(i)

l-ipproċessar fl-istess ġurnata ta' xi ordni ta' ħlas ma tlestiex; jew

(ii)

dan il-parteċipant fit-TARGET jista' juri li kellu l-intenzjoni li jdaħħal ordni ta' ħlas fit-TARGET imma ma setax jagħmel dan minħabba stop-sending status ta' xi sistema nazzjonali RTGS.

(b)

Fir-rigward ta' dak il-parteċipant fit-TARGET li jkun qed jirċievi, talba għal tariffa amministrattiva għandha tiġi kkunsidrata jekk minħabba ħsara dak il-parteċipant fit-TARGET ma rċeviex xi ħlas tat-TARGET li kien qed jistenna li jirċievi fil-jum tad-ħsara. F'dan il-każ, talba għal kumpens ta' imgħax għandha tiġi kkunsidrata wkoll jekk:

(i)

dan il-parteċipant fit-TARGET irrikorra għall-faċilità ta' self marġinali jew, jekk xi parteċipant fit-TARGET ma jkollux aċċess għall-faċilità ta' self marġinali, dan il-parteċipant fit-TARGET spiċċa bi żbilanċ, jew kellu xi spill-over mill-kreditu intraday fl-overnight credit fil-kont RTGS tiegħu fl-għeluq tan-negozju tat-TARGET, jew kellu jissellef ammonti mill-BĊN rispettiv; u

(ii)

jew il-BĊN bil-ħsara kien il-BĊN li qed jirċievi, jew il-ħsara ġrat tant tard fil-ħin fil-jum ta' operazzjoni tat-TARGET li kien teknikament impossibbli jew imprattikabbli għall-parteċipant fit-TARGET li jirċievi li jirrikorri għas-suq tal-flus.

3.   Kalkolu tal-kumpens

3.1

Kumpens ta' parteċipanti fit-TARGET li jibagħtu

(a)

L-offerta ta' kumpens skond l-Iskema ta' Kumpens tat-TARGET għandha tikkonsisti biss f'tariffa amministrattiva jew tariffa amministrattiva u kumpens ta' imgħax.

(b)

It-tariffa amministrattiva għandha tkun ta' EUR 50 għall-ewwel ordni ta' ħlas mhux kompluta fid-data ta' l-ipproċessar, u, fil-każ ta' aġġustamenti multipli, ta' EUR 25 għal kull waħda minn dawn l-erba' ordnijiet ta' ħlas li jkunu jmissu, u EUR 12,50 għal kull ordni ta' ħlas oħra bħal dawn. It-tariffa amministrattiva għandha tiġi ddeterminata b'referenza għal kull parteċipant li jirċievi fit-TARGET .

(c)

Il-kumpens ta' l-imgħax għandu jkun iddeterminat bl-applikazzjoni ta' rata (ir-'“rata ta' riferenza”), minn jum għal jum skond dik li tkun l-aktar baxxa tar-rata EONIA (l-indiċi medju ta' l-euro matul il-lejl) u r-rata tas-self marginali, sa l-ammont ta' l-ordni ta' ħlas mhux ipproċessata bħala riżultat ta' ħsara għal kull jum fil-perjodu li jibda fid-data tar-reġistazzjoni jew ir-reġistrazzjoni maħsuba ta' l-ordni ta' ħlas fit-TARGET u li jispiċċa fid-data li l-ordni tal-ħlas kienet jew setgħet tintemm b'suċċess (il-“perjodu tal-ħsara”). Meta jkun ikkalkolat il-kumpens ta' l-imgħax, għandu jitnaqqas mill-ammont tal-kumpens il-qligħ mill-użu attwali tal-fondi b'rikors għall-facilità ta' depożitu (jew, fil-każ tal-parteċipanti fit-TARGET f'sistemi nazzjonali ta' l-RTGS ta' Stati Membri parteċipanti li m'humiex kontropartijiet fl-operazzjonijiet fil-politika monetarja ta' l-Ewrosistema, ir-remunerazzjoni riċevuta fuq fondi fl-eċċess fil-kont tas-settlement, jew, fil-każ ta' parteċipanti fit-TARGET f'sistemi nazzjonali ta' l-RTGS ta' Stati Membri li ma jipparteċipawx, ir-remunerazzjoni riċevuta biex ikun hemm bilanċi pożittivi addizzjonali fl-aħħar tal-jum fil-kont ta' l-RTGS).

