EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52012AB0084

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 6 ta’ Novembru 2012 fuq proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea (CON/2012/84)

ĠU C 374, 4.12.2012, p. 2–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 374/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-6 ta’ Novembru 2012

fuq proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

(CON/2012/84)

2012/C 374/02

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-15 ta’ Mejju 2012, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost jidħol fl-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

L-istatistika Ewropea tiġi żviluppata, prodotta u mxerrda mis-Sistema Statistika Ewropea (SSE) u mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li joperaw taħt żewġ oqfsa legali separati imma kumplimentari filwaqt li jikkooperaw mill-qrib fit-twettiq tal-funzjonijiet statistiċi tagħhom (2). Għalhekk, il-BĊE jilqa’ t-titjib għall-qafas legali tas-SSE li ser iżid l-effettività tiegħu u, b’mod partikolari, ser jippermettilu jikseb livell ta’ indipendenza simili għas-SEBĊ. B’mod iktar speċifiku, il-BĊE jappoġġa l-għan li tissaħħaħ il-governanza tas-SSE billi (a) jissaħħaħ ir-rwol ta’ istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs — national statistical institutes) fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet statistiċi ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra dwar l-istatistika Ewropea taħt ir-responsabbiltà esklussiva tas-SSE (3); (b) tissaħħaħ l-indipendenza professjonali tal-Kapijiet tal-NSIs u tal-Kap tal-Eurostat (4); (c) tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea billi jiġi impost l-obbligu fuq l-Istati Membri li jittieħdu miżuri ta’ politika speċifika fuq il-bażi tal-“Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika”, li l-progress dwaru għandu jiġi mmonitorjat mill-Kummissjoni (5); u (d) jitjieb l-aċċess għal u l-użu ta’ dejta amministrattiva mill-NSIs (6).

1.   Ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-NSIs fis-SSE u l-kooperazzjoni mas-SEBĊ

1.1.

Skont ir-regolament propost, l-awtorità nazzjonali tal-istatistika “għandha taġixxi … bħala l-uniku punt ta’ kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f’materji ta’ statistika” (7) u “għandu jkun responsabbli li jikkoordina, fil-livell nazzjonali, l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatisika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija, it-trażmissjoni tad-dejta u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tas-SSE” (8). Il-BĊE jilqa’ t-tisħiħ propost tar-responsabbiltajiet tal-NSIs fil-livell nazzjonali billi dan ser jappoġġa l-produzzjoni kompleta u koerenti tal-istatistika Ewropea. Fl-istess ħin il-BĊE jifhem li dawn il-poteri ta’ koordinazzjoni msaħħa ser jirriferu għall-“istatistika Ewropea kollha żviluppata, prodotta u mxerrda mis-SSE” (9). Il-BĊE ifakkar li l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) li huma membri tas-SEBĊ: (a) jipproduċu statistika Ewropea skont l-Artikoli 3 u 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif speċifikat iktar fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (10), u (b) ma jipparteċipawx fil-produzzjoni ta’ statistika Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 għalkemm skont kundizzjonijiet speċifikati dejta prodotta mill-BĊNi tista’ tintuża minn NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħrajn u l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni għall-produzzjoni ta’ statistika Ewropea (11). Kompiti tal-istatistika tal-BĊNi mwettqa permezz tas-SEBĊ jiġu kkoordinati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. F’dan ir-rigward, l-irwol ta’ dan tal-aħħar jinkludi, fost l-oħrajn, li jiġi speċifikat it-tqassim tal-kompiti ġewwa s-SEBĊ fir-rigward tal-ġbir u l-verifika ta’ informazzjoni statistika u l-infurzar tal-obbligi ta’ rappurtar statistiku (12). Għaldaqstant, il-BĊN jistenna li l-poteri ta’ koordinazzjoni tal-NSIs ma jkunux jirrigwardaw l-istatistika Ewropea prodotta permezz tas-SEBĊ skont l-Artikoli 3 u 5 tal-Istatut tas-SEBĊ u r-Regolament (KE) Nru 2533/98.

1.2.

