EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017D0006

Deċiżjoni (UE) 2017/274 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Frar 2017 li tistabbilixxi prinċipji biex jingħata feedback dwar il-prestazzjoni lil subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/3 (BĊE/2017/6)

ĠU L 40, 17.2.2017, p. 72–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 16/06/2019; Imħassar b' 32019D0014(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/274/oj

17.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/72


DEĊIŻJONI (UE) 2017/274 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta' Frar 2017

li tistabbilixxi prinċipji biex jingħata feedback dwar il-prestazzjoni lil subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/3 (BĊE/2017/6)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) u (7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistipula li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSE). Il-premessa 79 ta' dak ir-Regolament tgħid li persunal immotivat ħafna, imħarreġ sew u imparzjali huwa indispensabbli għal superviżjoni effettiva.

(2)

Skont l-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (2), il-BĊE huwa inkarigat mill-istabbiliment u l-kompożizzjoni ta' timijiet superviżorji konġunti li huma komposti minn membri tal-persunal mill-BĊE u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Koordinatur ta' tim superviżorju konġunt (TSK), assistit minn subkoordinatur wieħed jew iżjed tal-awtorità nazzjonali kompetenti (ANK), jiżgura l-koordinazzjoni tal-ħidma fi ħdan it-TSK.

(3)

Fid-dawl tar-rwol importanti tas-subkoordinaturi tal-ANK fil-koordinazzjoni tal-membri tat-TSK mill-ANK tagħhom, huwa neċessarju u proporzjonat li jiddaħħal proċess uniformi għall-għoti ta' feedback dwar il-prestazzjoni fir-rigward ta' subkoordinaturi tal-ANK fi ħdan it-TSK. Billi jassisti bit-titjib kontinwu tal-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-ANK, dan il-feedback dwar il-prestazzjoni jista' jgħin biex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tat-TSK.

(4)

L-ANK huma weħidhom responsabbli għall-evalwazzjoni tal-persunal tagħhom, u l-BĊE huwa responsabbli biss għall-evalwazzjoni tal-persunal tiegħu. Madankollu, l-ANK jistgħu jużaw il-feedback dwar il-prestazzjoni mogħti skont din id-Deċiżjoni fil-ġestjoni tal-membri tal-persunal tagħhom, u dan jista' jservi bħala input fis-sistemi ta' evalwazzjoni interni tal-ANK, jekk dan ikun permess taħt il-liġi nazzjonali relevanti.

(5)

Feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi kien inizjalment ingħata matul perijodu ta' prova skont il-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/3 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/36) (3). Billi l-perijodu ta' prova ntemm, dik id-Deċiżjoni għandha titħassar fl-interessi taċ-ċertezza legali.

(6)

L-esperjenza miksuba matul il-perijodu ta' prova indikat li mekkaniżmu għal subkoordinaturi ANK jista' jkun utli sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tat-TSK. Madankollu hemm bżonn ta' valutazzjoni ulterjuri. Il-mekkaniżmu tal-feedback dwar il-prestazzjoni għandu għalhekk jitkompla għal perijodu ta' prova ulterjuri ta' sena. Għandha ssir reviżjoni sussegwenti għall-valutazzjoni jekk ikunx utli għall-mekkaniżmu ta' feedback dwar il-prestazzjoni li jkompli fuq bażi iktar permanenti.

(7)

Ir-riżultanzi tar-reviżjoni għandhom jiġu rrapportati lill-Bord Superviżorju. Fid-dawl tar-reviżjoni, għandha ssir proposta lill-Kunsill Governattiv dwar jekk għandux jitkompla jew le l-mekkaniżmu tal-feedback dwar il-prestazzjoni.

(8)

Ġie kkonsultat is-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni fis-7 ta' April 2015 li rrikonoxxiet li l-feedback dwar il-prestazzjoni huwa meħtieġ għall-ġestjoni tat-TSK, u filwaqt li approva l-mekkaniżmu tal-feedback dwar il-prestazzjoni ta parir li l-operazzjoni preċiża tiegħu tiġi ddefinita fi strument legali xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

Artikolu 2

Feedback dwar il-prestazzjoni

1.   Il-koordinaturi tat-TSK għandhom jipprovdu feedback dwar il-prestazzjoni lis-subkoordinaturi tal-AKN dwar il-prestazzjoni tagħhom u tat-tim tagħhom biex iwettqu l-kompiti u l-objettivi tagħhom fit-TSK, skont il-prinċipji li hemm fl-Anness I, u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi previsti fl-Anness II.

2.   Koordinaturi tat-TSK għandhom, wara konsultazzjoni mas-subkoordinatur tal-AKN, jiffissaw il-kompiti u l-objettivi ewlenin tas-subkoordinatur tal-AKN.

3.   Il-koordinaturi tat-TSK għandhom jipprovdu feedback dwar il-prestazzjoni fir-rigward taċ-ċiklu tal-feedback li jibda fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u jintemm 12-il xahar wara.

