EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52010AB0072

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta’ Ottubru 2010 dwar żewġ proposti għal Regolamenti dwar it-trasport professjonali transkonfini ta’ flus kontanti bis-sewqan bejn Stati Membri taż-żona euro (CON/2010/72)

ĠU C 278, 15.10.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 278/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta’ Ottubru 2010

dwar żewġ proposti għal Regolamenti dwar it-trasport professjonali transkonfini ta’ flus kontanti bis-sewqan bejn Stati Membri taż-żona euro

(CON/2010/72)

2010/C 278/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-6 ta’ Settembru 2010, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasport professjonali transkonfini ta’ flus kontanti bis-sewqan bejn Stati Membri taż-żona euro (1) (minn hawn ‘il quddiem, ir-“regolament propost”). Fl-20 ta’ Settembru 2010, il-BĊE rċieva wkoll talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar ir-regolament propost. Fis-27 ta’ Settembru 2010, il-BĊE rċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jirrigwarda l-estensjoni tal-firxa ta’ Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru xx/yy dwar it-trasport professjonali transkonfini ta’ flus kontanti bis-sewqan bejn Stati Membri taż-żona euro (2) (minn hawn “il quddiem ir-regolament propost għall-estensjoni”) (minn hawn ‘il quddiem flimkien imsejħin ir-“regolamenti proposti”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress illi r-regolamenti proposti fihom dispożizzjonijiet dwar it-trasport transkonfini tal-karti tal-flus tal-euro u huwa l-Kunsill Governattiv tal-BĊE li għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Ir-regolamenti proposti għandhom jimmassimizzaw il-benefiċċji tal-aċċess mill-bogħod għal servizzi ta’ flus kontanti tal-banek ċentrali nazzjonali billi jagħmlu ċ-ċirkolazzjoni u t-trasport ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro bejn Stati Membri taż-żona euro ħielsa kemm jista’ jkun. Dan huwa importanti peress illi l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro biss huma valuta legali fi ħdan iż-żona euro (3).

Il-kunċett ta’ valuta legali huwa wkoll ta’ importanza partikolari fir-rigward tal-użu ta’ “Sistemi Intelliġenti għall-Invalidazzjoni tal-Karti tal-Flus”, kif definiti mir-regolament propost. Bħala l-awtorità li għandha d-dritt esklussiv li tawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro li huma valuta legali, il-BĊE jinnota illi karti tal-flus tal-euro “invalidati” jżommu l-istat tagħhom bħala valuta legali u li dan diġà ġie aċċettat mill-Kummissjoni (4).

Fir-rigward tar-regolament propost għall-estensjoni li jikkonċerna Stati Membri li mhumiex fiż-żona euro, il-BĊE jappoġġja l-kontinwazzjoni tal-prattika diġà stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat (5). Aktar speċifikament, id-dispożizzjonijiet kollha tar-regolament propost għandhom jiġu estiżi għal dawn l-Istati Membri. Stati Membri li mhumiex fiż-żona euro ma jistgħux ikunu “Stati Membri tal-oriġini” jew “Stati Membri ospitanti” fis-sens tar-regolament propost. Barra minn hekk, huma għandhom ikunu eliġibbli sabiex isiru “Stati Membri maqsumin”; jekk dan mhuwiex il-każ, tkun qed issir diskriminazzjoni mhux xierqa kontra Stati Membri taż-żona euro li jista’ jsir aċċess għalihom biss permezz ta’ toroq li jaqsmu Stati Membri li mhumiex fiż-żona euro.

Fejn il-BĊE jirrikkmanda illi r-regolamenti proposti jiġu emendati, qed jiġu stabbiliti għal dan il-għan fl-Anness proposti speċifiċi għall-abbozzar flimkien ma’ test ta’ spjega.

Magħmula fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Ottubru 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  COM(2010) 377 finali.

(2)  COM(2010) 376 finali.

(3)  Ara t-tielet sentenza tal-Artikolu 128 (1) tat-Trattat.

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (ĠU L 83, 30.3.2010, p. 70).

(5)  Ara l-Opinjoni tal-BĊE CON/2006/35 tal-5 ta’ Lulju 2006 fuq it-talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar żewġ proposti ta’ Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”), (ĠU C 163, 14.7.2006, p. 7).


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Artikolu 1(f) tar-regolament propost

“(f)

‘Stat Membru maqsum’ tfisser Stat(i) Membru(i) parteċipanti jew bosta minbarra l-Istat Membru tal-oriġini tal-kumpanija li għandu jinqasam mill-vettura li tkun qed tittrasporta l-flus jew biex tilħaq l-Istat(i) Membru(i) ospitanti jew sabiex jerġgħu lura għall-Istat Membru tal-oriġini.”

