EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52010AB0082

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Novembru 2010 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu (CON/2010/82)

ĠU C 337, 14.12.2010, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Novembru 2010

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu

(CON/2010/82)

2010/C 337/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar l-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażat fuq l-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw l-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla ostakoli tal-politiki dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

B’mod ġenerali, il-BĊE jilqa’ l-miżuri introdotti mir-regolament propost biex jissaħħaħ il-qafas regolatorju tal-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu (AKK), partikolarment sabiex: (a) jiġu attribwiti poteri komprensivi lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) fir-rigward tar-reġistrazzjoni u s-sorveljanza ta’ AKK; u (b) jiġu introdotti trasparenza u kompetizzjoni ikbar fis-suq għall-klassifikazzjonijiet ta’ strumenti finanzjarji strutturati. Il-BĊE japprezza li r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 (2) inkorpora ħafna mill-osservazzjonijiet li kienu saru qabel fi: (a) il-kontribuzzjoni tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva/regolament dwar l-aġenziji li jiggradaw (jikklassifikaw) il-kreditu (3); u (b) l-Opinjoni tal-BĊE CON/2009/38 tal-21 ta’ April 2009 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (4).

2.

Kif ġie osservat fil-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2008 (5), approċċ ta’ entità waħda għas-superviżjoni tal-AKK huwa preferibbli minn superviżjoni mifruxa mill-perspettiva li tiġi żgurata l-koordinazzjoni u qasam ġust u ekwu. F’dan il-kuntest, il-BĊE jilqa’ l-attribuzzjoni lill-AETS ta’ numru ta’ kompiti relatati mar-reġistrazzjoni u s-sorveljanza tal-AKK. Il-BĊE jifhem li l-qafas regolatorju ser jippreserva d-dritt tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li jirrikonoxxu l-AKK bħala istituzzjonijiet ta’ valutazzjoni ta’ kreditu estern taħt l-Artikoli 81 sa 83 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (riformulazzjoni) (6)

3.

Il-BĊE jappoġġa b’mod ġenerali, bla ħsara għal iktar osservazzjonijiet ta’ hawn taħt, l-arranġamenti ta’ trasparenza mfissrin fl-Artikoli 8a u 8b ġodda tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 (7) li jeħtieġu li l-emittenti ta’ strumenti finanzjarji strutturati jagħtu aċċess għall-informazzjoni li jipprovdu lill-AKK maħtura kif ukoll lil ċerti AKK oħrajn. L-introduzzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ żvelar għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-proċess ta’ klassifikazzjoni għal strumenti finanzjarji strutturati, u tista’ tikkontribwixxi wkoll biex iżżid il-kompetizzjoni bejn l-AKK. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti l-ġodda huma sa ċertu punt simili għar-regoli applikati mis-Securities and Exchange Commission (SEC) tal-Istati Uniti minn Ġunju 2010 (8). Il-konverġenza bejn il-qafas regolatorju tal-UE u tal-US, meta jkun possibbli, tikkostitwixxi aspett importanti ta’ qasam ekwu u ġust.

Madankollu, il-BĊE jixtieq jindika ċertu tħassib potenzjali dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti fuq l-iżvelar ġodda. L-ewwel nett, skont l-arranġamenti proposti, l-AKK maħtura biex toħroġ il-klassifikazzjoni tal-kreditu f’każ partikolari hija mistennija li tkun suġġetta għal kompetizzjoni ikbar minn AKK oħrajn eliġibbli (AKK mhux maħtura). B’mod speċifiku, jista’ jkun iktar faċli għall-AKK mhux maħtura biex joħorġu klassifikazzjonijiet ta’ kreditu mhux mitlubin, billi ser jingħataw aċċess għall-informazzjoni provduta mill-emittent lill-AKK maħtura. Madankollu, jista’ jkun hemm xkiel konsiderevoli għad-dħul fis-suq għal AKK mhux maħtura relatati ma’: (a) il-kriterji ta’ eliġibbiltà statutorji għall-aċċess għall-informazzjoni tal-emittent; u (b) tagħrif informali disponibbli għall-AKK maħtura minħabba r-relazzjonijiet fit-tul tagħha mal-emittent. Tabilħaqq, l-esperjenza mar-regoli tat-trasparenza introdotti mis-SEC għadha ma kkonfermatx b’mod konklużiv li dawn ir-regoli għandhom effett sostantiv fuq il-prattiċi tal-AKK, partikolarment billi jiżdied in-nurmu ta’ klassifikazzjonijiet ta’ kreditu mhux mitluba. It-tieni nett, il-possibbiltà li jinkisbu diversi klassifikazzjonijiet ta’ kreditu tista’ tippermetti lill-emittenti li jagħżlu l-iktar waħda favorevoli (“rating shopping”), li jista’ jwassal għall-kompetizzjoni bejn AKK għall-provvista tal-iktar klassifikazzjonijiet attraenti. Dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-kwalità ta’ klassifikazzjonijiet maħruġin. It-tielet nett, is-sitwazzjoni tal-emittent innifsu ser ikollha tiġi eżaminata wkoll, wara li jitqiesu elementi bħal dawn: (a) l-oneru dwar l-aċċess permess għall-informazzjoni għall-AKK mhux maħtura; u (b) protezzjoni kontra abbuż potenzjali tal-informazzjoni rċevuta mill-AKK mhux maħtura.

