EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52009AB0088

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 26 ta’ Ottubru 2009 fuq proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b’kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (CON/2009/88)

ĠU C 270, 11.11.2009, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta’ Ottubru 2009

fuq proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b’kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

(CON/2009/88)

2009/C 270/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-6 ta’ Ottubru 2009 l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni fuq: (1) proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”); u (2) proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b’kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2) (minn hawn ’il quddiem id-“deċiżjoni proposta”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni fuq ir-regolament propost huwa bbażat fuq l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla ostakoli ta’ kull politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti relatata mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 105(5) tat-Trattat. Fir-rigward tad-deċiżjoni proposta, il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 105(6) tat-Trattat. Billi ż-żewġ testi jirrigwardaw it-twaqqif, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), u minkejja l-proċedura leġislattivi distinti li japplikaw għal dawn it-testi, il-BĊE adotta, għas-sempliċità, opinjoni waħda fuq iż-żewġ proposti.

L-osservazzjonijiet li hawn f’din l-opinjoni huma mingħajr preġudizzju għall-opinjoni tal-BĊE fil-futur fuq it-tliet abbozzi ta’ proposti għal Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (3) li jiffurmaw parti mill-pakkett leġislattiv adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Settembru 2009 li jirriforma s-superviżjoni finanzjarja Ewropea.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

In ġenerali l-BĊE jappoġġa r-regolament u d-deċiżjoni proposta mill-Kummissjoni, li huma mmirati biex jistabbilixxu korp ġdid responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali fl-UE, jiġifieri l-BERS. Fil-fehma tal-BĊE, il-kriżi finanzjarja riċenti wriet il-bżonn biex jissaħħaħ l-approċċ makroprudenzjali għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-sistema finanzjarja fil-kumpless tagħha. Uriet ukoll il-bżonn biex jiġu vvalutati d-diversi sorsi ta’ riskju sistemiku u l-konsegwenzi tagħhom għas-sistema finanzjarja b’mod komprensiv u f’waqtu. Il-BERS, meta jidentifika u jivvaluta r-riskji sistemiċi, billi joħroġ twissijiet bikrin u rakkomandazzjonijiet meta dawn ir-riskji huma sinjifikanti u bil-monitoraġġ tal-azzjonijiet sussegwenti, jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-istabilità tas-sistema finanzjarja tal-UE in ġenerali.

2.

Il-Kunsill tal-Ecofin tad-9 ta’ Ġunju 2009 kkonkluda li l-“BĊE għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS, billi jieħu wkoll parir tekniku mill-banek ċentrali nazzjonali u superviżuri.” Dan segwa r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport mill-Grupp ta’ Livell Għoli fuq is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE ppresedut minn Jacques de Larosière tal-25 ta’ Frar 2009 u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta’ Mejju 2009 li tissuġġerixxi li l-BĊE għandu jiżgura s-Segretarjat tal-BERS. Fit-18 u d-19 ta’ Ġunju il-Kunsill Ewropew innota li l-Komunikazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Ecofin ħejjew it-triq għall-quddiem għat-twaqqif ta’ qafas ġdid għas-superviżjoni makro u mikroprudenzjali u appoġġa l-ħolqien tal-BERS.

3.

Il-BĊE ddeċieda li huwa lest biex jiżgura s-Segretarjat tal-BERS u biex jappoġġa l-BERS u jissuġġerixxi li ssir referenza għal dan fil-premessa tar-regolament propost. Il-BĊE huwa ppreparat li jġib għall-benefiċċju tal-BERS, bil-parteċipazzjoni tal-membri kollha tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE, il-kompetenza makroekonomika, finanzjarja u monetarja tal-banek ċentrali nazzjonali kollha tal-UE. Din il-kontribuzzjoni ser tkun marbuta ma’ attivitajiet tal-BĊE u tal-BERS fl-oqsma tal-monitoraġġ tal-istabbiltà finanzjarja, analiżi makroekonomika, ġbir ta’ informazzjoni statistika u bis-sinerġiji kumplessivi fir-rigward ta’ kompetenza, riżorsi u infrastruttura fil-kuntest ta’ attivitajiet tal-banek ċentrali eżistenti fl-UE.

4.

