EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016D0025

Deċiżjoni (UE) 2016/1734 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/54 dwar il-proċeduri ta' akkreditazzjoni għal manifatturi ta' oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro (BĊE/2016/25)

ĠU L 262, 29.9.2016, p. 30–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 17/05/2021; Impliċitament imħassar minn 32020D0637

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/25/oj

29.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/30


DEĊIŻJONI (UE) 2016/1734 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta' Settembru 2016

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/54 dwar il-proċeduri ta' akkreditazzjoni għal manifatturi ta' oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro (BĊE/2016/25)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-iStatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 16 u l-Artikolu 34.3,

Billi:

(1)

L-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jipprovdu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Dan id-dritt jinkludi l-kompetenza li jittieħdu miżuri sabiex tiġi mħarsal-integrità tal-karti tal-flus euro bħala mezz ta' ħlas sabiex b'hekk ikun hemm ukoll il-possibbiltà li jiġi emendat l-ambitu ta' dik il-kompetenza minn żmien għal żmien sabiex il-mezzi disponibbli biex tiġi żgurata l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro jibqgħu adattati.

(2)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro, il-manifatturi akkreditati b'hekk huma soġġetti għal obbligi kontinwi taħt id-Deċiżjoni BĊE/2013/54 (1). Ċerti obbligi kontinwi għandhom jiġu emendati skont l-esperjenza prattika akkwistata wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni BĊE/2013/54.

(3)

Miżuri li jistgħu jaffettwaw l-istatus ta' akkreditazzjoni ta' manifattur akkreditat, inklużi t-trasferiment jew iċ-ċessjoni ta' akkreditazzjoni eżistenti, għandhom jiġu awtorizzati fejn il-BĊE jkun ta l-kunsens tiegħu bil-miktub minn qabel għal dik il-miżura. L-obbligu li l-BĊE jiġi infurmat dwar bidliet fl-istruttura tas-sjieda għandu jkun limitat għal każijiet fejn dik il-bidla fl-istruttura tas-sjieda tkun tista' tippermetti direttament jew indirettament lil entità involuta fil-bidla intiża tal-istruttura ta' sjieda li takkwista aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali.

(4)

Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv għandu jitpoġġa f'pożizzjoni li jimplimenta sanzjonijiet ekonomiċi fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u li jqis is-sanzjonijiet imposti taħt ftehimiet internazzjonali. Bl-istess mod, jistgħu jitqiesu strumenti relevanti oħrajn bħal riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni BĊE/2013/54 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 12 tad-Decizjoni BCE/2013/54 huwa mibdul b'dan li gej:

“Artikolu 12

Obbligi kontinwati ta' manifatturi akkreditati

1.   Manifattur akkreditat għandu jżomm ir-rekwiżiti sostantivi kunfidenzjali.

2.   Manifattur akkreditat għandu jipprovdi lill-BĊE, għas-sit ta' manifattura relevanti, b'kopja taċ-ċertifikat relevanti msemmi fl-Artikolu 4(3) kull darba li dak iċ-ċertifikat jiġġedded jew jinbidel fi żmien tliet xhur mid-data relevanti tal-kontinwazzjoni jew bidla. Manifattur akkreditat għandu jinforma immedjatament lill-BĊE bil-miktub jekk jiġi rrevokat xi wieħed ċertifikati msemmija fl-Artikolu 4(3).

3.   Manifattur akkreditat għandu jinforma minnufih lill-BĊE bil-miktub jekk ikun beħsiebu jwettaq xi wieħed mill-atti li ġejjin:

(a)

ibiddel xi wieħed mill-arranġamenti fis-sit ta' manifattura relevanti wara li tkun ingħatat akkreditazzjoni b'xi mod li jaffettwa, jew jista' jaffettwa, il-konformità mar-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni relevanti, inklużi bidliet għad-dettalji msemmija fl-Artikolu 5(2)(a) sa (d);

(b)

jittrasferixxi jew jassenja l-akkreditazzjoni tiegħu lil terza persuna, inkluż xi waħda mis-sussidjarji u kumpanniji assoċjati tiegħu;

(c)

ibiddel l-istruttura ta' sjieda tiegħu, fejn dik il-bidla fl-istruttura tas-sjieda tista' tippermetti direttament jew indirettament lil entità involuta fil-bidla intenzjonata tal-istruttura tas-sjieda li takkwista aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali bħal rekwiżiti sostantivi li għalihom il-manifattur akkreditat huwa meħtieġ li jissalvagwardja l-konfidenzjalità taħt atti legali applikabbli tal-BĊE jew taħt obbligi kuntrattwali fil-konfront tal-BĊE, BĊN wieħed jew aktar jew manifattur wieħed jew aktar;