Il-BĊE jifhem li l-arranġamenti ta’ trasparenza mfissrin fl-Artikoli 8a u 8b ġodda proposti ġew appoġġati fil-wisa’ fl-kuntest ta’ xogħol preparatorju fuq ir-regolament propost (9). Għaldaqstant, il-BĊE jipproponi biss emendi limitati (10). Fl-istess ħin, jirrakkomanda li l-iżviluppi fl-oqsma msemmijin iktar ’il fuq għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib mill-AETS b’rabta mal-implimentazzjoni tar-regolament propost, sabiex ikunu jistgħu jitressqu aġġustamenti xierqa mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-esperjenza miksuba (11).

4.

Barra min dan, il-BĊE jistenna li l-Kummissjoni ser taħdem fuq arranġamenti ta’ trasparenza usa’ relatati mal-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba mar-regoli introdotti mir-regolament propost. Biex jintlaħaq l-effett mixtieq, l-arranġamenti ta’ trasparenza għandhom jibbilanċjaw, minn naħa, l-interessi tan-negozju tal-emittenti li jipprovdu informazzjoni sensittiva lill-AKK u, minn naħa l-oħra, il-bżonnijiet tal-banek ċentrali, superviżuri u parteċipanti oħrajn għal aċċess usa’ għall-informazzjoni li tippermetti valutazzjoni indipendenti tal-prestazzjoni tal-AKK. L-elementi kollha ta’ hawn fuq huma rilevanti b’mod partikolari fis-suq tat-titolizzazzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-Eurosistema għandha l-għan, bħala parti mill-qafas tagħha għall-evalwazzjoni tal-kollateral, li jkollha aċċess għall-informazzjoni self b’self li jippermetti valutazzjoni kontinwa tar-riskji għall-istrumenti titolizzati.

Osservazzjonijiet speċifiċi

Iżjed trasparenza fil-proċess ta’ klassifikazzjoni

5.

Ir-regolament propost jeħtieġ li kull AKK maħtura tagħti lill-kompetituri tagħha lista tal-istrumenti finanzjarji strutturati li bħalissa qed jiġu kklassifikati minnha, flimkien ma’ link għas-sit elettroniku fejn l-emittent jaħżen l-informazzjoni użata fil-preparazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. AKK mhux maħtura jistgħu jiksbu aċċess għal din l-informazzjoni, iżda: (a) fiż-żmien tat-talba, għandu jkollhom is-sistemi u l-istruttura organizzattiva stabbiliti biex jipproteġu l-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni; u (b) wara li jkollhom aċċess għall-informazzjoni, joħorġu klassifikazzjonijiet fuq bażi annwali għal ta’ lanqas 10 % tal-istrumenti finanzjarji strutturati li intalbet l-informazzjoni dwarhom (12). Il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiddefinixxi b’mod iktar ċar, l-ewwel nett, il-metodu ta’ verifika mill-AETS tal-konformità ma’ dawn il-kriterji, it-tieni nett, il-metodu ta’ kalkolu applikat għall-verifika tal-konformità mat-tieni kriterju (13) u t-tielet nett, is-sitwazzjonijiet fejn in-nuqqas ta’ konformità mat-tieni kriterju jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet (14).