Għalkemm il-membri tas-SSE u tas-SEBĊ jaqdu r-responsabbiltajiet tal-istatistika tagħhom stess, huma jikkooperaw mill-qrib, partikolarment f’oqsma speċifiċi fejn għandhom responsabbiltà konġunta bħall-produzzjoni tal-istatistika dwar il-kontijiet nazzjonali u l-bilanċ tal-pagamenti (13). F’dawk l-oqsma tal-istatistika Ewropea fejn is-SSE u s-SEBĊ għandhom responsabbiltà konġunta, huwa essenzjali li jinżammu u jitjiebu l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni sodi ta’ bħalissa kif implimentati fil-livell tal-Unjoni permezz tal-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanżjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti (14), kif ukoll l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni nazzjonali rispettivi li jirriflettu t-tqassim ta’ responsabbiltajiet f’każijiet individwali.

1.3.

Skont ir-regolament propost, il-“kapijiet tal-NSIs għandu jkollhom ir-responsabbiltà esklussiva li jiddeċiedu dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika Ewropea kollha” (15). Filwaqt li l-BĊE jilqa’ t-titjib propost tal-indipendenza professjonali tal-Kapijiet tal-NSIs għal attivitajiet li jsiru fil-livell nazzjonali fi ħdan is-SSE, il-BĊE jifhem li r-rwol ta’ koordinazzjoni msaħħaħ tagħhom huwa mingħajr preġudizzju għat-twettiq mill-BĊNi tal-kompiti tal-istatistika tagħhom skont l-Istatut tas-SEBĊ u r-Regolament (KE) Nru 2533/98 li jibbenefikaw mis-salvagwardji ta’ indipendenza speċifikati fl-Artikolu 130 tat-Trattat u l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ.

1.4.

Għaldaqstant, il-BĊE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ kjarifiki għall-abbozzar sabiex jiġi żgurat li r-regolament propost jirrispetta l-firda istituzzjonali bejn is-SSE u s-SEBĊ. Barra minn hekk, għandu jiġi rrikonoxxut il-bżonn għal kooperazzjoni xierqa biex iż-żewġ sistemi jitħallew iwettqu bl-aħjar mod il-funzjonijiet kumplimentari tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea (16).

2.   Titjib tal-aċċess tal-NSI u l-użu ta’ dejta amministrattiva

2.1.

Skont ir-regolament propost, l-NSIs, awtoritajiet tal-istatistika oħrajn u l-Kummissjoni (Eurostat) “għandu jkollhom id-dritt għal aċċess immedjat u mingħajr ħlas għar-rekords amministrattivi kollha, kif ukoll id-dritt li jużaw dawn ir-rekords amministrattivi u jintegrawhom mal-istatistika, sa fejn hu meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea” (17). Il-BĊE jinnota li l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “rekords amministrattivi” (li qabel kien “sorsi ta’ data amministrattiva” (18)) u li l-aċċess irid ikun “immedjat u mingħajr ħlas” jistgħu jeħtieġu kjarifika addizzjonali. Kif il-BĊE nnota diġà (19), l-aċċess għar-rekords pubbliċi għandu jkun irregolat mir-regoli adottati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom (20).

2.2.

Barra minn hekk, l-emendi proposti jipprovdu li l-“NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiġu kkonsultati u involuti fit-tfassil inizjali, fl-iżvilupp sussegwenti u fil-waqfien tar-rekords amministrattivi li nħolqu u nżammu minn korpi oħra” u “għandu jkollhom id-dritt li jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika” (21). Il-BĊE jilqa’ l-bidliet proposti li, meta jiġu applikati skont il-prinċipji ġenerali tat-Trattat, inklużi s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (22), jippermettu lis-SSE li tagħmel użu aħjar mis-sorsi tad-dejta amministrattiva biex jiġu ġġenerati gwadanji fl-effiċjenza, jitnaqqas il-piż tar-rappurtar u tittejjeb il-kwalità tal-istatistika Ewropea li tipproduċi s-SSE. Madankollu, il-BĊE jinnota li l-emendi proposti ma għandhomx jinterferixxu mal-prinċipju tal-indipendenza ta’ bank ċentrali, li jirriżulta mill-Artikolu 130 tat-Trattat u l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-obbligu tas-segretezza professjonali stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ. Għalhekk, hemm bżonn ta’ kjarifika dwar l-aċċess potenzjali mill-NSIs u l-Kummissjoni għar-rekords amministrattivi miżmumin minn membri tas-SEBĊ, b’mod partikolari r-rekords amministrattivi dwar it-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ (23).

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, għal dan il-għan proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stipulati fl-Anness akkumpanjati b’test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2012) 167 finali.