L-involviment tal-BĊE u tas-SEBĊ fil-BERS mhux ser jibdel l-għan primarju tas-SEBĊ taħt l-Artikolu 105(1) tat-Trattat, li huwa li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota li l-attivitajiet ta’ appoġġ għall-BERS la ser jaffettwa l-indipendenza istituzzjonali, funzjonali u finanzjarja u lanqas it-twettiq tal-SEBĊ tal-ħidmiet tagħha taħt it-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ’il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’), partikolarment il-ħidmiet tagħha tal-istabbiltà finanzjarja u superviżjoni. (4)

5.

Fil-qasam tal-istatistika, il-BĊE huwa lest li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-BERS dwar l-ambjent makroekonomiku u makrofinanzjarju u għandu l-kompetenza teknika biex jagħmel dan. Dan jinkludi b’mod partikolari informazzjoni fuq kundizzjonijiet tas-suq u infrastrutturi tas-suq. Informazzjoni mikroprudenzjali ser tiġi pprovduta mit-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej ġodda.

Osservazzjonijiet specifici

6.

Fir-rigward tal-proċedura għall-ħruġ u l-azzjoni sussegwenti għat-twissijiet ta’ riskju u rakkomandazzjonijiet, il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ ir-regolament propost (5), li jipprovdi li t-twissijiet ta’ riskju u rakkomandazzjonijiet tal-BERS ser jiġu trasmessi direttament fl-indirizzi rispettivi, bi trasmissjoni parallela lill-Kunsill tal-Ecofin. It-tibdil f’dawn id-dispożizzjonijiet li jwasslu għal “mogħdija indiretta” għat-trasmissjoni ta’ twissijiet ta’ riskju u rakkomandazzjonijiet jimminaw l-effettività u l-puntwalità tar-rakkomandazzjonijiet kif ukoll l-indipendenza u l-kredibbiltà tal-BERS. Barra minn hekk, huwa importanti li dawn il-proċeduri dwar il-komunikazzjoni tal-BERS ma’ istituzzjonijiet u kumitati tal-UE oħrajn ma jtellfux it-twettiq effettiv u f’waqtu tal-ħidmiet tal-BERS.

7.

Fir-rigward tal-aspetti organizzattivi tal-BERS, il-BĊE jikkunsidra li huwa partikolarment importanti li l-kompożizzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-BERS jirrifletti b’mod adegwat dak tal-Bord Ġenerali tal-BERS. F’dan tal-aħħar, 29 membru votant ikunu bankiera ċentrali, filwaqt li erba’ membri votanti oħrajn ikunu membri tal-Kummissjoni u l-Presidenti tat-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej ġodda. Huwa essenzjali li l-kompożizzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tirrifletti dik tal-Bord Ġenerali biex jiġi żgurat li l-Kumitat jirrappreżenta l-Bord, li l-laqgħat tiegħu huwa intiż li jħejji. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ ħames membri tal-bank ċentrali (flimkien mal-President u l-Viċi President tal-BERS) flimkien ma’ erba’ membri oħrajn votanti ta’ hawn fuq huwa livell minimu biex jiġi żgurat bilanċ xieraq bħal dan flimkien ma’ rappreżentazzjoni suffiċjenti tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u mhux taż-żona tal-euro. Għaldaqstant, il-BĊE jappoġġa bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni li seba’ mit-tnax-il membru tal-Kumitat tat-Tmexxija jiġu mill-Kunsill Ġenerali tal-BĊE (6). Madankollu, billi l-kompożizzjoni taż-żona tal-euro ser tinbidel biż-żmien mhux konsiljabbli li f’att legali tiġi stabbilita allokazzjoni speċifika mmutabbli ta’ siġġijiet bejn banek ċentrali taż-żona tal-euro u mhux taż-żona tal-euro. Fl-aħħar nett, il-BĊE jappoġġa l-approċċ tal-Kummissjoni fejn il-President biss u l-BERS jagħtu direzzjonijiet lill-Kap tas-Segretarjat (7).

8.

Il-President u l-Viċi President tal-Bord Ġenerali tal-BERS għandhom jiġu eletti abbażi tal-istess proċeduri u mill-istess grupp ta’ membri votanti, billi l-Viċi President għandu jkun jista’ jieħu post il-President, jekk ikun meħtieġ. Għaldaqstant, il-Viċi President għandu jiġi elett ukoll, kif intqal fil-proposta tal-Kummissjoni, minn u fost il-membri tal-Bord Ġenerali li huma membri wkoll tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. Proċeduri differenti għall-elezzjoni ta’ President u Viċi President iżidu kumplikazzjonijiet għalxejn u jistgħu jagħtu l-impressjoni żbaljata li jirrappreżentaw gruppi differenti ġewwa l-BERS.

9.

Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Bord Ġenerali tal-BERS, il-BĊE jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li l-President u l-Viċi President tal-BĊE jkunu membri votanti tal-Bord Ġenerali tal-BERS. Dan huwa skont il-prinċipju li l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE jipprovdi l-bażi għall-membri votanti tal-Bord Ġenerali (8). Barra minn hekk, l-inklużjoni tal-Viċi President tal-BĊE jkun skont il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 li skont dawn, il-Viċi President jista’ jivvota fl-elezzjoni tal-President tal-BERS bħala membru tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. Fil-fatt, jekk ma jkunx membru tal-Bord Ġenerali tal-BERS, il-Viċi President ma jkunx jista’ jivvota f’din l-elezzjoni.

10.

Il-BERS huwa korp tal-Komunità, li l-ħidmiet tiegħu jikkonċernaw is-sistema finanzjarja tal-UE u jinkludu li jsiru rakkomandazzjonijiet u jittieħdu azzjonijiet xierqa biex jiġu indirizzati riskji sistemiċi u tiġi salvagwardata l-istabbiltà tas-sistema u li l-membri tiegħu jiġu mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea; għaldaqstant, il-kostitwenza tal-BERS għandha tkun l-UE. Madankollu, minħabba l-importanza sistemika ta’ ċerti pajjiżi Ewropej mhux fl-UE għas-sistema finanzjarja tal-UE, jista’ jiġi kkunsidrat xieraq li jiġu mistiedna rappreżentanti minn dawn il-pajjiżi biex jattendu ċerti laqgħat tal-BERS u/jew kumitati tekniċi bħala osservaturi meta jkunu qed jiġu diskussi kwistjonijiet rilevanti.

Il-BĊE jirrakkomanda li l-artikoli li ġejjin tar-regolament propost u tad-deċiżjoni proposta jiġu emendati. Qed jiġu pprovduti u spjegati proposti speċifiċi ta’ abbozzar fl-Anness.

Magħmula fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2009) 499 finali.

(2)  KUMM(2009) 500 finali.

(3)  KUMM(2009) 501 finali, KUMM(2009) 502 finali u KUMM(2009) 503 finali.

(4)  Artikolu 105(2) ir-raba’ inċiż u l-Artikoli 105(4) u (5) tat-Trattat, u l-Artikolu 3.1 ir-raba’ inċiż, l-Artikolu 3.3, l-Artikoli 4 u 22 u l-Artikolu 25.1 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(5)  L-Artikoli 16, 17 u 18 tar-regolament propost.

(6)  L-Artikolu 11(1) tar-regolament propost.

(7)  L-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni proposta. Il-President tal-BERS jippresedi kemm il-Bord Ġenerali kif ukoll il-Kumitat tat-Tmexxija.

(8)  Il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE huwa magħmul mill-President tal-BĊE, il-Viċi President u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-UE.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Premessa 5 tar-regolament propost

Premessa 5

“Fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu ‘Superviżjoni Finanzjarja Ewropea’ […] F’konformità mal-fehmiet tal-Kummissjoni, inkludiet inter alia li l-BĊE ‘għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS filwaqt li jagħmel użu wkoll mill-parir tekniku tal-Banek Ċentrali u superviżuri’.”

Premessa 5

“Fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu ‘Superviżjoni Finanzjarja Ewropea’ […] F’konformità mal-fehmiet tal-Kummissjoni, inkludiet inter alia li l-BĊE ‘għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS filwaqt li jagħmel użu wkoll mill-parir tekniku tal-Banek Ċentrali u superviżuri’. Il-BĊE iddeċieda li lest li jiżgura s-Segretarjat tal-BERS u biex jappoġġa l-BERS. L-appoġġ ipprovdut lill-BERS mill-BĊE kif ukoll il-kompiti mogħtija mill-BERS għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-indipendenza tal-BĊE fit-twettiq tal-kompitu tiegħu bis-saħħa tat-Trattat.”

Spjegazzjoni

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li l-BĊE huwa lest li jiżgura s-Segretarjat tal-BERS u biex jappoġġa l-BERS u jikkunsidra li huwa xieraq li dan jissemma fil-premessa 5 tar-regolament propost.

L-aħħar sentenza tal-premessa 5 tar-regolament propost tikkjarifika li t-twettiq mill-BĊE tal-kompiti tiegħu mhux ser jiġu mtellfa bl-appoġġ tiegħu tal-BERS, u lanqas bil-kompiti tal-BERS innifishom billi, għad-differenza tal-BERS, il-BĊE huwa stabbilit mit-Trattat. Dan huwa partikolarment importanti minħabba l-prinċipju tal-indipendenza tal-bank ċentrali.