6.

Barra minn hekk, il-BĊE jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin biex jindirizza l-kwistjonijiet speċifikati fil-paragrafu 3.

L-ewwel nett, AKK għandhom ikunu meħtieġa li jirrapportaw kull sitt xhur lill-AETS dejta fuq in-numru ta’ klassifikazzjonijiet ta’ kreditu li ħarġu f’perijodu partikolari, u jaqsmuhom biex juru: (a) il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu mitluba minn entità klassifikata jew parti terza relatata; u (b) klassifikazzjonijiet ta’ kreditu mhux mitlubin, flimkien mad-dejta li tindika l-proporzjon ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu mhux mitlubin li kienu ogħla, daqs jew inqas mill-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu rilevanti maħruġin mill-AKK maħtura rilevanti. Dan ir-rappurtar għandu jiġi inkluż fl-iżvelar perjodiku magħmul mill-AKK lill-AETS (15).

It-tieni nett, AETS għandha tingħata l-inkarigu li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Artikoli 8a u 8b ġodda proposti biex jiġu identifikati: (a) l-impatt ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fuq l-ammont u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu maħruġin, inklużi klassifikazzjonijiet ta’ kreditu mhux mitlubin; (b) kull ħtieġa possibbli biex jiġu emendati l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal AKK mhux maħtura, sabiex jiġu evitati ostakoli eċċessivi għad-dħul fis-suq; (ċ) l-oneru impost fuq l-emittenti; u (d) kull ħtieġa possibbli biex l-emittenti jiġu protetti kontra l-użu ħażin tal-informazzjoni provduta minnhom lill-AKK mhux maħtura. Rapport mill-AETS għandu jkun il-bażi għall-verifika tal-Kummissjoni tal-Artikolu 8a u 8b proposti fil-perijodu speċifikat wara d-dħul fis-seħħ tagħhom.

Għoti ta’ informazzjoni lill-AETS u lill-Eurosistema

7.

Il-BĊE jinnota li l-AKK ser ikunu meħtieġa li jipprovdu d-dejta tal-prestazzjoni storika tagħhom lil maħżen ċentrali stabbilit mill-AETS (16). Il-BĊE jirrakkomanda li din id-dejta għandha tkun f’format paragunabbli, u konsistenti mal-qafas statistiku tal-Unjoni. Identifikaturi u standards komuni għandhom jintużaw kemm jista’ jkun fl-istrutturar u l-ħażna tad-dejta (eż. permezz ta’ informazzjoni ta’ referenza standardizzata bħal kodiċijiet ISIN).

8.

Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2008, il-qafas ġdid għar-regolamentazzjoni tal-AKK għandu jippermetti għal livell xieraq ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajaiet superviżorji u l-Eurosistema. L-Eurosistema għandha interess qawwi fil-qasam tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, relatat mar-rwol ta’ stabbilità finanzjarja tagħha. Barra minn hekk, qafas mal-Eurosistema kollha għas-sorveljanza tal-AKK fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja huwa stabbilit diġà (17). Għaldaqstant, il-BĊE japprezza l-arranġamenti għall-iskambju ta’ informazzjoni li hemm fl-Artikolu 27 ġdid propost tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, il-BĊE jirrakkomanda li din id-dispożizzjoni għandha tiżgura espressament l-aċċess mis-SEBĊ u l-BĊE, kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istati Membri speċifikati, għall-informazzjoni rilevanti għall-eżerċizzju tal-ħidmiet statutorji tagħhom.

Proposti għall-abbozzar

Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jigi emendat, proposta ta’ abbozzar speċifika tidher fl-Anness akkumpanjata b’test spjegattiv f’dan is-sens

Magħmula fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Novembru 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2010) 289 final.

(2)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(3)  Settembru 2008 (minn issa ’l quddiem il-“kontribuzzjoni tal-Eurosistema 2008”), disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE f’ http://www.ecb.europa.eu

(4)  ĠU C 115, 20.5.2009, p. 1.

(5)  p.4.

(6)  ĠU L 239M , 10.9.2010, p. 1–200.

(7)  Ara l-Artikolu 1(4) tar-regolament propost.