(d)

Fil-każ tat-tpoġġija tal-fondi fis-suq jew l-użu tal-fondi biex jitħarsu r-rekwiżiti minimi tar-riserva, il-parteċipant fit-TARGET m'għandux jirċievi xi kumpens ta' l-imgħax.

(e)

Fir-rigward ta' parteċipanti fit-TARGET li jibagħtu fis-sistemi nazzjonali ta' l-RTGS ta' Stati Membri li ma jipparteċipawx, kull limitu fir-remunerazzjoni fuq l-ammont aggregat ta' depożiti matul il-lejl fil-kontijiet ta' l-RTGS m'għandux jitqies sal-punt li dan l-ammont jista' jkun attribwit għall-ħsara.

3.2

Kumpens ta' parteċipanti fit-TARGET li jirċievu

(a)

L-offerta ta' kumpens skond l-Iskema ta' Kumpens tat-TARGET għandha tikkonsisti biss f'tariffa amministrattiva jew tariffa amministrattiva u kumpens ta' l-imgħax.

(b)

L-ammont tat-tariffa amministrattiva għandu jkun iddeterminat skond il-paragrafu 3.1(b) u t-tariffa amministrattiva għandha tiġi ddeterminata b'referenza għal kull parteċipant fit-TARGET li jibgħat.

(ċ)

Il-metodu tal-kalkolazzjoni għall-kumpens ta' imgħax kif imsemmi fil-paragrafu 3.1(ċ) hawn fuq għandu japplika, ħlief li l-kumpens ta' l-imgħax għandu jiġi bbażat fuq id-differenza bejn ir-rata ta' self marġinali u r-rata ta' referenza, u għandu jiġi kkalkolat fuq l-ammont ta' rikors għall-faċilità ta' self marġinali bħala riżultat tad-difett.

(d)

Fir-rigward ta' parteċipanti fit-TARGET li jirċievu fi (i) sistemi nazzjonali ta' l-RTGS ta' l-Istati Membri parteċipanti li m'humiex kontropartijiet għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema, u (ii) sistemi nazzjonali ta' l-RTGS ta' l-Istati Membri mhux parteċipanti, sal-miżura li xi żbilanċ jew spill-over mill-kreditu intraday fl-overnight credit jew il-ħtieġa biex jinsilfu ammonti mill-BĊN rispettiv tista' tiġi attribwita għall-ħsara, li parti tar-rata tal-penali applikabbli (kif stipulata bir-regoli applikabbli ta' l-RTGS f'dawn il-każijiet) li hija ogħla mir-rata ta' self marġinali, għandha tinħafer (u injorata f'każijiet futuri ta' spill-over) u għal parteċipanti fit-TARGET tas-sistemi nazzjonali RTGS imsemmija fi (ii) hawn fuq, għandha tiġi injorata għall-iskop ta' l-aċċess għall-kreditu intraday u/jew parteċipazzjoni kontinwata fis-sistema nazzjonali RTGS interessata.

4.   Regoli proċedurali

(a)

Kull talba għall-kumpens għandha tintbagħat fuq formula tat-talba (il-kontenut u l-forma tagħha għandhom ikunu ddeterminati u jsiru pubbliċi mill-BĊE minn żmien għal żmien) flimkien ma' kull informazzjoni rilevanti u evidenza li jkun b'hekk meħtieġ. Parteċipant fit-TARGET li jibgħat għandu jibgħat formula waħda ta' talba separata fir-rigward ta' kull parteċipant fit-TARGET li jirċievi. Parteċipant fit-TARGET li jirċievi għandu jibgħat formula waħda ta' talba separata fir-rigward ta' kull parteċipant fit-TARGET li jibgħat. Talbiet fir-rigward ta' ħlas TARGET speċifiku jistgħu jintbagħtu darba biss, jew minn parteċipant dirett jew indirett f'isimhom jew minn parteċipant dirett f'isem parteċipant indirett.

