EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015D0037

Deċiżjoni (UE) 2015/2202 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Novembru 2015 li temenda d-Deċìżjoni BĊE/2010/23 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2015/37)

ĠU L 313, 28.11.2015, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/12/2016; Imħassar b' 32016D0036(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2202/oj

28.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/42


DEĊIŻJONI (UE) 2015/2202 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta' Novembru 2015

li temenda d-Deċìżjoni BĊE/2010/23 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2015/37)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/23 (1) tistabbilixxi mekkaniżmu għall-ġbir u l-allokazzjoni tad-dħul monetarju li jinkiseb minn operazzjoni tal-politika monetarja.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/10) (2) tistabbilixxi programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku (il-“PSPP”) għall-għanijiet tal-politika monetarja.

(3)

Bħal xiri taħt id-Deċiżjoni BĊE/2009/16 (3) u d-Deċiżjoni BĊE/2011/17 (4), bonds tal-gvern u bonds maħruġin minn aġenziji mixtrija skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (ECB/2015/10) għandhom jitqiesu li jiġġeneraw dħul bir-rata ta' referenza ddefinita fid-Deċiżjoni BĊE/2010/23.

(4)

Dħul miksub mis-self ta' strumenti ta' dejn negozjabbli taħt programmi ta' xiri ta' titoli relatati mal-politika monetarja m'għandux jitqies bħala dħul monetarju, billi b'mod ġenerali dawn l-operazzjonijiet mhumiex irreġistrati fil-kotba tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”).

(5)

Dħul nett miksub minn ftehim ta' swap tal-Eurosistema ma' banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jinqasam fost il-BĊNi bħala dħul monetarju.

(6)

Għaldaqstant għandha tiġi aġġustata l-kompożizzjoni tal-bażi tal-passiv u assi assenjabbli kif jidher fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23,

(7)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2010/23 għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċizjoni BĊE/2010/23 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 3(1) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-ammont ta' dħul monetarju ta' kull BĊN għandu jkun iddeterminat billi jitkejjel id-dħul attwali li jirriżulta mill-assi assenjabbli rreġistrati fil-kotba tiegħu. Bħala eċċezzjonijiet għal dan:

(a)

id-deheb m'għandux jitqies li jiġġenera dħul;

(b)

dawn li ġejjin għandhom jitqiesu li jiġġeneraw dħul monetarju bir-rata ta' referenza:

(i)

titoli miżmumin għall-finijiet tal-politika monetarja skont id-Deċiżjoni BĊE/2009/16 (*);

(ii)

titoli miżmumin għall-finijiet tal-politika monetarja skont id-Deċiżjoni BĊE/2011/17 (**);

(iii)

strumenti ta' dejn maħruġa minn gvernijiet ċentrali u aġenziji rikonoxxuti u strumenti ta' dejn sostituti maħruġin minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji miżmumin għal finijiet ta' politika monetarja skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/10) (***).

(*)  Deċiżjoni BĊE/2009/16 tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (covered bond) (ĠU L 175, 4.7.2009, p. 18)."

(**)  Deċiżjoni BĊE/2011/17 tat-3 ta' Novembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (ĠU L 297, 16.11.2011, p. 70)."

(***)  Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10)(ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20).”;"

2.

fil-paragrafu 1 qed jiżdied il-punt 8 li ġej:

“8.

Obbligazzjonijiet fil-konfront tal-BĊE li jappoġġaw pretensjoni relatata ma' ftehimiet swap bejn il-BĊE u bank ċentrali mhux tal-Eurosistema li joħolqu dħul nett għall-Eurosistema (parti mill-obbligazzjonijiet barra l-karta tal-bilanċ).”;

3.

fil-paragrafu A tal-Anness II, qed jiżdied il-punt 10 li ġej:

“10.

Pretenzjonijiet fil-konfront ta' kontrapartijiet taż-żona tal-euro li jirrigwardaw ftehimiet swap bejn il-BĊE u bank ċentrali mhux tal-Eurosistema li joħolqu dħul nett għall-Eurosistema (parti mill-partita tal-assi 3.1 tal-HBS).”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2015.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta' Novembru 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Deċiżjoni BĊE/2010/23 tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 17).

(2)  Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10) (ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20).

(3)  Deċiżjoni BĊE/2009/16 tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (covered bond) (ĠU L 175, 4.7.2009, p. 18).

(4)  Deċiżjoni BĊE/2011/17 tat-3 ta' Novembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (ĠU L 297, 16.11.2011, p. 70).


Fuq