(8)  Ara l-emenda għar-Regola 17g-5 tat-Taqsima 240 tas-Securities Exchange Act 1934 (Att dwar l-Iskambju ta’ Titoli), SEC Release No 34-61050 (tat-23 ta’ Novembru 2009), Federal Register Vol. 74 (Reġistru Federali), No 232, p. 63832 (tal-4 ta’ Diċembru 2009) (minn hawn ’il quddiem “ir-regola SEC 240.17g-5 emendata”); disponibbli fuq is-sit elettroniku tas-SEC f’ http://www.sec.gov Ir-regola SEC 240.17g-5 emendata tapplika għal emittenti tal-US mit-2 ta’ Ġunju 2010 u ser tapplika għal emittenti mhux tal-US li jaħtru AKK bbażata fil-US mit-2 ta’ Diċembru 2010; ara wkoll l-“Ordni tad-19 ta’ Mejju 2010 tas-SEC li tagħti eżenzjoni kundizzjonata temporanja lil organizzazzjonijiet li jikklassifikaw l-istatistika rikonoxxuti nazzjonalment mir-rekwiżiti tar-regola 17g-5 emendata taħt is-Securities Exchange Act tal-1934 u talba għal kumment” (Release No 34-62120), disponibbli fuq is-sit elettroniku tas-SEC).

(9)  Qabbel il-kliem preżenti tar-regolament propost ma’ dak tal-proposta ta’ kompromess tal-Presidenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, 2010/0160 (COD), p. 17.

(10)  Ara iktar kummenti fil-paragrafu 5.

(11)  Ara iktar kummenti fil-paragrafu 6.

(12)  Ara l-Artikolu 8a(2) ġdid propost tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(13)  Qabbel l-abbozzar preżenti mal-Artikolu (a)(3)(iii)(B)(1) tar-regola SEC 240.17g-5.

(14)  Ara l-Artikoli 24(1) u 36a(1) ġodda proposti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, flimkien mat-Taqsima I(w) proposta tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(15)  Ara l-Artikolu 11(3) ġdid propost tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, flimkien mal-Parti II, Taqsima E tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(16)  Ara l-Artikolu 11(2) ġdid tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(17)  Ara l-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2008, p. 5 u t-Taqsima 6.3 (“Qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema”) tal-Anness I tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti tal-politika monetarja u l-procedura tal-Ewrosistema, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1 p. 268 sa 274.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

It-tielet premessa (ġdida)

L-ebda test.

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,”

Ġustifikazzjoni

Billi l-BĊE huwa meħtieġ li jiġi kkonsultat fuq ir-regolament propost taħt l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat, għandha tiddaħħal referenza f’dan is-sens fir-regolament propost skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 tat-Trattat, li jgħid li atti legali għandhom jirriferu, inter alia, għall-opinjonijiet meħtieġa mit-Trattati.

Emenda 2

Premessa 5, premessi 11a u 16a (ġdida)

“(5)

Sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni bejn l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, sabiex jiġu evitati kunflitti possibbli ta’ interess taħt il-mudell fejn l-emittent iħallas, li huma partikolarment virulenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ strumenti finanzjarji strutturati, u biex tisseddaq it-trasparenza u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet għal strumenti finanzjarji strutturati, aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati jew iċċertifikati għandu jkollhom id-dritt għal aċċess għal lista ta’ strumenti finanzjarji strutturati li jkun qed jiġu kklassifikati mill-kompetituri tagħhom. L-informazzjoni għal din il-klassifikazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-emittent jew minn parti terza relatata sabiex b’hekk jinħarġu klassifikazzjonijiet mhux mitluba li jkunu qed jikkompetu ma’ xulxin dwar strumenti finanzjarji strutturati. Il-ħruġ ta’ tali klassifikazzjonijiet mhux mitluba għandu jippromwovi l-użu ta’ aktar minn klassifikazzjoni waħda għal kull strument finanzjarju strutturat. Aċċess għas-siti elettroniċi għandu jingħata biss jekk aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tkun tista’ tiżgura l-kunfidenzjalità tat-tagħrif mitlub.”