Emenda 2

L-Artikolu 3(1) tar-regolament propost

Artikolu 3

“1.   Il-BERS se jkun responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fi ħdan il-Komunità sabiex jimpedixxi jew itaffi r-riskji sistemiċi fis-sistema finanzjarja, bil-għan li jevita episodji ta’ taqlib finanzjarju mifrux, jikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr problemi tas-Suq Intern u jiżgura kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju għat-tkabbir ekonomiku.”

Artikolu 3

“1.   Il-BERS se jkun responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fi ħdan il-Komunità sabiex jimpedixxi jew itaffi r-riskji sistemiċi fis-sistema finanzjarja, bil-għan li jevita episodji ta’ taqlib finanzjarju mifrux u jikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr problemi tas-Suq Intern. u jiżgura kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju għat-tkabbir ekonomiku .”

Spjegazzjoni

Il-BĊE huwa tal-fehma li tiġi żgurata kontribuzzjoni sostenibbli għat-tkabbir ekonomiku mhijiex il-motivazzjoni wara s-superviżjoni makroprudenzjali. Għaldaqstant, ir-referenza għal dan il-kunċett għandha tiġi rtirata mill-artikolu fuq imsemmi.

Emenda 3

L-Artikolu 4(1) tar-regolament propost

Artikolu 4

“1.   Il-BERS se jkollu Bord Ġenerali, Kumitat tat-Tmexxija u Segretarjat.”

Artikolu 4

“1.   Il-BERS se jkollu Bord Ġenerali, Kumitat tat-Tmexxija u Segretarjat u Kumitat Tekniku Konsultattiv.”

Spjegazzjoni

Ir-regolament u d-deċiżjoni proposta għandhom jistabbilixxu l-aspetti istituzzjonali ewlenin tal-BERS, inkluż il-Kumitat Tekniku Konsultattiv (ATC). Kemm ir-regolament propost kif ukoll id-deċiżjoni proposta jindikaw ir-rwol ewlieni tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali fis-superviżjoni makroprudenzali  (2). Dan l-artikolu tar-regolament propost għandu jiġi emendat biex jikkjarifika li l-ATC hija parti mill-istruttura organizattiva tal-BERS (ara wkoll iktar ’l isfel Emendi 5 u 7).

Emenda 4

L-Artikolu 4(4) tar-regolament propost

Artikolu 4

“4.   Is-Segretarjat għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS taħt id-direzzjoni tal-President tal-Bord Ġenerali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill KE/XXXX/2009”

Artikolu 4

“4.   B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill KE/XXXX/2009 li tafda lill-BĊE b’kompiti speċifiċi dwar il-funzjonament tal-BERS is-Segretarjat ser jiġi żgurat mill-BĊE li ser għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS, filwaqt li jieħu parir tekniku mill-banek ċentrali nazzjonali u superviżuri. Is-Segretarjat għandu jopera taħt id-direzzjoni tal-President tal-Bord Ġenerali

Spjegazzjoni

L-emenda hija meħtieġa biex ir-regolament propost ikun konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ecofin tad-9 ta’ Ġunju 2009 u d-deċiżjoni propsota. Mingħajrha, ir-rwol tal-BĊE fl-appoġġ tal-BERS jitħalla barra mit-test tar-regolament propost. Dan ma jkunx konformi ma’ dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet imgħoddija, inklużi b’mod partikolari:

ir-rapport de Larosière oriġinali li kien jgħid li “ġewwa l-UE, il-BĊE, bħala l-qalb tas-SEBĊ, qiegħed f’pożizzjoni unika biex jagħmel dan ix-xogħol, jiġifieri li jidentifika r-riskji makroprudenzjali”;

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Mejju 2009;

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ecofin tad-9 ta’ Ġunju 2009 li jgħidu li “l-BĊE għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS, u jieħu wkoll parir tekniku mill-banek ċentrali nazzjonali u superviżuri”; u

l-approvazzjoni tal-konklużjonijiet ta’ hawn mill-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009.

Emenda 5

L-Artikolu 4(5) tar-regolament propost

Artikolu 4

“5.   Il-BERS se jkun appoġġjat mill-Kumitat Tekniku Konsultattiv li saret referenza għalih fl-Artikolu 12, li għandu jipprovdi parir u assistenza fuq kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-BERS, meta mitlub.”