Artikolu 3

Reviżjoni

Wara li jintemm iċ-ċiklu ta' feedback dwar il-prestazzjoni, il-BĊE f'kollaborazzjoni mal-AKN, għandu jirrevedi l-operazzjoni tal-mekkaniżmu tal-feedback dwar il-prestazzjoni u jirrapporta r-riżultanzi tiegħu lill-Bord Superviżorju. Ir-rapport għandu jinkludi proposta dwar jekk il-mekkaniżmu tal-feedback dwar il-prestazzjoni għandux ikompli.

Artikolu 4

Revoka

Id-Deċizjoni (UE) 2016/3 (BĊE/2015/36) hija bil-prezenti rrevokata.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta' Frar 2017.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/3 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji għall-għoti ta' feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-timijiet superviżorji konġunti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/36) (ĠU L 1, 5.1.2016, p. 4).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 26, p. 102).


ANNESS I

Prinċipji għall-għoti ta' feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f'timijiet superviżorji konġunti tal-mekkaniżmu superviżorju uniku

Prinċipju 1

Ambitu tal-feedback dwar il-prestazzjoni

Is-subkoordinaturi tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (ANK) fit-tim superviżorju konġunt (TSK) tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għandhom ikunu soġġetti għal feedback dwar il-prestazzjoni, sakemm jaħdmu f'TSK fuq il-bażi ta' mill-inqas 25 % ta' pożizzjoni ekwivalenti għal full-time kif iddefinit fil-qafas tal-impjieg tal-ANK relevanti.

Prinċipju 2

Skop tal-feedback dwar il-prestazzjoni

Sabiex jiġi appoġġat u mtejjeb il-funzjonament tal-MSU bħala ħaġa sħiħa, il-feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU għandu jivvaluta l-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-ANK meta jwettqu l-kompiti tagħhom, bil-għan li jiġi żviluppat ulterjorment il-mod kif huma jifhmu l-objettivi u l-kompetenzi tal-MSU bħala subkoordinaturi tal-ANK, sabiex b'hekk ikun hemm kontribut għat-titjib tal-prestazzjoni u l-integrazzjoni tat-TSK.

Prinċipju 3

Proċess tal-feedback dwar il-prestazzjoni

1.

Fil-bidu taċ-ċiklu tal-feedback dwar il-prestazzjoni, il-koordinatur tat-TSK, wara konsultazzjoni mas-subkoordinatur tal-ANK, jistabbilixxi l-kompiti u l-objettivi ewlenin għal kull subkoordinatur tal-ANK li huwa suġġett għall-feedback dwar il-prestazzjoni skont il-Prinċipju1. Dawn il-kompiti u l-objettivi ewlenin jiġu rreġistrati fil-formola ta' feedback tal-MSU.

2.

Il-koordinatur tat-TSK għandu jipprovdi lil kull subkoordinatur tal-AKN bi gwida u feedback dwar il-prestazzjoni informali matul iċ-ċiklu tal-feedback dwar il-prestazzjoni. Meta jitlesta ċ-ċiklu tal-feedback, il-koordinatur tat-TSK għandu jipprovdi lil kull subkoordinatur tal-ANK b'feedback dwar il-prestazzjoni ta' tmiem iċ-ċiklu, kemm verbalment kif ukoll bil-miktub fil-formola ta' feedback dwar il-prestazzjoni tal-MSU. Qabel ma tiġi ffinalizzata l-formula tal-feedback, is-sukoordinatur jingħata l-opportunità biex jirreġistra formalment il-fehmiet u l-kummenti tiegħu fuq il-feedback dwar il-prestazzjoni pprovduta.

3.

Il-feedback dwar il-prestazzjoni informali u ta' tmiem iċ-ċiklu jqisu l-kompiti u l-objettivi ewlenin tas-subkoordinaturi tal-AKN, il-kompetenzi tal-MSU stabbiliti fl-Anness II u l-kontribut tat-tim tagħhom għall-funzjonament ġenerali tat-TSK.

Prinċipju 4

Aċċess għall-feedback dwar il-prestazzjoni

1.

Wara talba mill-ANK relevanti, il-feedback dwar il-prestazzjoni tal-aħħar taċ-ċiklu jsir aċċessibbli għal, u jista' jintuża minn, l-ANK rilevanti għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-ġestjoni tal-persunal tagħha, jekk dan hu permess mil-liġi nazzjonali.

2.

L-ANK jistgħu jagħżlu li jużaw il-feedback dwar il-prestazzjoni bħala input addizzjonali għas-sistemi interni tagħhom ta' valutazzjoni, jekk dan ikun awtorizzat mil-liġi nazzjonali applikabbli.

3.

L-aċċess għall-feedback tal-prestazzjoni, inkluż it-trasferiment tiegħu, għandu jingħata lill-ANK skont l-Artikolu 8(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Prinċipju 5

Protezzjoni ta' dejta personali pproċessata fil-kuntest tal-għoti tal-feedback dwar il-prestazzjoni

1.

Id-dejta mill-feedback dwar il-prestazzjoni tiġi pproċessata mill-BĊE skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.

