EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52017HB0010

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ April 2017 dwar speċifikazzjonijiet komuni għall-mod kif għandhom jiġu eżerċitati ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti (BĊE/2017/10)

ĠU C 120, 13.4.2017, p. 2–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/2


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta’ April 2017

dwar speċifikazzjonijiet komuni għall-mod kif għandhom jiġu eżerċitati ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti

(BĊE/2017/10)

(2017/C 120/02)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) u 6(1) u 5(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Huwa jissorvelja l-funzjonament tas-sistema biex jiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ standards għoljin ta’ superviżjoni u l-konsistenza ta’ eżiti superviżorji fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti.

(2)

Il-BĊE għandu jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġewwa l-Istati Membri parteċipanti skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (2).

(3)

Bħala l-awtorità kompetenti biex tagħmel hekk bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma kklassifikati bħala sinifikanti, il-BĊE eżerċita numru ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet, li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2016/4) (3). Barra minn dan, fil-gwida tiegħu ta’ Novembru 2016 dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni (iktar ‘il quddiem il-“Gwida BĊE”), il-BĊE jistabbilixxi sett komuni ta’ speċifikazzjonijiet għall-mod kif għandhom jiġu eżerċitati każ b’każ ċerti opzjonijiet oħrajn wara l-valutazzjoni individwali ta’ applikazzjonijiet mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma kklassifikati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 kif ukoll skont il-Parti IV u l-Artikolu 147(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014.

(4)

Sabiex jitrawwem approċċ superviżorju komuni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) meta jivvalutaw il-mod individwali kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet, il-BĊE jista’ jadotta, bis-saħħa tal- Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, rakkomandazzjoni fuq l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu applikati fil-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet minn istituzzjonijiet inqas sinifikanti.

(5)

Hemm bżonn ta’ sett komuni ta’ speċifikazzjonijiet għall-eżerċitar individwali ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet, minn naħa, sabiex jiġu mħeġġa l-konsistenza, l-effettività u t-trasparenza fis-superviżjoni ta’ istituzzjoni inqas sinifikanti fl-MSU u, min-naħa l-oħra, sabiex jitrawwem, meta jkun meħtieġ, trattament ugwali ta’ istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti kif ukoll kundizzjonijiet indaqs għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Istati Membri li qed jipparteċipaw. Fl-istess ħin, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-aspettattivi leġittimi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sorveljati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

(6)

Għal dan il-għan il-BĊE identifika ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet fost dawk inklużi fil-Gwida BĊE li jkunu xierqa li jiġu eżerċitati b’mod identiku fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sinifikanti u istituzzjonijiet inqas sinifikanti. Il-BĊE identifika wkoll opzjonijiet oħrajn, fosthom żewġ opzjonijiet u diskrezzjonijiet ta’ natura ġenerali pprovduti fl-Artikolu 380 u l-Artikolu 420(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li huwa jirrakkommanda li għandhom jiġu eżerċitati permezz ta’ approċċ speċifiku fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti.

(7)

Fir-rigward tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet relatati mas-superviżjoni konsolidata u eżenzjonijiet ta’ rekwiżiti prudenzjali, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet li hemm fil-Kapitolu 1 tat-Taqsima II tal-Gwida BĊE, l-ANK għandhom jiġu mħeġġa jadottaw approċċ prudenti meta jagħtu dawk l- eżenzjonijiet fuq bażi individwali. Fir-rigward ta’ eżenzjonijiet ta’ likwidità fil-livell transkonfinali, il-BĊE jirrakkomanda approċċ speċifiku għall-istituzzjonijiet inqas sinifikanti peress li mhux l-ispeċifikazzjonijiet kollha għall-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet inklużi fil-Gwida BĊE huma rilevanti għal dawn l-istituzzjonijiet.

(8)