(2)  Ara l-premessi 7 sa 10 u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), l-Artikoli 2a u 8a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 23-34) u l-premessa 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 951/2009 tad-9 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 269, 14.10.2009, p. 1). Cf. il-paragrafu 1.1 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2007/35 tal-14 ta’ Novembru 2007 fuq it-talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea (ĠU C 291, 5.12.2007, p. 1).

(3)  Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, kif emendat mill-Artikolu 1(2) tar-regolament propost.

(4)  Ara l-Artikolu 5a ġdid imdaħħal fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 bl-Artikolu 1(3) tar-regolament propost. Cf. l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/504/UE tas-17 ta’ Settembru 2012 fuq l-Eurostat (ĠU L 251, 18.9.2012, p. 49).

(5)  Ara l-paragrafu ġdid 3 mdaħħal fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 bl-Artikolu 1(5) tar-regolament propost.

(6)  Ara l-Artikolu 17a ġdid mdaħħal fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 bl-Artikolu 1(8) tar-regolament propost.

(7)  Ara l-Artikolu 5(1) l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, kif emendat bl-Artikolu 1(2) tar-regolament propost.

(8)  Ara l-Artikolu 5(1) it-tieni subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, kif emendat bl-Artikolu 1(2) tar-regolament propost.

(9)  Ara l-premessa 6 tar-regolament propost.

(10)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8. Cf. l-paragrafu 1.2 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2007/35.

(11)  Ara l-premessa 9 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Il-liġi nazzjonali tista’ f’ċerti każijiet tqabbad lill-BĊNi individwali, sa fejn dan huwa kumpatibbli mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ tagħhom, bil-produzzjoni ta’ dejta statistika li tidħol fl-ambitu tal-programmi tal-istatistika Ewropej u normalment miġbura permezz tas-SSE skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009.

(12)  Ara l-premessa 11 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.

(13)  Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 2, p. 3-471). Ara wkoll il-premessa 9 tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23). Ara wkoll il-Linja ta’ Gwida BĊE/2004/15 tas-16 ta’ Lulju 2004 dwar l-obbligi tar-rappurtaġġ tal-istatistika tal-BĊE fil-qasam tal-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti u tal-qagħda internazzjonali dwar l-investiment, u l-mudell tar-riżervi internazzjonali (ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 15-57).

(14)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/115/KEE li tistabbilixxi Kumitat dwar l-istatistika monetarja, finanżjarja u tal-bilanċ tal-pagamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 25-26).

(15)  Ara l-Artikolu 5a ġdid imdaħħal fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 bl-Artikolu 1(3) tar-regolament propost.

(16)  Ara l-emendi 1 sa 2 u 4 sa 6 fl-Anness ta’ din l-Opinjoni.

(17)  Ara l-Artikolu 17a(1) ġdid imdaħħal fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 bl-Artikolu 1(8) tar-regolament propost.

(18)  Ara l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 imħassar bl-Artikolu 1(10) tar-regolament propost.

(19)  Ara l-paragrafu 1.4 tal-Opinjoni BĊE CON/2007/35.

(20)  Bħalissa dan huwa meħtieġ mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 223/2009. Ara l-Emendi 3 u 7 fl-Anness ta’ din l-Opinjoni.

(21)  Ara l-Artikolu 17a(2) ġdid imdaħħal fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 bl-Artikolu 1(8) tar-regolament propost.

(22)  Ara l-Artikolu 5(3)-(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(23)  Ara l-Emenda 7 fl-Anness ta’ din l-opinjoni.


ANNESS

Proposti ta’ abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Premessa 9

“(9)

Barra minn hekk, ir-rwol ta’ koordinazzjoni li diġà ġie attribwit lill-NSIs għandu jiġi ċċarat fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, sabiex tinkiseb koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-attivitajiet statistiċi fil-livell nazzjonali, inkluż l-immaniġġar tal-kwalità.”

“(9)

Barra minn hekk, ir-rwol ta’ koordinazzjoni li diġà ġie attribwit lill-NSIs għall-istatistika Ewropea prodotta permezz tas-SSE għandu jiġi ċċarat fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, sabiex tinkiseb koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-attivitajiet statistiċi fi ħdan is-SSE fil-livell nazzjonali, inkluż l-immaniġġar tal-kwalità.”

Spjegazzjoni

Ara l-Emenda 2.