Artikolu 4

“5.   Il-BERS se jkun appoġġjat mill-Kumitat Tekniku Konsultattiv li saret referenza għalih fl-Artikolu 12, li għandu jipprovdi parir u assistenza fuq kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-BERS, meta mitlub.”

Spjegazzjoni

Dan l-artikolu tar-regolament propost għandu jiġi emendat biex jikkjarifika li l-ATC jassisti lill-BERS fuq bażi permanenti. Ir-regoli ta’ proċedura tal-BERS għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet applikabbli fir-rwol konsultattiv tal-ATC (ara wkoll l-Emendi 3 u 7 dwar l-ATC).

Emenda 6

L-Artikolu 7 tar-regolament propost

“Artikolu 7

Imparzjalità

1.   Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat tat-Tmexxija jew meta jkunu qegħdin iwettqu xi attività oħra relatata mal-BERS, il-Membri tal-BERS għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod imparzjali u ma għandhom ifittxu jew jieħdu l-ebda struzzjoni mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-BERS fit-twettiq tal-kompiti tagħhom tal-BERS.”

“Artikolu 7

Imparzjalità u indipendenza

1.   Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat tat-Tmexxija jew meta jkunu qegħdin iwettqu xi attività oħra relatata mal-BERS, il-Membri tal-BERS għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod imparzjali u biss fl-interess tal-Komunità inġenerali. Huma ma għandhom ifittxu jew jieħdu l-ebda struzzjoni mill-Istati Membri, istituzzjonijiet tal-Komunità jew kull korp ieħor pubbliku jew privat.

2.   L-Istati Membri, istituzzjonijiet tal-Komunità jew kull korp ieħor pubbliku jew privat m’għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-BERS fit-twettiq tal-kompiti tagħhom tal-BERS.”

Spjegazzjoni

Dan l-Artikolu għandu jiġi emendat biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-membri tal-BERS minn interferenza minn korpi Komunitarji oħrajn jew xi korp ieħor. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju mill-BĊE tal-kompiti ta’ appoġġ mogħtija lill-BĊE għall-benefiċċju tal-BERS u li ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala struzzjonijiet.

Emenda 7

L-Artikolu 12(3) tar-regolament propost

Artikolu 12

“3.   Il-Kumitat għandu jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(5) meta jintalab mill-President tal-Bord Ġenerali.”

Artikolu 12

“3.   Il-Kumitat għandu jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(5) meta jintalab mill-President tal-Bord Ġenerali

Spjegazzjoni

L-iskop ta’ din l-emenda huwa biex jiġi kkjarifikat li l-ATC jassiti lill-BERS fuq bażi permanenti, mhux biss meta mitlub, skont ir-regoli tal-proċedura tal-BERS (ara wkoll l-Emendi 3 u 5 dwar l-ATC).

Emenda 8

L-Artikolu 13 tar-regolament propost

“Artikolu 13

Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-BERS għandu jfittex, fejn ikun xieraq, il-parir ta’ partijiet interessati rilevanti mis-settur privat.”

“Artikolu 13

Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-BERS għandu jfittex, fejn ikun xieraq, il-parir fehmiet ta’ partijiet interessati rilevanti mis-settur privat.”

Spjegazzjoni

It-terminoloġija proposta tirrifletti aħjar in-natura tar-rwol tal-parteċipanti tas-settur privat.

Emenda 9

Premessa 8 tad-deċiżjoni proposta

Premessa 8

“Il-Kunsill ikkonkluda fid-9 ta’ Ġunju 2009 li l-BĊE għandu jipprovdi għajnuna analitika, statistika, amministrattiva u loġistika lill-BERS. Għandha għalhekk tiġi eżerċitata l-għażla prevista mit-Trattat li ċerti ħidmiet dwar il-politika relatati mas-superviżjoni prudenti jingħataw lill-BĊE, billi l-BĊE jingħata l-ħidma li jiżgura s-Segretarjat lill-BERS.”

Premessa 8

“Il-Kunsill ikkonkluda fid-9 ta’ Ġunju 2009 li l-BĊE għandu jipprovdi għajnuna analitika, statistika, amministrattiva u loġistika lill-BERS. Għandha għalhekk tiġi eżerċitata l-għażla prevista mit-Trattat li ċerti ħidmiet dwar il-politika relatati mas-superviżjoni prudenti jingħataw lill-BĊE, billi l-BĊE jingħata l-ħidma li jiżgura s-Segretarjat lill-BERS. L-għajnuna mogħtija lill-BERS mill-BĊE kif ukoll il-ħidmiet mogħtija lill-BERS għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall- prinċipju tal-indipendenza tal-BĊE fit-twettiq tal-ħidmiet tiegħu skont it-Trattat.”