Għandu jkun hemm approċċ konsistenti u prudenti fi ħdan l-MSU dwar l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet relatati mal-fondi proprji u r-rekwiżiti kapitali, kif stabbiliti fil-Kapitoli 2 u 3 tat-Taqsima II tal-Gwida BĊE, peress li dawn id-deċiżjonijiet superviżorji għandhom impatt fuq l-ammont ta’ fondi proprji disponibbli u l-kwalità tagħhom. L-istess japplika għall-istrumenti Addizzjonali tal-Grad 1 u l-Grad 2 jew interessi minoritarji li jistgħu jkunu inklużi f’fondi proprji eliġibbli taħt ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali, l-approċċ standardizzat, l-approċċ ibbażat fuq il-klassifikazzjoni interna, il-metodu tal-mudell intern u l-approċċ tal-mudell intern għall-kalkolu ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji għandhom jiġu applikati b’mod konsistenti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fi ħdan l-MSU. Għal dan l-iskop ukoll, il-valutazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) biex titħalla l-applikazzjoni ta’ piż ta’ riskju ta’ perċentwal żero għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għal skoperturi intragrupp għandhom ikunu bbażati fuq sett komuni ta’ speċifikazzjonijiet. Madankollu, il-BĊE identifika ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet relatati mal-fondi proprji u rekwiżiti kapitali li għalihom huwa meħtieġ approċċ speċifiku fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti.

(9)

Għal opzjonijiet u diskrezzjonijiet dwar istituzzjonijiet li daħlu fi skema ta’ protezzjoni istituzzjonali, l-użu ta’ sett komuni ta’ speċifikazzjonijiet għall-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal eżenzjonijiet prudenzjali, kif speċifikat fil-Kapitolu 4 tat-Taqsima II tal-Gwida BĊE, huwa rrakkomandat sabiex tinkiseb konsistenza superviżorja, peress li skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali tipikament jinkludu istituzzjonijiet kemm sinifikanti kif ukoll inqas sinifikanti. Madankollu, fir-rigward ta’ investimenti f’istituzzjonijiet li jidħlu fl-iskemi ta’ protezzjoni istituzzjonali taħt l-Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa rrakkomandat approċċ speċifiku fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqsilhom il-piż amministrattiv.

(10)

Fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ skoperturi kbar, l-approċċ stabbilit fil-Kapitolu 5 tat-Taqsima II tal-Gwida BĊE fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sinifikanti għandhom jittieħdu wkoll f’relazzjoni mal-istituzzjonijiet inqas sinifikanti biex irawmu trattament prudenzjali ta’ skoperturi kbar għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-MSU sabiex ir-riskji ta’ konċentrazzjoni jiġu ġestiti b’mod adegwat u limitat.

(11)

Il-BĊE jirrakkomanda approċċ konsistenti u prudenti fir-rigward ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet relatati mar-rekwiżiti ta’ likwidità, kif stabbilit fil-Kapitolu 6 tat-Taqsima II tal-Gwida BĊE, billi dawn l-opzjonijiet u diskrezzjonijiet għandhom impatt fuq il-kalkolu tar-rekwiżiti tal-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità, pereżempju billi jiġi speċifikat t-trattament ta’ flussi ‘l ġewwa u ‘l barra speċifiċi. Fir-rigward tar-rati ta’ fluss ‘il barra bħall-prodotti relatati barra l-karta tal-bilanċ tal-finanzjament tal-kummerċ, l-ANK jistgħu japplikaw rata ta’ fluss ‘il barra taħt il-5 % jekk ir-rata ta’ fluss ‘il barra applikabbli tkun ġiet ikkalibrata fuq il-bażi ta’ evidenza statistika.

(12)

Fir-rigward tal-eżerċitar tal-eżenzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali speċifikat fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (5), l-approċċ stabbilit fil-Kapitolu 8 tat-Taqsima II tal-Gwida BĊE huwa rrakkomandat fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ugwali.

(13)

Fir-rigward tal-opzjonijiet u diskrezzjonijiet relatati mal-arranġamenti ta’ governanza u superviżjoni prudenzjali, approċċ prudenti u konsistenti, kif stabbilit fil-Kapitolu 11 tat-Taqsima II tal-Gwida BĊE, huwa rrakkomandat li jiġi promoss li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jkunu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ governanza xierqa. Madankollu, approċċ speċifiku fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti dwar il-kombinament ta’ kumitat ta’ riskju u kumitat ta’ verifika huwa kkunsidrat xieraq fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(14)

Barra minn hekk, din ir-Rakkomandazzjoni tkopri opzjonijiet u diskrezzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, billi trid tiġi żgurata kooperazzjoni bla xkiel fi ħdan l-MSU.

(15)

Fir-rigward tal-ftehim bilaterali dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri li ma jipparteċipawx skont l-Artikolu 115(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, huwa meħtieġ approċċ speċifiku fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti billi din l-opzjoni hija disponibbli għall-awtorità kompetenti li hija responsabbli għall-awtorizzazzjonijiet. Skont l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE huwa kompetenti esklussivament fl-MSU biex jawtorizza istituzzjoni ta’ kreditu u biex jirtira awtorizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, u għalhekk għandu jkun involut biex jistabbilixxi ftehim bilaterali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri li ma jipparteċipawx.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

L-EWWEL PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

I.