(b)

Parteċipanti fit-TARGET għandhom jibagħtu l-formola(i) tat-talbiet lill-BĊN fejn jinżamm il-kont ta' l-RTGS li kien jew li kellu jkun ikkreditat (“il-'BĊN lokali”) fi żmien ġimgħatejn mid-data tal-ħsara. Kull informazzjoni addizzjonali u l-evidenza mitluba mill-BĊN lokali għandha tingħata fi żmien ġimagħtejn minn meta ssir din it-talba.

(c)

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jagħmel valutazzjoni tat-talbiet kollha riċevuti u jiddeċiedi jekk għandhomx isiru offerti għall-kumpens. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u kkomunikat lill-parteċipanti fit-TARGET, din il-valutazzjoni għandha ssir mhux aktar tard minn tnax-il ġimgħa wara l-ħsara.

(d)

Il-BĊN li jkollu l-ħsara għandu jikkomunika r-riżultat tal-valutazzjoni msemmija f'(ċ) hawn fuq lill-parteċipanti rilevanti fit-TARGET. Jekk il-valutazzjoni tikkomprendi offerta għall-kumpens, il-parteċipanti fit-TARGET ikkonċernati għandhom, f'erba' gimgħat mill-komunikazzjoni ta' din l-offerta, jew jirrifjutaw l-offerta jew jaċċettawha fir-rigward ta' kull ordni ta' ħlas li jkun fiha kull talba billi tiġi ffirmata ittra standard ta' aċċettazzjoni (li l-kontenut u l-forma tagħha għandhom ikunu ddeterminati u magħmulin pubbliċi mill-BĊE minn żmien għal żmien). Jekk il-BĊN li jkollu l-ħsara ma jirċevix ittra bħal din f'dak il-perjodu ta' erba' ġimgħat, il-parteċipanti fit-TARGET kkonċernati għandhom jitqiesu li rrifjutaw l-offerta tal-kumpens.

(e)

Il-ħlasijiet għall-kumpens għandhom isiru mill-BĊN li jkollu l-ħsara meta jirċievi l-ittra ta' aċċettazzjoni tal-parteċipant fit-TARGET. M'għandu jitħallas l-ebda imgħax fuq xi ħlas għall-kumpens.

Artikolu 9

Forza maġġuri

Ma għandu jkun hemm l-ebda responsabbiltà min-naħa tal-BĊNi/BĊE għal nuqqas ta' konformità ma' din il-Linja ta' Gwida safejn, u sakemm, ikun hemm inabbiltà li wieħed iwettaq l-obbligi msemmija skond il-Linja ta' Gwida, jew dawn l-obbligi huma suġġetti għal sospensjoni jew dewmien, minħabba li jseħħ xi inċident riżultat ta' kull raġuni jew kawża barra mill-kontroll raġonevoli (inklużi, imma mhux limitati għal, ħsarat fit-tagħmir jew ħsara ġenerali, diżastri naturali, strajkijiet jew kwistjonijiet ta' xogħol), bil-kundizzjoni li dan ta' hawn fuq ma jippreġudikax ir-responsabbiltà li wieħed ikollu lesti l-faċilitajiet ta' riżerva meħtieġa minn din il-Linja ta' Gwida, biex iwettaq il-proċeduri dwar it-trattament ta' l-iżbalji, imsemmija fl-Artikoli 4(f) u 4a(d), kemm jista' jkun possibbli minkejja l-inċident ta' forza maġġuri, u biex jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex jitnaqqsu l-effetti ta' kull inċident bħal dan waqt li jkun qed iseħħ.

Artikolu 10

Soluzzjoni ta' tilwim operattiv jew tekniku

Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-prerogattivi tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, kull tilwim tekniku jew dwar l-operazzjoni li jinqala' bejn il-BĊNi jew bejn kull BĊN u l-BĊE fir-rigward tat-TARGET li ma jistax jissolva bi ftehim bejn il-partijiet involuti fit-tilwima għandu jkun innotifikat lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u rriferut lill-PSSC għall-konċiljazzjoni.

