EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52008AB0077

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 25 ta' Novembru 2008 dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilitá li tipprovdi assistenza finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-ħlasijiet ta' l-Istati Membri (CON/2008/77)

ĠU C 328, 23.12.2008, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 328/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta' Novembru 2008

dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilitá li tipprovdi assistenza finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-ħlasijiet ta' l-Istati Membri

(CON/2008/77)

(2008/C 328/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-12 ta' Novembru 2008 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill ta' l-UE għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilitá li tipprovdi assistenza finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-ħlasijiet ta' l-Istati Membri (1) (minn issa 'l quddiem “ir-regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata skond l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea billi l-BĊE jamministra s-self mogħti taħt din il-faċilitá. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

Ir-regolament fis-seħħ bħalissa (2), adottat fi Frar 2002, naqqas il-limitu massimu ta' EUR 16 biljun fir-regolament ta' qabel għal EUR 12 biljun (3). Il-BĊE iqis li, fiċ-ċirkustanzi finanzjarji preżenti, x'aktarx huma aktar l-Istati Membri barra ż-żona ta' l-euro li jitolbu assistenza taħt il-faċilitá ta' assistenza finanzjarja għal żmien medju (MTFA) milli kif kien previst qabel, u t-talbiet tagħhom għal assistenza x'aktarx jinvolvu ammonti ħafna ogħla milli kien antiċipat fl-2002. Għalhekk, il-BĊE huwa ta' l-opinjoni li, minħabba żviluppi ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali, it-talba potenzjali għal assistenza tista' taqbeż il-limitu massimu kurrenti ta' EUR 12 biljun. Għalhekk jinkoraġġixxi żieda fil-limitu massimu għal EUR 25 biljun sabiex jippermetti lill-Komunitá tirrispondi għal talbiet potenzjali għal assistenza finanzjarja.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

Proċedura biex jiġi emendat il-limitu massimu tal-faċilitá

Il-proposta tintroduċi paragrafu ġdid 3 fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jsaħħaħ il-Kummissjoni biex tirrevedi l-limitu massimu wara li tkun irċeviet l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC) fir-rigward tal-bżonn urġenti biex jiġi rrevedut il-limitu massimu kif ukoll fir-rigward tal-limitu massimu rrevedut innifsu. Il-BĊE għandu tħassib serju dwar kemm il-proċedura proposta hija adattata. Min-naħa 'l waħda huwa tal-fehma li l-urġenza ma tiġġustifikax l-introduzzjoni ta' din il-proċedura ġdida. B'mod partikolari, minħabba li huwa ppjanat li dan ir-regolament propost jiġi adottat fi skadenza vera qasira, jidher ċar li l-Kunsill se jkun ukoll f'pożizzjoni li jgħolli l-limitu massimu fi skadenza vera qasira fil-futur. Min-naħa 'l oħra, il-BĊE jinsab dubjuż dwar il-legalita' tad-delegazzjoni ta' din is-setgha lill-Kummissjoni (4). Għalhekk, il-BĊE jiffavorixxi li jħassar l-introduzzjoni ta' din il-proċedura ġdida f'dan ir-Regolament. Dan il-metodu huwa wkoll issuġġerit mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fuq din il-kwistjoni (5) u kien previst matul ix-xogħol preparatorju fuq ir-regolament propost mill-Kunsill.

3.   Proposti t'abbozzar

Meta l-parir ta' hawn fuq iwassal għal tibdiliet fir-regolament propost, qed jingħataw proposti t'abbozzar fl-Anness.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fil-25 Novembru 2008.

Il-Viċi-President tal-BĊE

Lucas D. PAPADEMOS


(1)  COM(2008) 717 finali/2.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilitá li tipprovdi assistenza finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-ħlasijiet ta' l-Istati Membri, (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).

(3)  Il-faċilitá skond ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 issostitwixxiet il-faċilitá skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1969/88 ta' l-24 ta' Ġunju 1988 li jistabbilixxi faċilitá waħda li tipprovdi assistenza finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-ħlasijiet ta' l-Istati Membri, (ĠU L 178, 8.7.1988, p. 1).

(4)  Li kieku l-Kunsill kellu jiddelega s-setgħa biex jiżdied il-limitu massimu lill-Kummissjoni, ikollu jagħmel dan skond l-Artikolu 202 tat-Trattat. Skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Kunsill jagħti setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni, dan jista' jimponi biss obbligi fir-rigward ta' l-eżerċizzju ta' dawn is-setgħat li huma stabbiliti minn qabel fid-“deċiżjoni tal-Komitoloġija” (Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni, ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23), ara l-Każ 25/70 ta' l-10 ta' Diċembru 1970Köster [1970] ECR 1161. Il-proċedura fejn tittieħed deċiżjoni tal-Kummissjoni wara l-konsultazzjoni tal-EFC m'hijiex waħda mill-proċeduri fid-deċiżjoni tal-Komitoloġija. Għalhekk, il-BĊE huwa tal-fehma li kieku kellu jitressaq xi każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni, ikun vera diffiċli biex wieħed jiddefendi l-legalitá ta' din id-delegazzjoni tas-setgħat.

(5)  Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Novembru 2008 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilitá li tipprovdi assistenza finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-ħlasijiet ta' l-Istati Membri, P6_TA(2008)0560.


ANNESS

Proposti t'abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE

Emenda 1

Recital 2 tar-regolament propost

Għandha tiġi prevista proċedura ad hoc għal reviżjonijiet futuri ta' dak il-limitu massimu, bil-għan li tittejjeb il-kapaċita' tal-Komunita' biex tirrispondi malajr għal tibdiliet kbar fil-klima finanzjarja li jaffettwaw l-ammont totali ta' għajnuna li l-Istati Membri jistgħu jiġu bżonn.

[Tħassir]

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2 ta' l-opinjoni

Emenda 2

Artikolu 1, it-tieni inċiż, tar-regolament propost

Jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

'Meta deterjorazzjoni serja tal-klima finanzjarja titlob għal assistenza finanzjarja mill-Komunita`, urġenti u għal żmien medju, lil bosta Stati Membri, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi dwar reviżjoni tal-limitu massimu wara li tkun irċeviet l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fir-rigward ta' kemm hemm bżonn urġenti biex tirrevedi l-limitu massimu u l-limitu massimu rrevedut innifsu. Il-limitu massimu l-ġdid għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak li fih jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.'

[Tħassir]

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2 ta' l-opinjoni


Fuq