EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017D0014(01)

Deċiżjoni (UE) 2017/1360 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/40 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (BĊE/2017/14)

ĠU L 190, 21.7.2017, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 15/02/2020; Impliċitament imħassar minn 32020D0187

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1360/oj

21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/22


DEĊIŻJONI (UE) 2017/1360 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Mejju 2017

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/40 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (BĊE/2017/14)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 (1) stabbilixxiet it-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (iktar 'il quddiem is-“CBPP3”). Flimkien mal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi, il-programm ta' xiri ta' assi mis-settur pubbliku u l-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, is-CBPP3 huwa parti mill-programm ta' xiri ta' assi estiż (APP). L-għan tal-APP huwa li jkompli jtejjeb it-trażmissjoni tal-politika monetarja, sabiex jiffaċilita l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffef il-kundizzjonijiet għat-teħid ta' self minn unitajiet domestiċi u ditti u jikkontribwixxi sabiex ir-rati tal-inflazzjoni jinġiebu lura għal livelli li huma taħt iżda qrib għal 2 % fuq medda ta' żmien medju, b'mod konsistenti mal-objettiv primarju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(2)

Il-kisba ta' politika monetarja waħdanija, inkluż permezz tal-APP, tinvolvi d-definizzjoni tal-għodda, tal-istrumenti u l-proċeduri li jridu jintużaw mill-Eurosistema sabiex tiġi implimentata politika bħal din b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(3)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda fit-22 ta' Marzu 2017 li għandhom jiġu rfinati aktar ir-regoli applikabbli għal emittenti ta' bonds iggarantiti li huma entitajiet ta' stralċ sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu ttrattati b'mod konsistenti fil-politika monetarja tal-Eurosistema permezz tal-APP.

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/40, għandu jiżdied il-punt 8 li ġej:

“8.

L-emittent tal-bonds iggarantiti mhuwiex entità, kemm jekk tkun proprjetà pubblika jew privata, li: (a) ikollha bħala l-iskop ewlieni tagħha l-iżvestiment gradwali tal-assi tagħhom u l-waqfien tan-negozju tagħha; jew (ii) hu entità għall-ġestjoni jew l-iżvestiment ta' assi stabbilita biex tappoġġa ristrutturar u/jew riżoluzzjoni tas-settur finanzjarju, inklużi vetturi tal-ġestjoni tal-assi li jirriżultaw minn azzjoni ta' riżoluzzjoni fil-forma tal-applikazzjoni ta' għodda għas-separazzjoni tal-assi skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) jew leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fil-21 ta' Lulju 2017.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (ĠU L 335, 22.11.2014, p. 22).


Fuq