EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52011AB0022

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 11 ta’ Marzu 2011 dwar rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għall-innegozjar ta’ Ftehim Monetarju mar-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy (CON/2011/22)

ĠU C 213, 20.7.2011, p. 16–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/16


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta’ Marzu 2011

dwar rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għall-innegozjar ta’ Ftehim Monetarju mar-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy

(CON/2011/22)

2011/C 213/06

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-10 ta’ Marzu 2011, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għall-innegozjar ta’ Ftehim Monetarju mar-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy (1) (minn hawn ’il quddiem “l-abbozz tad-deċiżjoni”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 219(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Għalkemm ir-responsabbiltà finali għal deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ ftehim monetarji ma’ pajjiżi terzi hija tal-Kunsill tal-UE, il-BĊE ma jinkoraġġixxix lill-pajjiżi u territorji barranin (OCTs) assoċjati ma’ Stati Membri taż-żona euro biex jintroduċu l-euro bħala l-munita uffiċjali tagħhom. Fil-każ ta’ Saint-Barthélemy, il-BĊE m’għandux oġġezzjonijet għall-abbozz tad-deċiżjoni, peress illi Saint-Barthélemy, li hija parti minn Franza, ilha tuża l-euro mill-1999. Sabiex takkomoda l-intenzjoni ta’ Franza li l-euro tinżamm f’Saint-Barthélemy wara l-1 ta’ Jannar 2012, meta din il-kollettività ma tibqax parti mit-territorju tal-UE (2) hija neċessarja soluzzjoni skont il-liġi tal-UE li tindirizza ċ-ċirkostanzi mibdulin. F’dan l-isfond, il-konklużjoni ta’ ftehim monetarju mar-Repubblika Franċiża, li taġixxi għall-benefiċċju ta’ Saint-Barthélemy, hija soluzzjoni sodisfaċenti għaliex tippermetti li Franza tkompli tapplika għal Saint-Barthélemy id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE meħtieġa għall-użu tal-munita waħdanija fl-oqsma segwenti: leġiżlazzjoni monetarja, bankarja u finanzjarja; miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro; il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-prevenzjoni tal-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament f’kontanti u mhux; regoli dwar midalji u towkins u dwar ir-rekwiżiti għar-rappurtar statistiku.

2.

Mill-ambitu tal-mandat għall-innegozjar stabbilit fl-abbozz tad-deċiżjoni, il-BĊE jifhem illi, b’differenza mill-ftehim konklużi ma’ pajjiżi terzi bħall-Prinċipat ta’ Monako, il-Prinċipat ta’ Andorra, ir-Repubblika ta’ San Marino u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan, dan il-ftehim monetarju ma jawtorizzax lil Saint-Barthélemy biex joħroġ il-muniti euro tiegħu. Filwaqt illi l-BĊE jilqa’ dan l-approċċ, dan għandu jsir espliċitu għal raġunijiet ta' ċertezza legali u trasparenza, tal-anqas fil-premessa tal-abbozz tad-deċiżjoni.

3.

Il-BĊE itenni li kwalunkwe trasferimenti, inkluż assistenza finanzjarja speċifika għal banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, li għandhom isiru sabiex tinżamm jew tintradd l-istabbiltà finanzjarja f’Saint-Barthélemy, għandhom jinħarġu mit-Teżor tar-Repubblika Franċiża.

4.

Il-BĊE jifhem illi l-kompiti kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Eurosistema, inkluż l-operazzjonijiet tal-politika monetarja u l-ġbir tal-istatistika, ser jitwettqu mill-Banque de France permezz tal-Institut d’Émission des Départements D’Outre-mer (IEDOM).

5.

Il-BĊE jifhem ukoll illi l-ftehim monetarju m’għandux il-ħsieb li istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu f’Saint-Barthélemy ikollhom aċċess dirett għal sistemi ta’ pagament u saldu fi ħdan iż-żona tal-euro u li kwalunkwe konnessjoni bħal din ser tkompli ssir permezz tal-awtoritajiet Franċiżi rispettivi.

6.

Il-BĊE huwa ta’ opinjoni soda illi r-rwol tiegħu fl-innegozjar ta’ ftehim monetarji ma’ OCT għandu jkun preċiżament l-istess bħar-rwol tiegħu fl-innegozjar ta' ftehim monetarji ma' pajjiżi terzi. F’dan l-isfond, it-test tal-abbozz tad-deċiżjoni għandu jistipula b’mod ċar u mhux ambigwu li l-qbil tal-BĊE huwa meħtieġ fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-qasam ta’ kompetenza tiegħu.