Emenda 2

Premessa ġdida 9a

[l-ebda test]

“9a)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-Artikolu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (2), is-SSE u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw statistika Ewropea kompleta u koerenti prodotta miż-żewġ sistemi tal-istatistika fl-oqsma ta‘ kompetenza tagħhom skont il-programmi ta’ ħidma rispettivi tagħhom. Oqsma partikolari ta’ kooperazzjoni jinkludu statistika fuq il-kontijiet nazzjonali u l-bilanċ ta’ pagamenti, kif ukoll l-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni fuq statistika dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

Spjegazzjoni

Skont ir-Regolamenti (KE) Nri 223/2009 u 2533/98 l-istatistika Ewropea tiġi żviluppata, prodotta u mxerrda mis-SSE u mis-SEBĊ taħt żewġ oqfsa legali separati imma kumplimentari. Kif indikat fi premessa 9 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, membri tas-SEBĊ ma jipparteċipawx fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Madankollu, is-SSE u s-SEBĊ jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li t-tnejn jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tal-istatistika tagħhom. B’mod iktar speċifiku, BĊN jista’ jaqbel mal-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għal arranġamenti nazzjonali, li l-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħrajn u l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni jistgħu direttament jew indirettament jużaw dejta prodotta mill-BĊN għall-produzzjoni ta’ statistika Ewropea. L-emendi proposti jirriflettu dawn l-arranġamenti eżistenti.

Emenda 3

Premessi 10 u 11

“(10)

Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet tal-istatistika u dawk li jwieġbu, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra għandhom ikollhom aċċess immedjat u bla ħlas għar-rekords amminsitrattivi, inklużi dawk mimlija b’mod elettroniku, u jkunu jistgħu jużaw u jintegraw dawn ir-rekords mal-istatistika.

(11)

L-NSIs għandhom ukoll jiġu kkonsultati fi stadju bikri dwar it-tfassil tar-rekords amministrattivi ġodda li jistgħu jipprovdu d-dejta għal finijiet statistiċi u dwar it-tibdil ippjanat jew it-twaqqif tas-sorsi amministrattivi eżistenti. Dawn għandhom ukoll jirċievu metadejta rilevanti mingħand is-sidien tad-dejta amministrattiva u jikkoordinaw l-attivtajiet ta’ standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi li jkunu rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika.”

“(10)

Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet tal-istatistika u dawk li jwieġbu, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra għandhom ikollhom aċċess immedjat u bla ħlas għar-rekords amminsitrattivi, inklużi dawk mimlija b’mod elettroniku, u jkunu jistgħu jużaw u jintegraw dawn ir-rekords mal-istatistika.

L-NSIs għandhom ukoll jiġu kkonsultati fi stadju bikri dwar it-tfassil tar-rekords amministrattivi ġodda li jistgħu jipprovdu d-dejta għal finijiet statistiċi u dwar it-tibdil ippjanat jew it-twaqqif tas-sorsi amministrattivi eżistenti. Dawn għandhom ukoll jirċievu metadejta rilevanti mingħand is-sidien tad-dejta amministrattiva u jikkoordinaw l-attivtajiet ta’ standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi li jkunu rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika. L-eżerċizzju mill-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħrajn ta' kompetenzi fir-rigward tal-aċċess, l-użu, l-istandardizzazzjoni, id-disinn inizjali, l-iżvilupp sussegwenti u t-twaqqif tar-rekords amministrattivi tas-SEBĊ m’għandhomx jinterferixxu mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ speċifikati fl-Artikolu 127 tat-Trattat u mas-salvagwardji fuq l-indipendenza ta’ bank ċentrali skont l-Artikoli 130 u 282(3) tat-Trattat u l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Spjegazzjoni

Ara l-Emenda 7.

Emenda 4

Artikolu 1(2)

“(2)   Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

‘1.   L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea (l-NSI) għandha taġixxi f’dan ir-rigward bħala l-uniku punt ta’ kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f’materji ta’ statistika.

Ir-responsabbiltà ta’ koordinazzjoni tal-NSI għandha tkopri l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kollha responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. B’mod partikolari, l-NSI għandu jkun responsabbli li jikkoordina, fil-livell nazzjonali, l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatisika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija, it-trażmissjoni tad-dejta u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tas-SSE.’ ”

“(2)   Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

‘1.   L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea fil-livell nazzjonali skont dan ir-Regolament (l-NSI) għandha taġixxi f’dan ir-rigward bħala l-uniku punt ta’ kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f’materji ta’ statistika

Ir-responsabbiltà ta’ koordinazzjoni tal-NSI għandha tkopri l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kollha responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea prodotta skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-NSI [għandha] tkun responsabbli li tikkoordina, fil-livell nazzjonali, l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatisika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija, it-trażmissjoni tad-dejta u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tas-SSE u għandha tikkoopera mal-bank ċentrali nazzjonali rispettiv (BĊN) biex tiġi żgurata l-produzzjoni ta’ statistika Ewropea kompleta u koerenti permezz tas-SSE u s-SEBĊ fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom.’ ”

Spjegazzjoni

See Emenda 2.

