EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017D0041

Deċiżjoni (UE) 2017/2444 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħrug ta' muniti tal-euro (BĊE/2017/41)

ĠU L 344, 23.12.2017, p. 63–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2444/oj

23.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/63


DEĊIŻJONI (UE) 2017/2444 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta' Diċembru 2017

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħrug ta' muniti tal-euro (BĊE/2017/41)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/43) (1) tistabbilixxi regoli dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħrug ta' muniti.

(2)

Il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet dwar talbiet ta' approvazzjoni annwali u ad hoc għall-volum ta' ħruġ ta' muniti sottomessi mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandha tiġi ddelegata lill-Bord Eżekuttiv meta ma tkun meħtieġa l-ebda modifika tal-volum mitlub ta' ħruġ ta' muniti.

(3)

Fejn il-Bord Eżekuttiv jikkunsidra li l-volum ta' ħruġ ta' muniti mitlub minn Stat Membru wieħed jew aktar li l-munita tiegħu hija l-euro jeħtieġ li jiġi mmodifikat, għandu jissottometti proposta mmotivata li tispjega l-modifiki meħtieġa lill-Kunsill Governattiv, u l-Kunsill Governattiv għandu jibqa' kompetenti għall-adozzjoni ta' deċiżjoni.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 (BĊE/2015/43) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 (BĊE/2015/43) hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej,

(a)

il-paragrafu 9 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“9.   Fejn il-Bord Eżekuttiv jiddetermina li t-talbiet ta' approvazzjoni annwali ma jeħtiġux modifika tal-volum annwali ta' ħruġ ta' muniti mitlub minn kull Stat Membru taż-żona tal-euro, il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-volum annwali ta' ħruġ ta' muniti għaż-żona tal-euro qabel it-tmiem tas-sena kalendarja ta' qabel is-sena li għaliha jsiru t-talbiet għall-approvazzjoni.”; u

(b)

il-paragrafu 10 li ġej huwa miżjud:

“10.   Fejn il-Bord Eżekuttiv jiddetermina li l-volum ta' ħruġ ta' muniti mitlub minn wieħed jew aktar mill-Istati Membri taż-żona tal-euro rikjedenti jeħtieġ modifika, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, għandu jissottometti proposta mmotivata li tispjega l-modifiki meħtieġa lill-Kunsill Governattiv. F'każijiet bħal dawn, il-Kunsill Governattiv għandu jadotta d-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-volum annwali ta' ħruġ ta' muniti għaż-żona tal-euro mingħajr dewmien.”;

2.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej,

(a)

il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“7.   Fejn il-Bord Eżekuttiv jiddetermina li l-volum addizzjonali ta' ħruġ ta' muniti mitlub minn Stat Membru taż-żona tal-euro skont il-paragrafu 5 ma jeħtieġx modifika, il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta deċiżjoni individwali dwar it-talba ad hoc għall-approvazzjoni mingħajr dewmien.”; u

(b)

il-paragrafu 8 li ġej huwa miżjud:

“8.   Fejn il-Bord Eżekuttiv jiddetermina li l-volum addizzjonali ta' ħruġ ta' muniti mitlub minn wieħed jew aktar mill-Istati Membri taż-żona tal-euro rikjedenti jeħtieġ modifika, għandu jissottometti proposta mmotivata li tispjega l-modifiki meħtieġa lill-Kunsill Governattiv. F'dawn il-każijiet il-Kunsill Governattiv għandu jadotta deċiżjoni individwali dwar it-talba ad hoc għall-approvazzjoni mingħajr dewmien.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lid-destinatarji.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-8 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2015 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħrug ta' muniti tal-euro (BĊE/2015/43) (ĠU L 328, 12.12.2015, p. 123).


Fuq