EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32010D0024
2011/10/EU: Decision of the European Central Bank of 25 November 2010 on the interim distribution of the income of the European Central Bank on euro banknotes in circulation and arising from securities purchased under the securities markets programme (recast) (ECB/2010/24)
2011/10/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (riformulazzjoni) (BĊE/2010/24)
2011/10/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (riformulazzjoni) (BĊE/2010/24)
ĠU L 6, 11.1.2011, p. 35–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 004 P. 301 - 302
M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/12/2014; Imħassar b' 32014D0057(01)
11.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 6/35 |
DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-25 ta’ Novembru 2010
dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli
(tfassil mill-ġdid)
(BĊE/2010/24)
(2011/10/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’), u partikolarment l-Artikolu 33 tiegħu,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni BĊE/2005/11 tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar id-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti (1) teħtieġ li tiġi emendata b’mod sostanzjali sabiex tittieħed f’kunsiderazzjoni d-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jirriżulta minn titoli mixtrija b’mod konformi mad-Deċiżjoni BĊE/2010/5 tal-14 ta’ Mejju 2010 li tistabbilixxi programm tas-swieq tat-titoli (2). Għandha tiġi riformulata għall-finijiet ta’ ċarezza. |
(2) |
Id-Deċiżjoni BĊE/2010/29 tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus euro (3) tistabbilixxi l-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma mħallsa tagħhom fil-kapital tal-BĊE. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29 u l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni jallokaw lill-BĊE 8 % tal-valur totali ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Il-BĊE għandu klejms intra-Eurosistema kontra BĊNi b’mod proporzjonat mal-ishma tagħhom fl-iskema tal-kapital sottoskritt, għal valur ekwivalenti għall-valur tal-karti tal-flus tal-euro li joħroġ. |
(3) |
Taħt l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23 tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (4), il-bilanċi intra-Eurosistema fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jitħallsu bir-rata ta’ referenza. Taħt l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23, din ir-remunerazzjoni sisir permezz ta’ pagamenti b’TARGET2. |
(4) |
Il-Premessa 7 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23 tgħid illi d-dħul li jsir dovut lill-BĊE fuq ir-remunerazzjoni tal-klejms tiegħu intra-Eurosistema relatati mas-sehem tiegħu ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandu fil-prinċipju jiġi ddistribwit lill-BĊNi skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv, bi proporzjon mal-ishma tagħhom fl-iskema ta’ kapital sottoskritt fl-istess sena finanzjarja meta jsir dovut. |
(5) |
Bl-istess mod id-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (SMP) għandu fil-prinċipju jiġi ddistribwit lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma tagħhom fl-iskema ta’ kapital sottoskritt fl-istess sena finanzjarja meta jsir dovut. |
(6) |
Meta jiddistribwixxi d-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli SMP, il-BĊE għandu jieħu f’kunsiderazzjoni stima tar-riżultat finanzjarju tiegħu għas-sena li tagħmel konċessjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġu allokati fondi għal provvediment għar-rata tal-kambju barrani, rata ta’ imgħax, kreditu u riskji fil-prezz tad-deheb, u għad-disponibbiltà ta’ provvedimenti li jistgħu jiġu rilaxxati bi tpaċija għal spejjeż antiċipati. |
(7) |
Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-profitt nett tal-BĊE li għandu jiġi ttrasferit lejn il-fond ta’ riżerva ġenerali skont l-Artikolu 33.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Governattiv għandu jikkunsidra li kull parti ta’ dak il-profitt li tikkorrispondi għal dħul fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u dħul minn titoli SMP għandhom jitqassmu lill-BĊNi b’mod sħiħ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
(a) |
‘BĊN’ tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro; |
(b) |
‘bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni’ tfisser il-klejms u l-passiv li jirriżultaw bejn BĊN u l-BĊE u bejn BĊN u l-BĊNi l-oħra bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29; |
(c) |
‘Dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni’ tfisser id-dħul li jsir dovut lill-BĊE fuq ir-remunerazzjoni tat-talbiet tiegħu intra-Eurosistema kontra l-BĊNi relatati mas-sehem tiegħu ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni b’riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23; |
(d) |
‘Dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli SMP’ tfisser id-dħul nett li jirriżulta minn titoli mixtrija mill-BĊE taħt l-SMP skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/5. |
Artikolu 2
Distribuzzjoni interim tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli SMP
1. Id-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli SMP għandhom ikunu dovuti b’mod sħiħ lill-BĊNi fl-istess sena finanzjarja meta jsiru dovuti u għandhom jitqassmu lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma mħallsa tagħhom fil-kapital sottoskritt tal-BĊE.
2. Il-BĊE għandu jqassam lill-BĊNi d-dħul tiegħu fuq noti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni akkumulat kull sena finanzjarja fit-tieni jum ta’ xogħol tas-sena ta’ wara.
3. Il-BĊE għandu jqassam lill-BĊNi d-dħul tiegħu minn titoli SMP miksub f’kull sena finanzjarja fl-aħħar jum ta’ xogħol f’Jannar tas-sena ta’ wara.
4. L-ammont tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jista’ jiġi mnaqqas skont kull deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv fuq il-bażi tal-Istatut tas-SEBĊ fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba mill-BĊE b’rabta mal-ħruġ u l-ipproċessar ta’ karti tal-flus tal-euro.
Artikolu 3
Deroga mill-Artikolu 2
B’deroga mill-Artikolu 2:
1. |
Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja jekk id-dħul kollu tal-BĊE, jew parti minnu, li jirriżulta minn titoli SMP u, jekk meħtieġ, id-dħul kollu tal-BĊE, jew parti minnu, fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandux jinżamm sal-punt neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-ammont tad-dħul imqassam ma jaqbiżx il-profitt nett tal-BĊE għal dik is-sena. Kull deċiżjoni bħal din għandha tittieħed meta, fuq il-bażi ta’ stima mmotivata mħejjija mill-Bord Eżekuttiv, il-Kunsill Governattiv jistenna li l-BĊE ser ikollu telf ġenerali annwali jew ser jagħmel profitt nett annwali li jkun inqas mill-ammont stmat tad-dħul tiegħu fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u l-ammont stmat tad-dħul tiegħu li jirriżulta minn titoli SMP. |
2. |
Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja li jittrasferixxi d-dħul kollu tal-BĊE jew parti minnu li jirriżulta minn titoli SMP u, jekk meħtieġ, id-dħul kollu tal-BĊE jew parti minnu fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lejn provvediment għal rata tal-kambju, rata ta’ imgħax, kreditu u riskji fil-prezz tad-deheb. |
Artikolu 4
Revoka
Id-Deċiżjoni BĊE/2005/11 hija b’din irrevokata. Referenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2010.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Novembru 2010.
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(1) ĠU L 311, 26.11.2006, p. 41.
(2) ĠU L 124, 20.5.2009, p. 8.
(3) Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(4) Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.