“(f)

‘Stat Membru maqsum’ tfisser Stat Membru(i) jew bosta minbarra l-Istat Membru tal-oriġini tal-kumpanija li għandu jinqasam mill-vettura li tkun qed tittrasporta l-flus jew biex tilħaq l-Istat(i) Membru(i) ospitanti jew sabiex jerġgħu lura għall-Istat Membru tal-oriġini.”

Spjegazzjoni

Filwaqt li huwa ċar illi l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru ospitanti jridu jkunu Stati Membri parteċipanti, huwa possibbli illi vettura li tkun qed tittrasporta l-flus jista’ jkollha wkoll taqsam it-territorju ta’ Stat Membru li mhuwiex parteċipanti sabiex tilħaq Stat Membru ospitanti. Ma tistax tkun l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teskludi Stati Membri parteċipanti mdawrin minn Stati Membri li mhumiex parteċipanti mill-firxa tal-applikazzjoni tar-regolament propost.

Il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru maqsum għandha dejjem tiġi rrispettata, skont l-Artikolu 6(1) tar-regolament propost.

Emenda 2

Artikolu 2(1) u (2) tar-regolament propost

“1.   It-trasport ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro li jinġarru għal u bejn Banek Ċentrali, stamperiji ta’ karti tal-flus u/jew Zekek ta’ Stati Membri parteċipanti u li huwa skortat mill-militar jew mill-pulizija għandu jkun eskluż mill-firxa ta’ dan ir-Regolament.

2.   It-trasport ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro li jinġarru għal u bejn Banek Ċentrali jew Zekek ta’ Stati Membri parteċipanti u li huwa skortat mill-militar jew mill-pulizija jew minn persunal tas-sigurtà privata f’vetturi separati għandu jkun eskluż mill-firxa ta’ dan ir-Regolament.”

“1.   It-trasport ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro illi:

(a)

isir għal u bejn BĊNi, jew bejn stamperiji ta’ karti tal-flus u/jew Zekek ta’ Stati Membri parteċipanti u l-BĊNi relevanti; u

(b)

huwa skortat mill-militar jew mill-pulizija

għandu jkun eskluż mill-firxa ta’ dan ir-Regolament.

2.   It-trasport ta’ muniti tal-euro biss illi:

(a)

isir għal u bejn BĊNi, jew bejn Zekek ta’ Stati Membri parteċipanti u l-BĊNi relevanti; u

(b)

huwa skortat mill-militar jew mill-pulizija jew minn persunal tas-sigurtà privata f’vetturi separati

għandu jkun eskluż mill-firxa ta’ dan ir-Regolament.”

Spjegazzjoni

It-terminu “NCB” huwa definit fil-Premessa 1 tar-regolament propost, iżda ma ntużax hawn. Barra minn hekk, it-trasport ta’ karti tal-flus jew muniti tal-euro bejn BĊN u stamperija/zekka isir dejjem f'isem il-BĊN li jkun ordna l-karti tal-flus jew il-muniti rilevanti.

Emenda 3

Artikolu 1 tar-regolament propost għall-estensjoni

“Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) xx/yy għandu japplika għat-territorju ta’ Stat Membru illi għadu m'adottax l-euro sa mid-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill meħuda skont l-Artikolu 140(20 tat-Trattat biex tħassar d-deroga tiegħu mill-parteċipazzjoni fl-euro.”

L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) xx/yy għandha tiġi estiża għall-Istati Membri illi l-munita tagħhom hija l-euro.

Sabiex jiġi evitat kull dubju, sa mid-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill meħuda skont l-Artikolu 140(20 tat-Trattat biex tħassar id-deroga ta’ Stat Membru mill-parteċipazzjoni fl-euro, l-Istat Membru relevanti jista’ jkun ukoll ‘Stat Membru ospitanti’ kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) xx/yy.

Spjegazzjoni

Filwaqt li huwa ċar illi l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru ospitanti jridu jkunu Stati Membri parteċipanti, huwa ġeografikament possibbli illi l-vettura li tkun qed tittrasporta l-flus jista’ jkollha wkoll taqsam Stati Membri li mhumiex parteċipanti sabiex tilħaq Stat Membru ospitanti. Ma tistax tkun l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teskludi Stati Membri parteċipanti mdawrin minn Stati Membri li mhumiex parteċipanti mill-firxa tal-applikazzjoni tar-regolament propost.

Għall-perijodu bejn ir-revoka tad-deroga ta’ Stat Membru u l-introduzzjoni tal-euro f’dak l-Istat Membru, dak l-Istat Membru li jkun qed jissieħeb għandu jitħalla jsir “Stat Membru ospitanti”.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.


Fuq