Artikolu 10a

Liġi applikabbli

Fil-każ ta' kull tilwima legali bejn il-BĊNi, jew bejn xi BĊN u l-BĊE fir-rigward tat-TARGET, id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi rispettivi dwar ordnijiet ta' ħlas ipproċessati permezz tat-TARGET, u l-materji l-oħra kollha msemmija f'din il-Linja ta' Gwida għandhom ikunu ddeterminati: (i) bir-regoli u l-proċeduri msemmija f'din il-Linja ta' Gwida; u (ii) bħala sors supplimentari f'tilwim dwar ħlasijiet internazzjonali permezz ta' l-interlinking, bil-liġijiet ta' l-Istati Membru tas-sede tal-BĊN/BĊE li jirċievi.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din il-Linja ta' Gwida hija indirizzata lill-BĊNi.

2.   Il-Linja ta' Gwida BĊE/2001/3 hija b'dan irrevokata u r-riferenzi għall-Linja ta' Gwida BĊE/2001/3 għandhom jiftehmu bħala referenzi għal din il-Linja ta' Gwida.

3.   Din il-Linja ta' Gwida għandha tidħol fis-seħħ fit-2 ta' Jannar, 2006. Għandha tibda tgħodd mis-16 ta' Marzu, 2006.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fit-30 ta' Diċembru, 2005.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean Claude-TRICHET


(1)  ĠU L 140, ta’ l-24.5.2001, p. 72. Il-Linja ta’ Gwida kif l-aħħar emendata bil-Linja ta’ Gwida BĊE/2005/1 (ĠU L 30, tat-3.2.2005, p. 21.

(2)  ĠU L 1, tat-3.1.1994, p. 3.

(3)  ĠU L 332, tal-31.12.1993, p. 1.

(4)  ĠU L 145, tat-30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 126, is-26.5.2000, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2005/1/KE (ĠU L 79, ta’ l-24.3.2005, p. 9).


L-ANNESS I

SISTEMI NAZZJONALI TA' L-RTGS

Stat Membru

Isem tas-sistema

Aġent regolatur

Post

Il-Belġju

Electronic Large-value Interbank Payment System (ELLIPS)

Il-Banque Nationale de Belgique/Nationale Bank van België

Brussell

Il-Ġermanja

RTGSplus

Id-Deutsche Bundesbank

Frankfurt

Il-Ġreċja

Hellenic Real-time Money Transfer Express System (HERMES)

Bank of Greece

Ateni

Spanja

Servicios de Liquidación del Banco de España (SLBE)

Il-Banco de España

Madrid

Franza

Transferts Banque de France (TBF)

Il-Banque de France

Pariġi

L-Irlanda

Irish Real-time Interbank Settlement System (IRIS)

Central Bank and Financial Services Authority of Ireland

Dublin

L-Italja

Sistema di regolamento lordo (BIREL)

Il-Banca d'Italia

Ruma

Il-Lussemburgu

Luxembourg Interbank Payment Systems (LIPS-Gross)

Il-Banque centrale du Luxembourg

Il-Lussemburgu

L-Olanda

TOP

Id-De Nederlandsche Bank

Amsterdam

L-Awstrija

Austrian Real-time Interbank Settlement System (ARTIS)

L-Oesterreichische Nationalbank

Vjenna

Il-Portugall

Sistema de Pagamentos de Grandes Transacções (SPGT)

Il-Banco de Portugal

Liżbona

Il-Finlandja

Bank of Finland (BoF-RTGS)

Is-Suomen Pankki

Ħelsinki


ANNESS II

TARIFFI TAL-ĦLAS DOMESTIĊI

Il-prezz tat-trasferimenti ta' l-RTGS f'euro ser ikomplu jkunu ddeterminati fil-livell nazzjonali, b'referenza għal-prinċipji ta' l-irkupru ta' l-ispiża, it-trasparenza u li ma jkunx hemm diskriminazzjoni wara li jitqies il-fatt li l-prezz għat-trasferimenti domestiċi u internazzjonali f'euro għandu jkun bejn wieħed u ieħor fl-istess medda biex l-uniċità tas-suq tal-flus ma tkunx affettwata.

