EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52012AB0017

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 2 ta’ Marzu 2012 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020” ) (CON/2012/17)

ĠU C 137, 12.5.2012, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 137/7


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Marzu 2012

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”)

(CON/2012/17)

2012/C 137/02

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-26 ta’ Jannar 2012, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) (1) (minn hawn ‘il quddiem ir-“regolament propost”). Fis-6 ta’ Frar 2012, il-BĊE irċieva t-tieni talba mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar l-istess regolament propost.

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 133 u l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Centrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-programm Pericles huwa programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar u frodi relatata. Ir-regolament propost ser jieħu post il-bażi legali tal-programm Pericles li ser jiskadi fl-aħħar tal-2013 (2), u b’hekk jestendieh sal-aħħar tal-2020. Il-BĊE jisħaq fuq l-opinjoni tiegħu illi l-programm Pericles huwa kontribut utli għall-attivitajiet li diġa jitwettqu mill-BĊE, l-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro (3). Il-BĊE huwa konfidenti illi l-programm Pericles 2020 ser ikompli jikkontribwixxi għall-preżervazzjoni tal-integrità tal-karti tal-flus tal-euro, inkluż it-tieni serje ta’ karti tal-flus tal-euro.

1.2.

Il-BĊE jemfasizza fuq l-involviment attiv tiegħu fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro. B’mod partikolari, il-BĊE jiżviluppa disinni ta’ karti tal-flus u karatteristiċi tekniċi avvanzati għal karti tal-flus tal-euro, li jagħmluha possibbli għall-pubbliku ġenerali u għall-esperti li jiddistingwu l-karti tal-flus ġenwini mill-foloz. Hija prattika komuni illi l-karti tal-flus jiġu mtejba wara li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni għal xi snin sabiex jibqgħu qabel il-falsifikaturi. L-Eurosistema ukoll qed tieħu din il-miżura ta’ prekawzjoni u fi żmien qasir ser tniedi l-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro tat-tieni serje. Barra minn dan, il-BĊE janalizza tipi ġodda ta’ iffalsifikar fiċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Foloz (CAC) tiegħu u juża t-tagħrif miksub sabiex jagħti parir aħjar lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi. Il-CAC jikkoordina d-disseminazzjoni tad-dejta teknika u statistika magħrufa kollha dwar il-foloz tal-euro lill-partijiet kollha relevanti.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.

It-tieni paragrafu ta’ Artikolu 4 tar-regolament propost jistabbilixxi metodu biex tiġi evalwata l-kisba tal-għan speċifiku tal-programm Pericles 2020. F’dan ir-rigward, ir-riżultati ma jiddependux biss fuq azzjoni effettiva taħt il-programm Pericles 2020, iżda wkoll fuq numru ta’ fatturi esterni, inkluż in-numru ta’ foloz fiċ-ċirkolazzjoni, id-disponibbiltà ta’ riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi biżżejjed fl-awtoritajiet finanzjarji, tekniċi, tal-infurzar legali u ġudizzjarji, u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ oħrajn organizzati għal dawn l-awtoritajiet. Bl-istess mod, il-programm għandu jkun evalwat fir-rigward tal-aspetti kollha li jinfluwenzaw l-iffalsifikar tal-euro u l-frodi. Għaldaqstant, il-BĊE jirrakkomanda l-involviment sħiħ tal-BĊE u tal-Europol fl-evalwazzjoni tal-programm Pericles 2020 kif stipulat fl-Artikolu 12(3) u (4) tar-regolament propost.

2.2.

Taħt il-programm Pericles 2020, il-proposti ppreżentati mill-Istati Membri parteċipanti jistgħu jinkludu lil parteċipanti minn pajjiżi terzi, jekk il-preżenza tagħhom hija importanti għall-protezzjoni tal-euro. Waqt li jirrikonoxxu l-benefiċċji għall-iskoraġġament dinji tal-iffalsifikar tal-euro u l-frodi tal-inklużjoni ta’ pajjiżi terzi fil-programm Pericles 2020, l-involviment ta’ pajjiżi terzi għandu jkun bis-sens u proporzjonat.

2.3.

Il-BĊE jinnota illi l-Artikolu 8(2)(a) u (c) u l-Artikolu 10(3) tar-regolament propost jirreferu għall-użu ta’ għodda ta' identifikazzjoni u jipprovdu għal għotjiet għax-xiri ta’ apparat. Il-BĊE jaqbel mal-proposta li jingħataw għotjiet għax-xiri ta’ apparat ġenerali tal-laboratorju, bħal ma huma l-mikroskopji, il-letturi infrared, kalipers, densitometers, micrometers, letturi tal-konduttività u l-manjetiżmu, li jgħinu l-proċess investigattiv u mhumiex iddisinjati jew impoġġija fis-suq bħala apparat għall-identifikazzjoni ta’ foloz. Il-BĊE jikkonsidra illi l-uniċi magni u strumenti affidabbli għall-identifikazzjoni ta’ foloz huma dawk elenkati fil-websajt tiegħu bħala li jkunu marru tajjeb f’testijiet li jinvolvu kwantità ta’ tipi ta’ foloz topiċi u karti tal-flus ġenwini b’varjazzjoni ta’ karatteristiċi li jmorru bl-użu. Madankollu magni u strumenti bħal dawn huma intiżi għall-industrija tal-maniġġ tal-flus professjonali u ġeneralment huma li hinn mill-ambitu tal-awtoritajiet speċjalizzati kontra l-iffalsifikar definiti bħala l-grupp indirizzat fl-Artikolu 8(2)(c) tar-regolament propost (4). Għaldaqstant, il-BĊE huwa tal-opinjoni illi mhuwiex xieraq illi jiġi kkunsidrat il-finanzjament tax-xiri ta’ identifikaturi ta’ foloz bil-fondi tal-programm Pericles 2020 jew l-użu ta’ identifikaturi ta’ foloz minn awtoritajiet speċjalizzati kontra l-iffalsifikar.