“(5)

Il-klassifikazzjoni ta’ strumenti finanzjarji strutturati jistgħu jkunu affettwati b’mod partikolari b’kunflitti ta’ interess relatati mal-mudell fejn l-emittent iħallas, ,. Biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, għandha tissaħħaħ il-kompetizzjoni bejn l-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu permezz tal-ħolqien ta’ inċentivi għall-użu ta’ klassifikazzjonijiet ta’ kreditu multipli u għalhekk biex tisseddaq it-trasparenza u -kwalità tal-proċess ta’ klassifikazzjoni Għalhekk, aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati jew iċċertifikati għandu jkollhom id-dritt għal aċċess għal lista ta’ strumenti finanzjarji strutturati li jkun qed jiġu kklassifikati mill-kompetituri tagħhom. L-informazzjoni għal din il-klassifikazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-emittent jew minn parti terza relatata sabiex b’hekk jinħarġu klassifikazzjonijiet mhux mitluba li jkunu qed jikkompetu ma’ xulxin dwar strumenti finanzjarji strutturati. Aċċess għas-siti elettroniċi għandu jingħata biss jekk aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tkun tista’ tiżgura l-kunfidenzjalità tat-tagħrif mitlub. L-AETS għandha tingħata l-inkarigu biex tissorvelja l-implimentazjoni ta’ dawn l-arranġamenti ta’ trasparenza u biex tħejji rapport li janalizza l-impatt prattiku tagħhom fuq il-prattika li joħorġu klassifikazzjonijiet ta’ kreditu u l-bżonn għal kwalunkwe aġġustament.

(11a)

Biex tkun tista’ ssir sorveljanza effettiva mill-AETS, l-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu għandhom jipprovdu f’maħżen ċentrali stabbilit mill-AETS informazzjoni fuq id-dejta dwar il-prestazzjoni storika tagħhom. Dan għandu jkun f’format li huwa konsistenti mal-qafas statistiku tal-Unjoni u li jiffaċilita paraguni diretti bejn id-dejta storika provduta minn aġenziji differenti li jikklassifikaw il-kreditu. Barra minn hekk, biex jiġi ssalvagwardat il-funzjonament xieraq tal-prattika li jsiru klassifikazzjonijiet tal-kreditu mhux mitlubin, l-iżvelar perjodiku magħmul mill-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu lill-AETS għandu jinkludi informazzjoni speċifikata dwar il-ħruġ ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet.

(16a)

L-awtoritajiet superviżorji kompetenti, banek ċentrali tal-Istati Membri, is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità tagħhom ta’ awtoritajiet monetarji, il-Bord tar-Riskju Sistemiku Ewropew u, meta jkun xieraq, awtoritajiet tal-Istati Membri oħrajn responsabbli biex jissorveljaw is-sistemi ta’ ħlas u tas-saldu, għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tkun inġabret mill-AETS minn aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu li hija rilevanti għall-eżerċizzju tal-ħidmiet tagħhom.

Ġustifikazzjoni

Ara l-paragrafi 5 sa 8 tal-opinjoni. Dawn l-emendi huma relatati mal-emendi 3 sa 7.

Emenda 3

L-Artikolu 1(4) tar-regolament propost

“4.   Jiddaħħlu l-Artikoli 8a u 8b li ġejjin:

Artikolu 8a

Informazzjoni dwar strumenti finanzjarji strutturati

2.

Meta aġenziji oħra li jikklassifikaw il-kreditu rreġistrati jew iċċertifikati skont dan ir-Regolament jitolbu aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom jingħataw aċċess mingħajr dewmien sakemm ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikollhom is-sistemi u l-istruttura organizzattiva stabbiliti biex jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni;

(b)

jipprovdu klassifikazzjonijiet fuq bażi annwali għal tal-anqas 10% tal-istrumenti finanzjarji strutturati li għalihom jitolbu aċċess għal informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

…’ ”

“4.   Jiddaħħlu l-Artikoli 8a u 8b u 8c li ġejjin:

Artikolu 8a

Informazzjoni dwar strumenti finanzjarji strutturati

2.

Meta aġenziji oħra li jikklassifikaw il-kreditu rreġistrati jew iċċertifikati skont dan ir-Regolament jitolbu aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom jingħataw aċċess mingħajr dewmien sakemm ikunu ngħataw l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2b.:

(a)

2a.