1.   Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji għall-eżerċitar mill-ANK ta’ ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti.

2.   Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li hemm fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-Direttiva 2013/36/UE, u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 (6).

IT-TIENI PARTI

OPTIONIJIET U DISKREZZJONIJIET LI GĦALIHOM HU RAKKOMANDAT APPROĊĊ SPEĊIFIKU GĦAL ISTITUZZJONIJIET INQAS SINIFIKANTI

II.

Eżenzjonijiet mir-rekwiżiti prudenzjali

1.   Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjonijiet ta’ likwidità fil-livell transkonfinali

Meta jeżaminaw applikazzjonijiet għall- eżenzjonijiet ta’ likwidità fil-livell transkonfinali, l-ANK għandhom jivvalutaw il-konformità mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 billi japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet ta’ valutazzjoni stipulati fit-Taqsima II, Kapitolu 1, paragrafu 4 tal-Gwida tal-BĊE bl-eċċezzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet għall-ittra (b) tal-Artikolu 8(3).

III.

Rekwiżiti ta’ kapital

1.   Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: skoperturi fil-forma ta’ bonds skoperti

Fir-rigward tal-iskoperturi fil-forma ta’ bonds skoperti, ANK għandha tikkoordina mal-BĊE dwar il-valutazzjoni tal-problemi ta’ konċentrazzjoni potenzjali sinifikanti fl-Istati Membri parteċipanti kkonċernati, qabel ma jiddeċiedu jekk jeżentawx parzjalment l-applikazzjoni tal-Artikolu 129(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u jippermettux il-grad 2 tal-Kwalità ta’ Kreditu sa 10 % tal-iskopertura totali tal-ammont nominali ta’ bonds koperti pendenti tal-istituzzjoni ta’ ħruġ.

2.   Artikolu 311(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: trattament ta’ skoperturi għal kontropartijiet ċentrali

2.1.

ANK għandha tippermetti lil istituzzjoni ta’ kreditu tapplika t-trattament stabbilit fl-Artikolu 310 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-iskoperturi tan-negozju tagħha u kontribuzzjonijiet ta’ fond tal-inadempjenza lil kontroparti ċentrali fejn dik il-kontroparti ċentrali tkun innotifikat lill-istituzzjoni ta’ kreditu li ma baqgħetx tikkalkula l-KCCP (kapital ipotetiku) kif ipprovdut fl-Artikolu 311(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.2.

Għall-finijiet tal-paragrafu 2.1 meta tiġi vvalutata l-validità tar-raġunijiet għaliex il-kontroparti ċentrali waqfet tikkalkula l-KCCP (kapital ipotetiku), l-ANK għandhom japplikaw il-konklużjonijiet li wasal għalihom il-BĊE fir-rigward tal-istess kontroparti ċentrali fil-verifika tagħha tar-raġunijiet.

3.   Artikolu 380 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjoni fil-każ ta’ ħsara fis-sistema

3.1.

Meta sseħħ ħsara fis-sistema kollha skont it-tifsira tal-Artikolu 380 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif ikkonfermat minn dikjarazzjoni pubblika tal-BĊE, u sakemm il-BĊE joħroġ stqarrija pubblika li s-sitwazzjoni msemmija hemmhekk ġiet irrettifikata, il-BĊE għandu jivvaluta dik il-ħsara u l-ANK għandhom japplikaw il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-BĊE u jużaw l-opzjoni maħsuba fl-Artikolu 380 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. F’dak il-każ:

(a)

l-istituzzjonijiet ta’ kreditu m’għandhomx ikunu meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar il-fondi proprji preskritti fl-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(b)

in-nuqqas ta’ kontroparti li tissalda tranżazzjoni ma għandux jitqies bħala inadempjenza għall-finijiet tar-riskju tal-kreditu.

3.2.

Jekk l-ANK jkollha l-ħsieb li toħroġ stqarrija pubblika li tikkonferma l-avveniment ta’ ħsara mas-sistema kollha fit-tifsira tal-Artikolu 380 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandha tikkoordina dan mal-BĊE qabel ma tippubblika dikjarazzjoni bħal dik.

IV.

Skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali

1.   Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: tnaqqis ta’ investimenti f’istituzzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskemi ta’ protezzjoni istituzzjonali

1.1.