(d)

jagħti bidu għal proċedura għall-istralċ tal-manifattur jew kull proċedura analoga;

(e)

jorganizza mill-ġdid in-negozju jew struttura tiegħu bi kwalunkwe mod li jista' jaffettwa l-attività li għaliha ngħatat l-akkreditazzjoni;

(f)

jagħti b'sottokuntratt jew jinvolvi lil partijiet terzi, minbarra l-impjegati tal-manifattur akkreditat, f'attività ta' oġġetti tal-euro jew attività ta' sigurtà tal-euro li għalihom il-manifattur ikollu akkreditazzjoni, irrispettivament jekk is-sottokuntrattar jew l-involviment ta' terzi f'attività ta' oġġetti tal-euro jew attività ta' sigurtà tal-euro ikollux isir fis-sit ta' manifattura relevanti jew f'sit ieħor;

(g)

jesternalizza jew jittrasferixxi xi parti mill-attività ta' sigurtà tal-euro jew attività ta' oġġetti tal-euro jew kwalunkwe oġġetti tal-euro siguri jew oġġetti tal-euro lil terza persuna, inklużi s-sussidjarji u l-kumpanniji assoċjati tal-manifattur.

4.   Manifattur akkreditat jista' jinvolvi biss lil terza persuna, inkluża kwalunkwe waħda mis-sussidjarji u kumpanniji assoċjati tal-manifattur akkreditat, fl-attivitajiet imsemmija fil-punti (f) u (g) tal-paragrafu 3 taħt il-kundizzjoni li t-terza persuna tkun ingħatat akkreditazzjoni jew akkreditazzjoni proviżorja skont l-Artikolu 2. It-terza persuna għandha tikkonferma bil-miktub lill-BĊE fit-talba biex jingħata bidu għal akkreditazzjoni proviżorja jekk tkun beħsieba twettaq l-attività ta' sigurtà tal-euro jew l-attività ta' oġġetti tal-euro mingħajr bidliet għal kwalunkwe mill-arranġamenti fis-sit ta' manifattura relevanti li għalih il-BĊE jkun ħareġ akkreditazzjoni jew akkreditazzjoni proviżorja lill-manifattur akkreditat li jkun qiegħed jagħmel trasferiment jew ċessjoni. F'dan il-każ, il-BĊE jista' jillimita l-valutazzjoni tiegħu tat-talba ta' għoti ta' bidu għal valutazzjoni tal-informazzjoni u dokumentazzjoni mogħtija mill-manifattur fil-konferma bil-miktub, ħlief jekk nuqqas ta' konformità maġġuri mar-rekwiżiti sostantivi relevanti fis-sit ta' manifattura relevanti jkun ġie skopert matul spezzjonijiet tas-sit ta' manifattura relevanti u tkun għadha ma ġietx irrimedjata.

5.   Il-kunsens minn qabel bil-miktub tal-BĊE għandu jkun meħtieġ qabel ma manifattur akkreditat iwettaq xi wieħed mill-atti elenkati fil-paragrafu 3. Il-Bord Eżekuttiv jista' jirrifjuta li jagħti l-kunsens minn qabel bil-miktub tal-BĊE, jew jista' jagħti l-kunsens minn qabel bil-miktub tal-BĊE biss taħt il-kundizzjoni li l-entità jew entitajiet rikjedenti jikkonformaw mar-restrizzjonijiet jew li l-obbligi ta' aġir, f'dawn is-sitwazzjonijiet.

(a)

Meta jkollu dubji raġonevoli dwar il-konformità tal-entità jew entitajiet rikjedenti ma' kwalunkwe rekwiżit ta' akkreditazzjoni relevanti.