Aġenzija li tikklassifika l-kreditu li, skont il-paragrafu 2, ikollha aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għal iktar minn 10 strumenti finanzjarji strutturati f’sena waħda kalendarja għandha toħroġ, fl-istess sena kalendarja, klassifikazzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward ta’ mill-inqas 10 % tal-istrumenti finanzjarji strutturati li fir-rigward tagħhom kellha aċċess għall-informazzjoni.

2b.

L-AETS għandha tivverifika fuq bażi annwali jekk l-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu reġistrati jew ċertifikati skont dan ir-Regolament jikkonformawx mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollhom sistemi u strutturi organizzattivi stabbiliti biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1; u

(b)

jikkonformaw, fis-sena kalendarja ta’ qabel, mal-obbligu speċifikat fil-paragrafu 2a.

Jekk l-eżitu tal-verifika huwa pożittiv, l-AETS għandha toħroġ awtorizzazzjoni li tippermetti l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li għandha tkun valida għal perijodu ta’ 12-il xahar.

Artikolu 8c

Reviżjoni

1.

Qabel l-1 ta’ April 2012, l-AETS għandha tħejji rapport li janalizza l-esperjenza miksuba fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 8a u 8b. Ir-rapport għandu jindirizza b’mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin: (a) l-impatt ta’ dawk l-Artikoli fuq l-ammont u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu maħruġin, inklużi klassifikazzjonijiet ta’ kreditu mhux mitlubin; (b) kull ħtieġa biex jiġu emendati l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 8a(2), sabiex jiġu evitati ostakoli eċċessivi għad-dħul fis-suq; (ċ) l-oneru impost fuq l-emittenti mill-Artikolu 8a(1); u (d) kull ħtiega biex l-emittenti jiġu protetti kontra l-użu ħazin tal-informazzjoni pprovduta minnhom lill-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li ma tkunx aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li jkunu ħatru.

2.

Wara s-sottomissjoni mill-AETS tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tressaq proposti biex jiġu emendati l-Artikoli 8a u 8b.’ ”

Ġustifikazzjoni

Ara l-paragrafi 5 sa 6 tal-opinjoni.

Emenda 4

L-Artikolu 1(7) tar-regolament propost

“7.   Fl-Artikolu 11, il-paragrafi 2 and 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

‘2.   Agenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tagħmel disponibbli f’maħżen ċentrali stabbilit mill-AETS informazzjoni dwar id-dejta tal-prestazzjoni storika taghha, inkluża l-frekwenza tat-tranżizzjoni tal-klassifikazzjonijiet u informazzjoni dwar klassifikazzjonijiet tal-kreditu mahruga fil-passat u dwar il-bidliet fihom. L-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tipprovdi informazzjoni lil dak il-maħżen fuq formola standard kif provduta mill-AETS. L-AETS għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u għandha tippubblika informazzjoni fil-qosor dwar l-izviluppi ewlenin osservati fuq bazi annwali.

….’ ”

“7.   Fl-Artikolu 11, il-paragrafi 2 and 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

‘2.   Aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tagħmel disponibbli f’maħżen ċentrali stabbilit mill-AETS informazzjoni dwar id-dejta tal-prestazzjoni storika tagħha, inkluża l-frekwenza tat-tranżizzjoni tal-klassifikazzjonijiet u informazzjoni dwar klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa fil-passat u dwar il-bidliet fihom. Aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tipprovdi informazzjoni lil dak il-maħżen fuq formola standard li għandha tigi pprovduta mill-AETS f’format li huwa konsistenti mal-qafas statistiku tal-Unjoni u li jiffaċilita, permezz tal-uzu ta’ identifikaturi u standards komuni, paraguni diretti bejn dejta storika provduta minn aġenziji differenti li jikklassifikaw il-kreditu. L-AETS għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u għandha tippubblika informazzjoni fil-qosor dwar l-izviluppi ewlenin osservati fuq bażi annwali.

…’ ”

Ġustifikazzjoni

Ara l-paragrafu 7 tal-opinjoni.