Fejn isiru applikazzjonijiet għall-permess biex ma jitnaqqsux investimenti minn strumenti ta’ fondi proprji, l-ANK għandhom jużaw l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima II, Kapitolu 4, paragrafu 4 tal-Gwida BĊE għall-valutazzjoni jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġux issodisfatti.

1.2.

ANK tista’ tippermetti li skema ta’ protezzjoni istituzzjonali tissottometti applikazzjoni għall-permess skont l-Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f’isem l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti kollha li huma membri tal-iskema. F’dak il-każ, l-ANK tista’ toħroġ deċiżjoni li tagħti l-permess skont l-Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li japplika għall-istituzzjonijiet inqas sinifikanti kollha elenkati fl-applikazzjoni.

V.

Likwidità

1.   Artikolu 420(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: flussi ‘l barra ta’ likwidità

1.1.

B’mod konsistenti mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/445, l-ANK għandhom jiddeterminaw rata ta’ fluss ‘il barra ta’ 5 % għal partiti barra mill-karta tal-bilanċ tal-finanzjament tan-negozju, kif imsemmi fl-Artikolu 429 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Anness I tiegħu, biex tintuża mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-valutazzjoni tal-flussi ‘l barra tal-likwidità. ANK għandha tirrikjedi minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li jirrapportawlha l-flussi ‘l barra korrispondenti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (7).

1.2.

B’deroga mill-paragrafu 1.1, ANK tista’ tiddetermina r-rata ta’ fluss ‘il barra ta’ inqas minn 5 % fuq il-bażi ta’ evidenza statistika għall-istituzzjonijiet inqas sinifikanti stabbiliti fl-Istat Membri kkonċernati.

VI.

Superviżjoni prudenzjali

1.   Artikolu 76(3) tad-Direttiva 2013/36/UE: kombinament tal-kumitat ta’ riskju u l-kumitat ta’ verifika

1.1.

Fir-rigward tal-istituzzjonijiet inqas sinifikanti (inklużi istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma sussidjarji tal-grupp) li ma humiex ikkunsidrati sinifikanti fit-tifsira tal-Artikolu 76(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-ANK għandhom jeżerċitaw l-opzjoni li jippermettu l-kombinament tal-kumitati ta’ riskju u ta’ verifika.

1.2.

ANK għandhom jagħmlu valutazzjoni tas-sinifikat fit-tifsira tal-Artikolu 76(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, f’termini ta’ daqs, organizzazzjoni interna u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu, skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ valutazzjoni stabbiliti fit-Taqsima II, Kapitolu 11, paragrafu 3 tal-Gwida BĊE.

1.3.

Jekk il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2013/36/UE diġà tipprovdi għal kriterji li ma jkunux l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima II, Kapitolu 11, paragrafu 3 tal-Gwida BĊE, l-ANK għandhom japplikaw il-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali.

2.   Artikolu 115(2) tad-Direttiva 2013/36/UE: ftehim bilaterali dwar is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri mhux parteċipanti

2.1.

Minħabba l-kompetenza tal-BĊE għall-awtorizzazzjoni inizjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-MSU u l-kompetenza tal-ANK għas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjoni inqas sinifikanti, l-ANK għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bl-intenzjoni tagħhom li jiddelegaw ir-responsabbiltà tagħhom għas-superviżjoni diretta ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti lill-awtorità kompetenti li awtorizzat u tissorvelja l-impriża omm tal-istituzzjoni inqas sinifikanti, jew tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu sussidjarja awtorizzata fi Stat Membru ieħor. Il-BĊE bħala awtorità kompetenti responsabbli biex jawtorizza istituzzjonijiet ta’ kreditu se jikkoopera, flimkien mal-ANK rilevanti fit-twaqqif ta’ ftehim bilaterali għad-delega jew assunzjoni ta’ responsabbiltajiet superviżorji f’isem l-ANK responsabbli għas-superviżjoni kontinwa tal-omm jew sussidjarja fl-Istati Membri parteċipanti.

2.2.

Il-paragrafu 2.1 japplika fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta ANK tkun qed tikkunsidra li tiddelega r-responsabbiltà tagħha għas-superviżjoni diretta ta’ istituzzjoni inqas sinifikanti lin-ANK li awtorizzat u tissorvelja l-impriża omm; u

(b)

l-ANK tkun trid jew intalbet, fil-kapaċità tagħha bħala superviżur dirett ta’ impriża omm li hija istituzzjoni ta’ kreditu, li tassumi responsabbiltà għas-superviżjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu sussidjarja awtorizzata fi Stat Membru ieħor.