Emenda 5

Artikolu 1(3)

“(3)   Għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

Artikolu 5a

Kapijiet tal-NSIs

1.   Fis-sistema nazzjonali tal-istatistika tagħhom, il-Kapijiet tal-NSIs għandu jkollhom ir-responsabbiltà esklussiva li jiddeċiedu dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika Ewropea kollha. Dawn għandhom jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġar intern tal-NSI. Għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet statistiċi tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. Waqt li jwettqu dawn il-ħidmiet, il-kapijiet tal-NSIs għandhom jaġixxu b’mod indipendenti; huma ma għandhom jitolbu jew jirċievu struzzjonijiet mill-ebda gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra; għandhom joqogħdu lura minn kull azzjoni li tkun inkompatibbli mat-twettiq ta’ dawn il-ħidmiet.’ ”

“(3)   Jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

Artikolu 5a

Kapijiet tal-NSIs

1.   Fis-sistema nazzjonali tal-istatistika tagħhom, il-Kapijiet tal-NSIs għandu jkollhom ir-responsabbiltà esklussiva li jiddeċiedu dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika Ewropea kollha prodotta skont dan ir-Regolament. Dawn għandhom jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġar intern tal-NSI. Għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet statistiċi tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea prodotta permezz tas-SSE. Barra minn hekk, għandhom jikkooperaw mal-BĊNi rispettivi fuq kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni ta’- statistika Ewropea li hija komuni għas-SSE u s-SEBĊ. Waqt li jwettqu dawn il-ħidmiet, il-kapijiet tal-NSIs għandhom jaġixxu b’mod indipendenti; huma ma għandhom jitolbu jew jirċievu struzzjonijiet mill-ebda gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra; għandhom joqogħdu lura minn kull azzjoni li tkun inkompatibbli mat-twettiq ta’ dawn il-ħidmiet.’ ”

Spjegazzjoni

Ara l- Emenda 2.

Emenda 6

Artikolu 1(5)

“(5)   Fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

‘3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw il-Kodiċi tal-Prattika sabiex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika tagħhom. Għal dan il-għan, kull Stat Membru, irrappreżentat mill-gvern tiegħu, għandu jiffirma u jimplimenta “Kodiċi dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” li permezz tiegħu jittieħdu impenji biex jiġi implimentat il-Kodiċi u jiġi stabbilit qafas nazzjonali għall-iżgurar tal-kwalità, inklużi l-awtovalutazzjonijiet u l-azzjonijiet ta’ titjib. L-Impenn għandu jiġi kontrofirmat mill-Kummissjoni.

Dawn l-impenji għandhom jiġu monitorjati regolarment mill-Kummissjoni abbażi tar-rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.’ ”

“(5)   Fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

‘3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw il-Kodiċi tal-Prattika sabiex tinżamm il-fiduċja fil-kontribut għall-istatistika Ewropea prodotta mis-SEE. Għal dan il-għan, kull Stat Membru, irrappreżentat mill-gvern tiegħu, għandu jiffirma u jimplimenta “Kodiċi dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” li permezz tiegħu jittieħdu impenji biex jiġi implimentat il-Kodiċi u jiġi stabbilit qafas nazzjonali għall-iżgurar tal-kwalità, inklużi l-awtovalutazzjonijiet u l-azzjonijiet ta’ titjib. L-Impenn għandu jiġi kontrofirmat mill-Kummissjoni.

Dawn l-impenji għandhom jiġu monitorjati regolarment mill-Kummissjoni abbażi tar-rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.’ ”

Spjegazzjoni

Ara l-Emenda 2.

