EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32016D0041(01)
Decision (EU) 2017/934 of the European Central Bank of 16 November 2016 on the delegation of decisions on the significance of supervised entities (ECB/2016/41)
Deċiżjoni (UE) 2017/934 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta' entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2016/41)
Deċiżjoni (UE) 2017/934 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta' entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2016/41)
ĠU L 141, 1.6.2017, p. 18–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 26/09/2021
1.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 141/18 |
DEĊIŻJONI (UE) 2017/934 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-16 ta' Novembru 2016
dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta' entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2016/41)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistabbilixxi l-kriterji għal istituzzjoni ta' kreditu, kumpannija holding finanzjarja jew kumpannija holding finanzjarja mħallta biex tiġi kklassifikata bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni. Il-kriterji biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza huma speċifikati f'aktar dettall fil-Parti IV tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3). |
(2) |
Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), entità taħt superviżjoni titqies bħala sinifikanti jekk il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiddetermina dan f'deċiżjoni indirizzata lill-entità taħt superviżjoni relevanti. Skont l-Artikolu 40 ta' dak ir-Regolament, jekk entità jew entitajiet taħt superviżjoni jkunu parti minn grupp taħt superviżjoni, il-kriterji biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza jiġu ddeterminati fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan Stati Membri parteċipanti u kull entità taħt superviżjoni titqies bħala sinifikanti skont dawk il-kriterji. |
(3) |
Skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), il-BĊE jista' jirrevedi, f'kull ħin wara li jirċievi informazzjoni relevanti, jekk il-kriterji għas-sinifikanza humiex sodisfatti. |
(4) |
Deċiżjonijiet ġodda dwar is-sinifikanza għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. L-adozzjoni ta' emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u tal-Parti III, Titolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). |
(5) |
Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li ma tibqax tikklassifika entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni bħala sinifikanti m'għandhiex tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta tkun ibbażata fuq l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). |
(6) |
Kull sena, il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti għall-entitajiet sinifikanti kollha taħt supervijoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, huwa meħtieġ li jadotta għadd sostanzjali ta' deċiżjonijiet li jemendaw deċiżjonijiet eżistenti dwar is-sinifikanza. Sabiex il-korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jiffunzjonaw, deċiżjoni ta' delega hija meħtieġa b'rabta mal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jemendaw deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) irrikonoxxiet li d-delega ta' awtorità hija meħtieġa biex tippermetti lil istituzzjoni li tkun meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet biex twettaq dmirijietha. B'mod simili, il-QĠUE rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiżgura li korpi li jieħdu deċiżjonijiet ikunu kapaċi jiffunzjonaw bħala prinċipju inerenti fis-sistemi istituzzjonali kollha (4). Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'rabta mal-adozzjoni ta' emenda ta' deċiżjoni dwar is-sinifikanza, hija meħtieġa deċiżjoni ta' delega. |
(7) |
Id-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandha tkun limitata, proporzjonata u bbażata fuq kriterji speċifikati. Waqt li deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta' grupp taħt superviżjoni jinkludu lista tal-entitajiet li huma inklużi fi ħdan l-ambitu tal-grupp sinifikanti taħt superviżjoni, dawk il-kriterji speċifikati għandhom jirreferu għal emenda għall-kompożizzjoni ta' grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew bidla fl-isem ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni li għandha tkun iġġustifikata u tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. |
(8) |
Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) tiċċara l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviorji speċifiċi u l-persuni li lilhom jistgħu jiġu ddelegati setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Dik id-Deċiżjoni ma taffettwax l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord Superviżorju li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet kompluti lill-Kunsill Governattiv. |
(9) |
Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ddelegata, kif stipulat f'din id-Deċiżjoni, ma jiġux sodisfatti, l-emendi għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni stipulata fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13 g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (5). Id-Deċiżjoni m'għandhiex taffettwa t-twettiq tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord Superviżorju biex jipproponi abbozz ta' deċiżjonijiet kompluti lill-Kunsill Governattiv. |
(10) |
Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jistgħu jkunu soġġetti għal rieżami amministrattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif speċifikat ulterjorment fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (6). Fil-każ ta' tali rieżami amministrattiv, il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni u jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Governattiv għal adozzjoni taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“emenda għal deċiżjoni dwar sinifikanza” tfisser deċiżjoni adottata skont rieżami tas-sinifikanza skont l-Artikoli 43(3) jew 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), li temenda jew tħassar deċiżjoni tal-BĊE li tkun ikklassifikat entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni bħala sinifikanti għall-finijiet tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
(2) |
“Stat Membru parteċipanti” għandu jkollu l-istess tifsira mogħtija fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
(3) |
“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
(4) |
“entità taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
(5) |
“grupp taħt superviżjoni” tfisser grupp taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (21) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
(6) |
“grupp sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
(7) |
“deċiżjoni ddelegata” tfisser deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta' delegazzjoni tas-setgħat mill-Kunsill Governattiv skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40); |
(8) |
“kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma” tfisser il-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma tal-BĊE li lilhom tiġi ddelegata s-setgħa li jadottaw emendi għal deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza. |
Artikolu 2
Delegazzjoni ta' emendi għal deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza
1. Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv bil-preżenti jiddelega l-adozzjoni ta' emendi għal deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza lill-kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma nnominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni.
2. Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza għandha tiġi adottata biss permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati, kif stipulat fl-Artikolu 3, jiġu sodisfatti.
Artikolu 3
Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati
1. Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li tikklassifika entità taħt superviżjoni bħala sinifikanti fi ħdan grupp sinifikanti taħt superviżjoni għandha tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata fejn il-kriterji biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan Stati Membri parteċipanti skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Parti IV tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) ikomplu jkunu sodisfatti għall-grupp sinifikanti taħt superviżjoni.
2. Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li ma tibqax tikklassifika entità taħt superviżjoni bħala sinifikanti fi ħdan grupp sinifikanti taħt superviżjoni għandha tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta l-kriterji biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan Stati Membri parteċipanti skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Parti IV tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) ikomplu jkunu sodisfatti għall-grupp sinifikanti taħt superviżjoni, għalkemm l-entità taħt superviżjoni tkun waqfet tkun parti minn dak il-grupp.
3. Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li ma tibqax tikklassifika bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni għandha tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata biss meta l-kriterji biex tiġi ddeterminata ssinifikanza fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan Stati Membri parteċipanti skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Parti IV tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) ma jkunux għadhom sodisfatti.
4. Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza li tbiddel l-isem ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni għandha tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta ebda informazzjoni addizzjonali relevanti għall-klassifikazzjoni tal-entità taħt superviżjoni ma tkun ġiet ikkomunikata lill-BĊE.
5. Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza m'għandhiex tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta l-entità taħt superviżjoni relevanti jew il-grupp taħt superviżjoni jkunu ġew ikklassifikati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).
6. Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza m'għandhiex tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-BĊE jirċievi sottomissjoni bil-miktub li tisfida l-klassifikazzjoni ta' entità taħt superviżjoni bħala sinifikanti jew inqas sinifikanti.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta' Novembru 2016.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) Ara l-paġna 14 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17).(ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).
(4) Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Settembru 1986, AKZO Chemie BV u AKZO Chemie UK Ltd vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, punt 37, u tas-26 ta' Mejju 2005, Carmine Salvatore Tralli vs Il-BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, punt 59.
(5) Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).
(6) Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).