Is-sistemi nazzjonali ta' l-RTGS għandhom jinfurmaw lill-BĊE, lill-BĊNi l-oħra li jipparteċipaw, u lil partijiet oħra interessati bl-istruttura tat-tariffi tagħhom.

Il-metodoloġiji għad-determinazzjoni ta' l-ispejjeż ta' sistemi nazzjonali ta' l-RTGSs għandhom ikunu armonizzati f'livell adegwat.


ANNESS III

TARIFFI TAL-ĦLAS INTERNAZZJONALI

It-tariffa (bl-esklużjoni tal-VAT) li għandha tkun imposta fuq ħlasijiet internazzjonali permezz tat-TARGET bejn parteċipanti diretti ser tkun ibbażata fuq in-numru ta' tranżazzjonijiet mibgħuta minn parteċipant f'sistema waħdanija ta' l-RTGS, skond skala digressiva.

L-iskala digressiva hija kif ġej:

EUR 1.75 għal kull waħda mill-ewwel 100 tranżazzjoni kull xahar;

EUR 1.00 għal kull waħda mid-900 tranżazzjoni li jmiss kull xahar;

EUR 0.80 għal kull tranżazzjoni oħra sussegwenti li taqbeż 1,000 kull xahar.

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tat-tariffa digressiva, il-volum tal-ħlas li jkun ikkonsidrat huwa n-numru ta' tranżazzjonijiet li jkunu saru mill-istess entità legali f'sistema waħda ta' l-RTGS jew il-ħlas ta' trażazzjonijiet li jkunu saru minn entitajiet differenti għall-eżekuzzjoni permezz ta' l-istess kont tas-settlement.

L-applikazzjoni ta' l-iskema tat-tariffa fuq imsemmija ser tkun riveduta minn żmien għal żmien.

It-tariffi jintalbu biss mill-BĊN/BĊE li jibgħat lill-parteċipanti li jirċievu fis-sistema nazzjonali ta' l-RTGS/il-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE (EPM). M'għandhom jintalbu l-ebda tariffi mill-BĊN/BĊE li jirċievi lill-parteċipant li jirċievi. M'għandu jkun hemm l-ebda talba għall-ħlas għal trasferimenti inter-BĊN, jiġifieri meta l-BĊN/BĊE li jibgħat qed jaġixxi f'ismu stess.

It-tariffi jkopru l-queuing ta' l-istruzzjoni tal-ħlas (jekk japplika), l-iddebitar tal-mittent, l-ikkreditar tal-kont inter-BĊN tal-BĊN/BĊE li jirċievi fil-kotba ta' BĊN/BĊE li jibgħat, li tintbagħat it-talba tan-notifika tal-messaġġ tal-ħlas tas-settlement (PSMR) permezz tan-network ta' l-Interlinking, l-iddebitar tal-kont inter-BĊN tal-BĊN/BĊE li jibgħat fil-kotba tal-BĊN/BĊE li jirċievi, l-ikkreditar tal-parteċipant ta' l-RTGS, li tintbagħat in-notifika tal-messaġġ tal-ħlas tas-settlement (PSMN) permezz tan-network ta' l-interlinking, il-komunikazzjoni tal-messaġġ tal-ħlas lill-parteċipant/riċevent ta' l-RTGS u l-konferma tas-settlement (jekk japplika).

L-istruttura tat-tariffa internazzjonali tat-TARGET ma tkoprix l-ispejjeż tal-link tat-telekomunikazzjonijiet bejn il-mittent u s-sistema nazzjonali ta' l-RTGS fejn il-mittent huwa parteċipant. It-tariffa għal din il-link tat-telekomunikazzjoni tkompli titħallas skond ir-regoli domestiċi.