Emenda 5

L-Artikolu 1(17) tar-regolament propost

“17.   L-Artikoli 26 u 27 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

‘…

Artikolu 27

Skambju ta’ informazzjoni

(2)

(2) L-AETS tista’ tibgħat lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-imprizi msemmija fl-Artikolu 4(1), lill-banek ċentrali, lis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u lill-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u, fejn xieraq, lill-awtoritajiet pubbliċi l-oħrajn responsabbli mis-sorveljanza tas-sistemi tal-ħlasijiet u tas-soluzzjoni tat-tilwim, informazzjoni kunfidenzjali maħsuba għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Bl-istess mod, tali awtoritajiet jew korpi ma għandhomx jitwaqqfu milli jgħaddu lill-AETS, informazzjoni li l-AETS tista’ tkun teħtieġ għat-twettiq tad-dmiriijet tagħha skont dan ir-Regolament.’ ”

“17.   L-Artikoli 26 u 27 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

‘…

Artikolu 27

Skambju ta’ informazzjoni

(2)

(2) L-AETS għandha tibgħat lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-imprizi msemmija fl-Artikolu 4(1), lill-banek ċentrali tal-Istati Membri, lis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u lill-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, lill-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku u, fejn xieraq, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħrajn responsabbli mis-sorveljanza tas-sistemi tal-ħlasijiet u tas-soluzzjoni tat-tilwim, informazzjoni kunfidenzjali maħsuba għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Bl-istess mod, tali awtoritajiet jew korpi ma għandhomx jitwaqqfu milli jgħaddu lill-AETS, informazzjoni li l-AETS tista’ tkun teħtieġ għat-twettiq tad-dmiriijet tagħha skont dan ir-Regolament.’ ”

Ġustifikazzjoni

Ara l-paragrafu 8 tal-opinjoni.

Emenda 6

Punt 3 tal-Anness I tar-regolament propost (gdid)

L-ebda test.

3.

Fil-Parti II tat-Taqsima E, il-punt 1 jinbidel b’dan li ġej:

1.

kull sitt xhur:

(a)

dejta dwar ir-rati ta’ inadempjenza storiċi tal-kategoriji ta’ klassifikazzjoni tagħha, li tiddistingwi bejn iż-żoni ġeografiċi prinċipali tal-emittenti u jekk ir-rati tan-nuqqasijiet ta’ ħlas ta’ dawn il-kategoriji nbidlux matul iż-żmien; u

(b)

dejta fuq in-numru ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu li tkun ħarget f’perijodu partikolari ta’ rappurtar, maqsuma biex turi: (i) il-klassifikazzjoni tal-kreditu mitluba minn entità klassifikata jew parti terza relatata; u (ii) klassifikazzjonijiet ta’ kreditu mhux mitlubin, flimkien mad-dejta li tindika l-proporzjon ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu mhux mitlubin li kienu oghla, daqs, jew inqas mill-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu rilevanti maħruġin mill-aġenzija ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu maħtura minn entità klassfikata jew parti terza relatata.’

…”

Ġustifikazzjoni

Ara l-paragrafu 6 tal-opinjoni.

Emenda 7

Anness II tar-regolament propost

“L-Anness III li ġej għandu jizdied mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009:

SANZJONIJIET

Ksur

I.   Ksur relatat ma’ kunflitti ta’ interess, rekwiżiti organizzattivi jew operattivi

(w)

L-AKK tikser l-Artikolu 8a(2)(b) meta tonqos milli tipprovdi, fuq bażi ta’ kull sena, klassifikazzjonijiet għal tal-anqas 10 % tal-istrumenti finanzjarji strutturati li għalihom tkun talbet aċċess għall-informazzjoni fuq is-sit elettroniku ipprovdut mill-emittent jew parti terza relatata.

…’ ”

“L-Anness III li ġej għandu jizdied mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009:

SANZJONIJIET

Ksur

I.   Ksur relatat ma’ kunflitti ta’ interess, rekwiżiti organizzattivi jew operattivi

(w)

L-AKK tikser l-Artikolu 8a(2) meta , f’sena kalendarja partikolari jkollha aċċess għall-informazzjoni fuq iktar minn 10 strumenti finanzjarji strutturati fuq sit elettroniku jew siti elettroniċi pprovduti bis-sahha tal-Artikolu 8a(2) imma tkun naqset milli toħrog klassifikazzjonijiet ta’ kreditu għal tal-anqas 10 % tal-istrumenti finanzjarji strutturati li għalihom kellha aċċess għal din l-informazzjoni .

…’ ”

Ġustifikazzjoni

Ara l-paragrafu 5 tal-opinjon.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar (strikethrough) fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jitħassar test.


Fuq