(b)

Meta entità li tkun involuta fl-attività intiża tkun (i) tinsab fi stat terz li ma jkunx Stat Membru tal-Unjoni jew Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, jew (ii) tkun tinsab fi Stat Membru tal-Unjoni jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles iżda li t-tmexxija tan-negozju tagħha tkun ikkontrollata, permezz ta' sjieda, sjieda parzjali jew mezzi oħrajn ta' kontroll dirett jew indirett, minn entitajiet ibbażati barra minn Stat Membru tal-Unjoni jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles. Meta jieħu deċiżjoni dwar l-għoti ta' kunsens, il-Bord Eżekuttiv għandu jqis jekk l-att li għalih jintalab kunsens jistax jitqies li huwa kunfliġġenti ma' reġimi ta' sanzjonijiet li possibbilment jaffettwaw lill-entità involuta, bħal:

(i)

kwalunkwe deċiżjoni jew regolament tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar sanzjonijiet ekonomiċi fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni jew għan imlissen jew l-intenzjoni ta' tali deċiżjoni jew regolament;

(ii)

obbligu tal-Istati Membri li huwa pprovdut f'atti legali tal-Unjoni applikabbli direttament biex jimplimentaw sanzjonijiet ekonomiċi fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni;

(iii)

kwalunkwe ftehim internazzjonali li jkun ġie approvat mill-korpi leġiżlattivi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

Ir-restrizzjonijiet u l-obbligi ta' aġir għandhom ikunu limitati fin-natura u l-ambitu tagħhom sal-punt li jkun meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv iddikjarat fid-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv. Għandhom ikunu inkwadrati b'mod li jintervjeni mill-inqas fil-libertà li titwettaq attività ekonomika. Il-Kunsill Governattiv għandu jiġi nnotifikat immedjatament dwar kwalunkwe deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv li jirrifjuta l-kunsens minn qabel bil-miktub tal-BĊE jew li jagħti l-kunsens minn qabel bil-miktub tal-BĊE biss taħt il-kundizzjoni li l-entità jew entitajiet rikjesti jikkonformaw ma' restrizzjonijiet jew obbligi ta' aġir.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun intitolat li jissottodelega s-setgħa li jagħti l-kunsens bil-miktub tal-BĊE lil-livell operazzjonali tal-BĊE f'każijiet fejn ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni relevanti kollha u ebda entità li tkun involuta fl-attività intiża ma tkun stabbilita barra l-Unjoni Ewropea jew l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.

6.   Manifattur akkreditat għandu jinforma lill-BĊE immedjatament bil-miktub jekk iwettaq xi wieħed mill-atti msemmija taħt il-paragrafu 3, irrispettivament jekk ikunx ingħata l-kunsens minn qabel bil-miktub, jew jekk iseħħx xi wieħed minn dawn l-avvenimenti:

(a)

il-bidu ta' xi proċedura għall-istralċ jew riorganizzazzjoni tal-manifattur jew kull proċedura analoga;

(b)

il-bidu ta' xi proċedura għar-riorganizzazzjoni tal-manifattur bi kwalunkwe mod li jista' jaffettwa l-attività li għaliha tkun ingħatat akkreditazzjoni;

(c)

il-ħatra ta' likwidatur, riċevitur, amministratur jew uffiċjal simili b'rabta mal-manifattur; jew

(d)

l-iskadenza ta' perjodu ta' 34 xahar mingħajr interruzzjoni sa mill-aħħar produzzjoni.

7.   Manifattur b'akkreditazzjoni proviżorja għandu jinforma lill-BĊE minnufih meta jirċievi ordni uffiċjali biex jipproduċi mingħand manifattur akkreditat ieħor, minn BĊN jew mill-BĊE, sabiex l-ispezzjonijiet relevanti jkunu jistgħu jsiru kemm jista' jkun malajr. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar l-ordni uffiċjali għall-produzzjoni u d-data tal-bidu u tat-tmiem ippjanati tal-produzzjoni.

8.   Manifattur b'akkreditazzjoni proviżorja għandu jipprovdi lill-BĊE b'informazzjoni dwar aspetti ambjentali, tas-saħħa u tas-sigurtà kif meħtieġ fir-rekwiżiti sostantivi relevanti.

9.   Jekk manifattur akkreditat ikun stamperija, huwa għandu jieħu ħsieb li ssir analiżi tas-sustanzi kimiċi ta' karti tal-flus tal-euro lesti u għandu jirrapporta lill-BĊE skont ir-rekwiżiti ambjentali, tas-saħħa u tas-sigurtà relevanti.”

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċìżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lid-destinatarji.

Għandha tapplika mill-1 ta' Novembru 2016.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil manifatturi ta' oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro u lill-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, kull meta dawn tal-aħħar iwettqu kontrolli tal-istokks, kontrolli fuq il-qerda jew kontrolli fuq it-trasport.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta' Settembru 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/54 tal-20 ta' Diċembru 2013 dwar il-proċeduri ta' akkreditazzjoni għal manifatturi ta' oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/3 (ĠU L 57, 27.2.2014, p. 29).


Fuq