Sistemi nazzjonali ta' l-RTGS ma jistgħux jimponu tariffa fuq il-konverżjoni ta' ordnijiet ta' trasferiment mill-unitjajiet tal-valuta nazzjonali f'euro jew vice versa.

Is-sistemi ta' l-RTGS jistgħu jitolbu tariffi addizzjonali għal servizzi addizzjonali li jistgħu jagħtu (eż li jiddaħħlu struzzjonijiet ta' ħlas fuq il-karti).

Il-possibilità ta' l-applikazzjoni ta' tariffi differenti għall-ħin meta jkun hemm l-eżekuzzjoni ta' l-istruzzjonijiet tal-ħlas tkun ikkunsidrata fuq il-bażi ta' l-esperjenza miksuba matul l-operazzjoni tas-sistema.


L-ANNESS IV

L-ORARJI TA' L-OPERAZZJONI TAT-TARGET

It-TARGET u, għalhekk, il-BĊNi u s-sistemi nazzjonali ta' l-RTGS parteċipanti fit- jew konnessi mat-TARGET, japplikaw ir-regoli segwenti fir-rigward ta' l-orarju ta' l-operazzjoni.

1.

Il-ħin ta' referenza għat-TARGET huwa “il-ħin tal-Bank Ċentrali Ewropew”, iddefinit bħala l-ħin lokali fis-sede tal-BĊE.

2.

It-TARGET għandu jkollu orarju ta' operazzjoni komuni mis-07:00 sa 18:00.

3.

Ftuħ kmieni, qabel is-07:00, jista' jsir wara li notifikazzjoni minn qabel tkun intbagħtet lill-BĊE:

(i)

għal raġunijiet domestiċi (eż. biex jiġi ffaċilitat is-settlement ta' tranżazzjonijiet tat-titoli, jew biex isir is-settlement ta' bilanċi ta' sistemi ta' settlement nett, jew is-settlement ta' tranżazzjonijiet domestiċi oħra, bħal tranżazzjonijiet grupp grupp mgħoddija mill-BĊNi fis-sistemi RTGS matul il-lejl); jew

(ii)

għal raġunijiet relatati mas-SEBĊ (eż. fi ġranet meta volumi ta' ħlas eċċezzjonali huma mistennija, jew sabiex jitnaqqas ir-riskju tas-settlement tal-kambju fl-ipproċessar tal-parti euro tat-tranżazzjonijiet tal-kambju li jinvolvu valuti Asjatiċi).

4.

Għal ħlasijiet tal-klijenti (kemm domestiċi u internazzjonali (1) japplika cut-off time ta' siegħa qabel il-ħin ta' l-għeluq normali tat-TARGET; il-ħin li jifdal jintuża biss għal ħlasijiet ta' bejn il-banek (kemm domestiċi u dawk internazzjonali (2) biex tiġi ttrasferita l-likwidità bejn il-parteċipanti. Il-ħlasijiet tal-klijenti huma ddefiniti bħala messaġġi ta' ħlas fil-format MT100, jew f'format ekwivalenti ta' messaġġ nazzjonali (li juża l-format MT100 għal trażmissjoni internazzjonali). L-implimentazzjoni tas-17: 00 bħala cut-off time għal ħlasijiet domestiċi għandha tiġi deċiża minn kull BĊN f'kooperazzjoni mal-komunità bankarja tiegħu. Barra minn dan, il-BĊNi jkunu jistgħu jkomplu jipproċessaw ħlasijiet domestiċi tal-klijenti li kienu fi kju fis-17:00.


(1)  Il-cut-off time għal ħlasijiet internazzjonali tal-klijenti mibgħuta minn parteċipant f'sistema ta' l-RTGS ta' BĊN konness permezz ta' BĊN li jipprovdi servizz huwa 16:52:30.

(2)  Il-cut-off time għal ħlasijiet internazzjonali ta' bejn il-banek mibgħuta minn parteċipant f'sistema ta' l-RTGS ta' BĊN konness permezz ta' BĊN li jipprovdi servizz huwa 17:52:30.'


Fuq