Id-dejta mill-feedback dwar il-prestazzjoni tista' tintuża biss għall-finijiet deskritti fil-Prinċipji 2 u 4, u tista' tinżamm għal perjodu massimu ta' ħames snin.


ANNESS II

Lista ta' kompetenzi partikolarment rilevanti għall-persunal li jaħdem fl-MSU (kompetenzi tal-MSU)

Tagħrif professjonali : Tagħrif dwar politiki, metodoloġiji u regolamenti superviżorji, speċjalment fil-kuntest tal-MSU, kif ukoll dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Wieħed għandu jżomm aġġornat dwar żviluppi f'dawk l-oqsma u japplika l-għarfien għall-oqsma ta' xogħol relevanti.

Komunikazzjoni : Wieħed għandu jagħti informazzjoni b'mod ċar u konċiż lil gruppi jew individwi, jew verbalment jew bil-miktub, sabiex jiġi żgurat li huma jifhmu l-informazzjoni u l-messaġġ. Wieħed għandu jisma' u jirrispondi b'mod xieraq lil ħaddieħor.

Kooperazzjoni u kollaborazzjoni : Wieħed għandu jibni u jiżviluppa relazzjonijiet ta' ħidma kontinwi u kollaborattivi mal-kollegi tiegħu sabiex jinkisbu l-objettivi Ewropej tat-tim. Wieħed għandu jiżviluppa u jżomm relazzjonijiet effettivi ma' ħaddieħor sabiex tiġi mħeġġa u appoġġata l-ħidma bejn tim. Wieħed għandu jaqsam b'mod proattiv dejta, informazzjoni u tagħrif fi ħdan tim.

Determinazzjoni fil-kisba ta' objettivi : Wieħed għandu jwettaq kompiti b'tenaċità u perseveranza, isegwi soluzzjonijiet ta' suċċess waqt li jadatta l-imġiba tiegħu stess biex jinstab approċċ adattat għall-kisba ta' eżitu ta' suċċess.

Ġudizzju u intrużività : Wieħed għandu janalizza u jivvaluta sitwazzjonijiet, dejta u informazzjoni sabiex jiġu żviluppati strateġiji, pjanijiet u politiki xierqa. Wieħed għandu jifhem u jifformula perspettivi differenti u kuntrarji dwar kwistjoni, jekk meħtieġ, jadatta l-approċċi hekk kif jinbidlu l-ħtiġijiet ta' sitwazzjoni, waqt li jikkunsidra l-problemi minn perspettivi ġodda u jespandi fuq il-ħsieb jew is-soluzzjonijiet proposti minn ħaddieħor. Wieħed għandu jipprova jifhem bis-sħiħ il-kwistjonijiet qabel ma jagħmel rakkomandazzjoni jew jilħaq konklużjoni, waqt li jiġbor informazzjoni sħiħa u preċiża hekk kif meħtieġ, u jasal għal ġudizzju sod billi jistaqsi b'rispett serje ta' domandi intrużivi u billi jfittex kontinwament kwistjonijiet potenzjali u informazzjoni varja.

Kuxjenza wiesgħa u li wieħed ikun iħares 'il quddiem : Wieħed għandu jħares lil hinn mir-rwol tiegħu stess sabiex jistabbolixxi l-kuntest usa' li fih jopera, billi jifhem bis-sħiħ id-diversi funzjonijiet/oqsma, billi juri kuxjenza dwar diversi kuntesti kulturali u perspettivi, u billi jevalwa l-implikazzjonijiet tad-deċiżjonijiet tiegħu fuq ħaddieħor. Wieħed għandu jħares 'il quddiem u jantiċipa opportunitajiet u theddid fil-futur, jieħu azzjoni biex joħloq opportunitajiet jew biex jevita kwistjoni fil-futur.

Aġir oġġettiv b'integrità u indipendenza : Wieħed għandu jaġixxi b'mod indipendenti u oġġettiv, fl-interess tal-Unjoni bħala ħaġa sħiħa, fuq il-bażi tal-istandards professjonali tal-MSU, waqt li jivverifika ċ-ċirkustanzi biex jikseb stampa sħiħa u realistika ta' sitwazzjoni. Wieħed għandu jaħdem biex inaqqas jew jelimina preferenzi, preġudizzji jew evalwazzjonijiet soġġettivi billi jibbaża fuq dejta u fatti verifikabbli.

Immaniġġjar ta' timijiet tal-MSU (applikabbli għal maniġers biss) : Wieħed għandu jidderieġi lit-timijiet (virtwali/remoti) u jiggwidahom lejn l-objettivi tat-tim. Wieħed għandu jikkoordina l-attivitajiet tat-tim bejn fruntieri, billi jipprovdi direzzjoni u billi juża l-kompetenzi u d-diversità tagħhom bl-aktar mod effettiv u effiċjenti. Wieħed għandu jnaqqas u jimmaniġġja l-ambigwità u jsib mod kif jidderieġi u jwassal ir-riżultati taħt inċertezza.


Fuq