7.

Il-BĊE jinnota illi bosta kwistjonijiet importanti mhumiex koperti mill-abbozz tad-deċiżjoni u dawn imisshom ikunu indirizzati kif ġej:

7.1.

Fi ftehim monetarji oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa l-korp inkarigat mir-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jista’ jinqala’ minn ftehim bħal dawn. L-abbozz tad-deċiżjoni għandu jagħmilha ċara illi l-istess arranġament japplika f’dan il-każ. Il-BĊE iqis illi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan it-tip ta’ ftehim mhijiex ovvja u jirreferi speċifikament għal bosta Opinjonijiet tal-Qorti fejn il-Qorti għamlet distinzjoni ċara bejn ftehim li jkunu daħlu fihom Stati Membri u ftehim li jkunu daħlu fihom Stati Membri responsabbli għat-territorji dipendenti tagħhom, jiġifieri li mhumiex qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala Stati Membri (3).

7.2.

Wieħed mill-elementi l-aktar importanti ta’ dan il-ftehim monetarju għandu jkun il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-applikazzjoni kontinwa lil Saint-Barthélemy ta’ atti legali rilevanti tal-UE preżenti u futuri b’effett dirett immedjat, eż. regolamenti. Il-BĊE jifhem illi Franza għandha l-intenzjoni li tindirizza din il-kwistjoni permezz ta’ emendi lil-liġi organika Franċiża rilevanti.

Il-BĊE jinnota illi, b’differenza minn ftehim monetarji oħrajn, l-abbozz tad-deċiżjoni ma jipprovdix għall-ħolqien ta’ kumitat konġunt responsabbli għall-evalwazzjoni tal-progress fl-emendi leġiżlattivi. Il-BĊE jikkunsidra illi n-nuqqas ta’ kwalunkwe korp bħal dan li fih l-UE, bħala waħda mill-firmatarji tal-ftehim, tipparteċipa u timmonitorja l-applikazzjoni dovuta tal-acquis rilevanti tal-UE fl-OCT, mhuwiex sodisfaċenti, partikolarment fejn sistema bankarja lokali qed tuża l-euro. Il-BĊE iqis illi huwa vitali illi l-applikazzjoni speċifika ta’ liġi rilevanti tal-UE ssir bi ftehim mal-Kummissjoni u l-BĊE (4), pereżempju bl-inklużjoni tal-atti legali rilevanti tal-UE u tal-BĊE f'anness għall-ftehim monetarju u l-pubblikazzjoni ta' dan l-anness u l-emendi tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Alternattivament, l-abbozz tad-deċiżjoni għandu jitlob li Franza tinforma lill-BĊE qabel l-adozzjoni ta’ atti legali indirizzati lil Saint-Barthélemy f’każ li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE. Barra minn dan, għandu jkun hemm dritt għall-istituzzjonijiet tal-UE li jitolbu informazzjoni dwar atti legali bħal dawn mingħand Franza.

7.3.

Il-BĊE jifhem illi, mal-bidla fl-istatus ta’ Saint-Barthélemy fl-1 ta’ Jannar 2012, huwa mhux ser jibqa’ kopert mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE li altrimenti jkunu direttament applikabbli u li jippermettu lill-korpi rilevanti tal-UE, bħall-Europol, li jaġixxu fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Din il-kwistjoni għandha bżonn tiġi indirizzata wkoll fil-ftehim monetarju, b’hekk l-abbozz tad-deċiżjoni għandu jagħti mandat lill-UE biex tinkludi dispożizzjoni bħal din fil-ftehim monetarju.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi d-deċiżjoni proposta tiġi emendata, qed jiġu stabbiliti għal dan il-għan fl-Anness proposti speċifiċi għall-abbozzar flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  SEG(2011) 249 finali.

(2)  Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy, ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4.

(3)  Opinjoni 1/78, paragrafu 62 u Opinjoni 1/94 paragrafu 17: “it-territorji in kwistjoni, sakemm jibqgħu barra mill-ambitu tat-Trattat KEE, huma, fir-rigward tal-Komunità, fl-istess sitwazzjoni bħall-pajjiżi li mhumiex membri. Konsegwentement, huwa fil-kapaċità tagħhom bħala l-Istati responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali tat-territorji dipendenti tagħhom li huma barra l-iskop tal-liġi Konmunitarja, u mhux bħala Stati membri tal-Komunità, li l-Istati responsabbli għal dawk it-territorji huma msejħa sabiex jipparteċipaw fil-ftehim.”