PARTI TLIETA

OPZJONIJIET U DISKREZZJONIJIET EŻERĊITATI FUQ IL-BAŻI TA’ KAŻ B’KAŻ LI GĦALIHA GĦANDU JITTIEĦED APPROĊĊ KOMUNI FIR-RIGWARD TAL-ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU KOLLHA

VII.

L-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati fuq bażi ta’ każ b’każ li għalihom għandu jittieħed approċċ komuni fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti jidhru fl-Anness. L-ANK għandhom jeżerċitaw dawn l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet fir-rigward ta’ istituzzjoni inqas sinifikanti skont it-tabell ta’ referenza li tidher fl-Anness.

PARTI ERBGĦA

DISPOŻIZZJONI FINALI

VIII.

Dispożizzjoni finali

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-BCNi tal-Istati Membri partecipanti.

Magħmul fi Frankfurt am Main, ir-4 ta’ April 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2016 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni (BĊE/2016/4) (ĠU L 78, 24.3.2016, p. 60).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta’ istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1.).


ANNESS

Bażi legali tal-opzjoni u/jew diskrezzjoni

Approċċ irrakkomandat: konsistenza mal-politika fuq l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet għal istituzzjonijiet sinifikanti

Superviżjoni konsolidata u eżenzjonijiet ta’ rekwiżiti prudenzjali

Artikolu 7(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjonijiet kapitali

Taqsima II, Kapitolu 1 paragrafu 3 tal-Gwida BĊE

Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjonijiet ta’ likwidità

Taqsima II, Kapitolu 1 paragrafu 4 tal-Gwida BĊE

Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: metodu ta’ konsolidazzjoni individwali

Taqsima II, Kapitolu 1 paragrafu 5 tal-Gwida BĊE

Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjonijiet għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali.

Taqsima II, Kapitolu 1 paragrafu 6 tal-Gwida BĊE

Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: valutazzjoni tal-assi u partiti mhux fil-karta tal- bilanċ - użu ta’ Standards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju għal finijiet prudenzjali

Taqsima II, Kapitolu 1 paragrafu 8 tal-Gwida BĊE

Fondi proprji

Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: tnaqqis fl-investimenti tal-assigurazzjoni

Taqsima II, Kapitolu 2 paragrafu 4 tal-Gwida BĊE

Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: tnaqqis fl-investimenti tal-entitajiet tas-settur finanzjarju

Taqsima II, Kapitolu 2 paragrafu 5 tal-Gwida BĊE

Artikolu 78(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: tnaqqis tal-fondi proprji – rekwiżit tal-marġni tal-kapital eċċessiv

Taqsima II, Kapitolu 2 paragrafu 6 tal-Gwida BĊE

Artikolu 78(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: tnaqqis tal-fondi proprji – mutwali, tifdil u kooperattivi

Taqsima II, Kapitolu 2 paragrafu 7 tal-Gwida BĊE

Artikolu 83(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjoni għal Strumenti addizzjonali tal-Grad 1 u l-Grad 2 maħruġa minn entità ta’ għan speċjali

Taqsima II, Kapitolu 2 paragrafu 9 tal-Gwida BĊE

Artikolu 84(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: interessi minoritarji inklużi fil-kapital kkonsolidat tal Ekwità Komuni tal-Grad 1

Taqsima II, Kapitolu 2 paragrafu 10 tal-Gwida BĊE

Rekwiżiti ta’ kapital

Artikolu 113(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: kalkolu ta’ ammonti ta’ skopertura ta’ riskju peżat – skoperturi intragrupp

Taqsima II, Kapitolu 3 paragrafu 3 tal-Gwida BĊE

Artikolu 162(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: maturità tal-iskoperturi

Taqsima II, Kapitolu 3 paragrafu 5 tal-Gwida BĊE

Artikolu 225(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: stima proprja tal-aġġustamenti tal-volatilità

Taqsima II, Kapitolu 3 paragrafu 7 tal-Gwida BĊE

Artikolu 243(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 244(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: trasferiment tar-riskju sinifikanti

Taqsima II, Kapitolu 3 paragrafu 8 tal-Gwida BĊE

Artikolu 283(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: implimentazzjoni tal-Metodu tal-Mudell Intern

Taqsima II, Kapitolu 3 paragrafu 9 tal-Gwida BĊE

Artikolu 284(4) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: kalkolu tal-valur ta’ skopertura għar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti

Taqsima II, Kapitolu 3 paragrafu 10 tal-Gwida BĊE

Artikolu 311(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: riskju tas-suq (skoperturi għal kontropartijiet ċentrali)

Taqsima II, Kapitolu 3 paragrafu 11 tal-Gwida BĊE

Artikolu 366(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: kalkolu tan-numru tal-valur fis-risku

Taqsima II, Kapitolu 3 paragrafu 12 tal-Gwida BĊE

Skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali

Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjonijiet ta’ likwidità għal membri ta’ skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali

Taqsima II, Kapitolu 4 paragrafu 3 tal-Gwida BĊE

Skoperturi kbar

Artikolu 396(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: konformità ma rekwiżiti ta’ skoperturi kbar

Taqsima II, Kapitolu 5 paragrafu 3 tal-Gwida BĊE

Likwidità

Artikolu 422(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 29 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61: flussi ‘l barra ta’ likwidità intragrupp

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 11 tal-Gwida BĊE

Artikolu 425(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61: flussi ‘l ġewwa ta’ likwidità intragrupp

Taqsima II, Kapitolu 6, paragrafu 15 tal-Gwida BĊE

Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61: diversifikazzjoni ta’ investimenti ta’ assi liquidi

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 5 tal-Gwida BĊE

Artikolu 8(3)(c) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61: ġestjoni ta’ assi likwidi

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 6 tal-Gwida BĊE

Artikolu 8(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61: diskrepanzi fil-muniti

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 4 tal-Gwida BĊE

Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2015/61: telf impost fuq bonds koperti ta’ kwalità estremament għolja

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 7 tal-Gwida BĊE

Artikolu 24(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61; multiplikatur għal depożiti bl-imnut koperti minn skema ta’ garanzija tad-depożiti

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 8 tal-Gwida BĊE

Artikolu 25(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61: rati ogħla ta’ fluss ‘il barra

Taqsima II, Kapitolu 6, paragrafu 9 tal-Gwida BĊE

Artikolu 26 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61: flussi ‘l barra ma’ flussi ‘l ġewwa interdipendenti

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 10 tal-Gwida BĊE

Artikolu 30(2) of Regolament Delegat (UE) 2015/61: flussi ‘l barra kollaterali addizzjonali minn attivaturi ta’ downgrade

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 12 tal-Gwida BĊE

Artikolu 33(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61: limitu fuq flussi ‘l ġewwa

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 13 tal-Gwida BĊE

Artikolu 33(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) 2015/61: istituzzjonijiet ta’ kreditu speċjalizzati

Taqsima II, Kapitolu 6 paragrafu 14 tal-Gwida BĊE

Lieva finanzjarja

Artikolu 429(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: esklużjoni ta’ skoperturi intragrupp mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva

Taqsima II, Kapitolu 7 paragrafu 3 tal-Gwida BĊE

Rekwiżiti ġenerali għall-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu

Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2013/36/UE: eżenzjoni għal istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali

Taqsima II, Kapitolu 9 paragrafu 1 tal-Gwida BĊE

Arranġamenti ta’ governanza u superviżjoni prudenzjali

Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2013/36/UE: kombinament ta’ funzjonijiet ta’ president u CEO

Taqsima II, Kapitolu 11 paragrafu 4 tal-Gwida BĊE

Artikolu 91(6) tad-Direttiva 2013/36/UE: direttorat addizzjonali mhux eżekuttiv

Taqsima II, Kapitolu 11 paragrafu 5 tal-Gwida BĊE

Artikolu 108(1) tad-Direttiva 2013/36/UE: proċess ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali

Taqsima II, Kapitolu 11 paragrafu 7 tal-Gwida BĊE

Artikolu 111(5) tad-Direttiva 2013/36/UE: superviżjoni ta’ kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta b’parti mill-grupp fi Stati Membri mhux parteċipanti

Taqsima II, Kapitolu 11 paragrafu 8 tal-Gwida BĊE

Ara l-Artikoli 117 u 118 tad-Direttiva 2013/36/UE: obbligazzjonijiet ta’ kooperazzjoni

Taqsima II, Kapitolu 11 paragrafu 10 tal-Gwida BĊE

L-Artikolu 142 tad-Direttiva 2013/36/UE: pjanijiet ta’ konservazzjoni kapitali

Taqsima II, Kapitolu 11 paragrafu 13 tal-Gwida BĊE


Fuq