Emenda 7

Artikolu 1(8)

“(8)   Għandu jiddaħħal l-Artikolu 17a li ġej:

Artikolu 17a

L-aċċess, l-użu u l-integrazzjoni tar-rekords amministrattivi

1.   Sabiex jitnaqqas il-piż fuq dawk li jwieġbu, l-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra kif imsemmija fl-Artikolu 4 u l-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollhom id-dritt għal aċċess immedjat u mingħajr ħlas għar-rekords amministrattivi kollha, kif ukoll id-dritt li jużaw dawn ir-rekords amministrattivi u jintegrawhom mal-istatistika, sa fejn hu meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

2.   L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiġu kkonsultati u involuti fit-tfassil inizjali, fl-iżvilupp sussegwenti u fil-waqfien tar-rekords amministrattivi li nħolqu u nżammu minn korpi oħra, u b’hekk jiġi ffaċilitat l-użu ulterjuri ta’ dawn ir-rekords għal skopijiet statistiċi. Dawn għandu jkollhom id-dritt li jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika.

3.   L-aċċess u l-involviment tal-NSIs, ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra u tal-Kummissjoni (Eurostat) skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu limitati għar-rekords amministrattivi fis-sistema amministrattiva pubblika rispettiva tagħhom stess.

4.   L-NSIs għandhom jirċievu l-metadejta rilevanti mis-sidien tar-rekords amministrattivi użati għal skopijiet statistiċi.

5.   L-NSIs u s-sidien tar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni meħtieġa.’ ”

“(8)   Jiddaħħal l-Artikolu 17a li ġej:

Artikolu 17a

L-aċċess, l-użu u l-integrazzjoni tar-rekords amministrattivi

1.   Sabiex jitnaqqas il-piż fuq dawk li jwieġbu, l-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra kif imsemmija fl-Artikolu 4 u l-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollhom id-dritt għal aċċess immedjat u mingħajr ħlas għar-rekords amministrattivi kollha, kif ukoll id-dritt li jużaw dawn ir-rekords amministrattivi u jintegrawhom mal-istatistika, sa fejn hu meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea prodotta skont dan ir-Regolament.

2.   L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiġu kkonsultati u involuti fit-tfassil inizjali, fl-iżvilupp sussegwenti u fil-waqfien tar-rekords amministrattivi li nħolqu u nżammu minn korpi oħra, u b’hekk jiġi ffaċilitat l-użu ulterjuri ta’ dawn ir-rekords għal skopijiet statistiċi. Dawn għandu jkollhom id-dritt li jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika.

3.   L-arranġamenti prattiċi u l-kundizzjonijiet biex ikun hemm aċċess effettiv għandhom jiġu ddeterminati fejn meħtieġ minn kull Stat Membru u mill-Kummissjoni, fi ħdan l-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom. Fir-rigward tar-rekords amministrattivi mibnijin u miżmumin mis-SEBĊ, it-twettiq minn NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħrajn u l-Kummissjoni (Eurostat) ta’ kompetenzi skont il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jinterferixxu mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ skont l-Artikolu 127 tat-Trattat u bis-salvagwardi fuq l-indipendenza ta’ bank ċentrali u s-segretezza professjonali speċifikati fl-Artikolu 130 u l-Artikolu 282(3) tat-Trattat u l-Artikoli 7 u 37 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

4.   L-aċċess u l-involviment tal-NSIs, ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra u tal-Kummissjoni (Eurostat) skont il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu limitati għar-rekords amministrattivi fis-sistema amministrattiva pubblika rispettiva tagħhom stess.

5.   L-NSIs għandhom jirċievu l-metadejta rilevanti mis-sidien tar-rekords amministrattivi użati għal skopijiet statistiċi.

6.   NSIs u s-sidien tar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni meħtieġa.’ ”

Spjegazzjoni

Arranġamenti għall-aċċess għar-rekords pubbliċi għandhom ikomplu jiġu ddefiniti bir-regoli adottati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, kif meħtieġ skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dawn ir-regoli jistgħu b’mod partikolari jiċċaraw il-kunċetti ta’ “rekords amministrattivi” u “immedjat u mingħajr ħlas”.

Barra minn hekk, l-emendi proposti dwar l-aċċess għar-rekords pubbliċi m’għandhomx jinterferixxu mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ skont l-Artikolu 127 tat-Trattat u mal-prinċipju tal-indipendenza ta’ bank ċentrali u l-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 130 tat-Trattat u l-Artikoli 7 u 37 tal-Istatut tas-SEBĊ. Għalhekk, tenħtieġ kjarifika dwar l-aċċess potenzjali mill-NSIs u l-Kummissjoni għar-rekords amminsitrattivi miżmumin mis-SEBĊ, partikolarment rekords amministrattivi li jirrigwardaw it-twettiq tal-kompiti relatati mas-SEBĊ.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 23-34.”


Fuq