(4)  Ara wkoll l-Opinjoni fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu 109(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea fuq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti monetarji fil-komunitajiet territorjali Franċiżi ta’ Saint-Pierre-et-Miquelon u Mayotte, ĠU C 127, 7.5.1999, p. 5.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Premessa 6

“(6)

Għalhekk, għandu jkun innegozjat ftehim monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni kontinwa ta’ Saint-Barthélemy tal-leġiżlazzjonijiet tal-UE rilevanti.”

“(6)

Għalhekk, għandu jkun innegozjat ftehim monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni kontinwa ta’ Saint-Barthélemy tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti. Il-BĊE għandu jkun assoċjat ma’ dan l-innegozjar u l-kunsens tiegħu għandu jkun meħtieġ għal kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma ta’ kompetenza tieghu.”

Spjegazzjoni

Ara l-ispjegazzjonijiet għall-emenda 5.

Emenda 2

Premessa 7

Premessa ġdida

“(7)

Il-mandat għall-innegozjar m'għandux il-għan li jippermetti jew b'xi mod jagħti lill-kollettività ta' Saint-Barthélemy id-dritt li tistampa flus jew toħroġ il-muniti euro tagħha stess. Is-sitwazzjoni kurrenti, f’dan ir-rispett, ser tinżamm għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ muniti euro.”

Spjegazzjoni

Ara l-paragrafu 2 ta’ din l-opinjoni. Il-BĊE jikkunsidra illi ċ-ċertezza legali u t-trasparenza huma partikolarment importanti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni peress illi dan huwa l-ewwel ftehim monetarju li jkopri OCT u l-ftehim jista’ għalhekk jistabbilixxi preċedent.

Emenda 3

Artikolu 1(d)

Dispożizzjoni ġdida

“(d)

Ir-Repubblika Franċiża għandha tkun taħt obbligu li tiżgura applikazzjoni korretta u sħiħa ta’ dawk li altrimenti huma atti legali tal-UE u tal-BĊE li huma direttament applikabbli għal Saint-Barthélemy, u s-superviżjoni tal-applikazzjoni tagħhom ser tibqa’ r-responsabbiltà tal-awtoritajiet Franċiżi, li ser iżommu lill-Kummissjoni u lill-BĊE infurmati bis-sħiħ fl-istess ħin.”

Spjegazzjoni

Ara l-paragrafu 7.2 ta’ din l-opinjoni.

Emenda 4

Artikolu 1(e)

Dispożizzjoni ġdida

(e)

Il-ftehim monetarju għandu jestendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (2) għal Saint-Barthélemy għal dak li jirrigwarda l-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro.

Spjegazzjoni

Ara l-paragrafu 7.3 ta’ din l-opinjoni. Il-BĊE jikkunsidra illi Franza ma tistax testendi unilateralment il-firxa ġeografika tal-kompiti u l-kompetenzi tal-BĊE li jħarsu l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro.

Emenda 5

Artikolu 2

“Il-Kummissjoni għandha twettaq l-innegozjar mar-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy. Il-BĊE għandu jkun assoċjat bis-sħiħ fin-negozjati u jaqbel mal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza tieghu.”

“Il-Kummissjoni għandha twettaq l-innegozjar mar-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy. Il-BĊE għandu jkun assoċjat b’mod sħiħ fin-negozjati u l-kunsens tiegħu għandu jkun meħtieġ għal -kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza tieghu.”

Spjegazzjoni

Dan il-kliem ċar u mhux ambigwu fir-rigward tar-rwol tal-BĊE intuża f’bosta Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-mandati għan-negozjar u fi ħdan il-ftehim monetarji nfushom. L-aktar eżempju riċenti huwa l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża, f’isem il-Komunità Ewropea, u l-Gvern tal-Altezza Serena Tiegħu il-Prinċep ta’ Monako (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

Emenda 6

Artikolu 3 ġdid

Ebda dispożizzjoni

“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tkun indikata fil-ftehim monetarju bħala li għandha l-ġurisdizzjoni li ssolvi tilwim li jista’ jinqala’ fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim.”

Spjegazzjoni

Ara l-paragrafu 7.1 ta’ din l-opinjoni.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37


Fuq