Spjegazzjoni

L-emenda tal-premessa proposta tikkjarifika li t-twettiq mill-BĊE tal-ħidmiet tiegħu ma jkunx imfixkel bl-appoġġ tiegħu lill-BERS, u lanqas bil-ħidmiet tal-BERS innifsu, minħabba li kontra tal-BERS, il-BĊE huwa stabbilit bit-Trattat. Dan huwa partikolarment importanti minħabba l-prinċipju ta’ indipendenza.

Emenda 10

Premessa ġdida 8a tad-deċiżjoni proposta

“Bħalissa m’hemm l-ebda test”

Premessa 8a

“(8a)

Il-ħidmiet ta’ superviżjoni makro-prudenti tal-BERS jimmiraw li ma jkunx hemm, jew ta’ lanqas, inaqqsu r-riskji sistemiċi ġewwa s-sistema finanzjarja. Filwaqt li l-BESR m’huwiex responsabbli li jagħmel superviżjoni ta’ impriżi individwali speċifiċi li jagħtu servizzi finanzjarji, il-ħidmiet ta’ oversight tal-BERS u l-għajnuna mogħtija mill-BĊE huma relatati mas-sistema finanzjarja sħiħa, b’enfażi fuq ir-rabtiet interni (inter-linkages) tul is-setturi varji tas-sistema finanzjarja.”

Spjegazzjoni

Meta wieħed iqis in-natura u l-għanijiet tal-funzjonijiet ta’ l-oversight makro-prudenti attribwiti lill-BERS, u l-appoġġ mogħti mill-BĊE lill-BERS, il-premessa l-ġdida proposta tikkjarifika, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 105(6) tat-Trattat, li s-superviżjoni makro-prudenti tkopri s-sistema finanzjarja sħiħa.

Emenda 11

L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni proposta

Artikolu 2

“Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiżgura s-Segretarjat u għalhekk għandu jipprovdi għajnuna analitika, statistika, loġistika u amministrattiva lill-BERS.

[…]

(b)

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni, il-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni statistika, f’isem u għall-benefiċċju tat-twettiq tal-ħidmiet tal-BERS;”

Artikolu 2

“Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiżgura s-Segretarjat u għandu therefore jipprovdi għajnuna analitika, statistika, loġistika u amministrattiva lill-BERS.

[…]

(b)

Skont l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni, il-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni statistika, f’isem u għall-benefiċċju tat-twettiq tal-ħidmiet tal-BERS;”

Spjegazzjoni

It-tħassir tat-terminu “għalhekk” jagħmel it-test konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Ecofin tad-9 ta’ Ġunju 2009.

L-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni proposta għandu x’jaqsam mal-għajnuna statistika li l-BĊE huwa mitlub jagħti lill-BERS. L-emenda proposta se tagħmilha possibbli biex is-Segretarjat jakkwista data kunfidenzjali miġbura mill-BĊE/SEBĊ f’isem u għall-benefiċċju tal-BERS.

Emenda 12

Artikolu 4 tad-deċiżjoni proposta

“Artikolu 4

Maniġment

[…]”

“Artikolu 4

Maniġment L-iffunzjonar tas-Segretarjat

[…]”

Spjegazzjoni

It-titolu propost jirrifletti b’mod aktar preċiż il-kontenut tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni proposta, u juża terminoloġija li tirrispetta aħjar il-kompetenzi amministrattivi intenli tal-BĊE.

Emenda 13

Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni proposta

Artikolu 4

“2.   Il-Kap tas-Segretarjat jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jattendi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BERS.”

Artikolu 4

“2.   Il-Kap tas-Segretarjat jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jattendi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali, u tal-Kumitat ta’ Tmexxija u tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv tal-BERS.”

Spjegazzjoni

L-emenda proposta timmira li tirrifletti l-istruttura proposta tal-BERS kif iddefinita fl-Artikolu 4(1)tar-regolament propost.


(1)  Il-korp tat-test ingassat (strikethrough) jindika fejn il-BĊE jipproponi li jitħassar test. Il-grassett fit-test jindika fejn il-BĊE jipproponi li jdaħħal test ġdid.

(2)  Ara l-premessa 13 tar-regolament propost u l-premessa 7 tad-deċiżjoni proposta.


Fuq