2.4.

Ikun ta’ benefiċċju għall-Kummissjoni, il-BĊE u l-Europol li jeżaminaw flimkien l-inizjativi li għandhom ikunu ffinanzjati taħt il-programm Pericles 2020 (5), biex b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni u s-sovrappożizzjoni bejn il-programm Pericles 2020 u programmi u attivitajiet relevanti oħrajn u jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ strateġija komuni kontra l-iffalsifikar tal-euro u l-frodi. Għaldaqstant, il-premessa (7) u l-Artikolu 11 tar-regolament propost għandhom jiġu emendati sabiex jipprovdu għal: (a) konsultazzjoni f’waqtha tal-partijiet ewlenin involuti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-programm ta’ ħidma annwali; u (b) kisba tal-qbil tal-BĊE u l-Europol dwar il-programm ta’ ħidma annwali għall-finijiet tal-adozzjoni tiegħu (6). F’dan ir-rigward, il-BĊE u l-Europol għandhom jingħataw żmien biżżejjed biex jeżaminaw l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali u biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom qabel id-diskussjoni tiegħu fi ħdan il-kumitat konsultattiv xieraq.

2.5.

Il-BĊE jilqa’ l-Artikolu 12(1) tar-regolament propost li jitlob li l-Kummissjoni timplimenta l-programm Pericles 2020 f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, permezz ta’ konsultazzjonijiet f’fażijiet differenti tal-implementazzjoni, billi tikkunsidra miżuri relevanti meħuda minn entitajiet kompetenti oħrajn, b’mod partikolari l-BĊE u l-Europol. Waqt li Artikolu 12(1) tar-regolament propost jiżgura livell ta’ kooperazzjoni suffiċjenti fil-livell tal-Unjoni kif ukoll konsistenza bejn il-programm Pericles 2020 u programmi u attivitajiet relevanti oħrajn, il-BĊE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tħalli biżżejjed żmien għall-familjarizzazzjoni mad-dokumentazzjoni fir-rigward tal-programm ta’ ħidma annwali qabel ma tikkonsulta lill-BĊE u lill-Europol dwaru fil-kumitat konsultattiv xieraq.

2.6.

Il-BĊE jirrakkomanda li l-Artikolu 12(3) u (4) propost jiġi emendat sabiex jippermetti l-involviment tal-BĊE u tal-Europol fil-valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-programm Pericles 2020 u tat-tiġdid, modifikazzjoni jew sospensjoni possibbli tiegħu.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  KUMM(2011) 913 finali.

(2)  Oriġinalment, il-programm Pericles kien twaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 50). Deċiżjoni 2001/923/KE ġiet estiża għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/924/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi skambju, għajnuna u programm ta' taħriġ għall-protezzjoni ta' l-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm Pericles) għall-Istati Membri li għadhom m'addottawx l-euro bħala munita unika (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 55). Emendi sussegwenti għal Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE estendew l-ambitu u d-dewmien tal-programm Pericles sal-31 ta’ Diċembru 2013.

(3)  Ara paragrafu 1 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2006/35 tal-5 ta’ Lulju 2006 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill proposti dwar il-programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm Pericles) (ĠU C 163, 14.7.2006, p. 7). L-opinjonijiet kollha tal-BCE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu

(4)  Barra minn dan, wara l-istudju dwar l-impatt (SEC(2011) 1615 finali), huwa ċar illi l-possibbiltà li jiġi ffinanzjat ix-xiri ta’ apparat tirreferi għall-aġenziji kontra l-iffalsifikar nazzjonali (ta’ pajjiż terz) kompetenti responsabbli għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar b’emfasi partikolari fuq l-aġenziji speċjalizzati li joperaw f’pajjiżi terzi sensittivi li jkollhom prijoritajiet differenti mill-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro.

(5)  Ara paragrafu 8 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2005/22 tal-21 ta’ Ġunju 2005 fuq it-talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill proposti dwar programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 161, 1.7.2005, p. 11), u paragrafu 2.2 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2006/35 tal-5 ta’ Lulju 2006 fuq it-talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill proposti dwar il-programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 163, 14.7.2006, p. 7).

(6)  Ara l-paragrafu 8 tal-Opinjoni CON/2005/22.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Premessa 7 tar-regolament propost

“(7)

Għandu jiġi żgurat illi dan il-programm ta' azzjoni tal-Unjoni jkun konsistenti u komplimentari ma' programmi u attivitajiet oħrajn. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni tal-euro mal-partijiet prinċipali involuti (partikolarment l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura mill-Istati Membri, il-BĊE u l-Europol) fi ħdan il-kumitat konsultattiv xieraq previst fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, partikolarment fir-rigward tal-iskambju, l-għajnuna u t-taħriġ, bl-iskop li jiġi implimentat dan il-programm.”

“(7)

Għandu jiġi żgurat illi dan il-programm ta' azzjoni tal-Unjoni jkun konsistenti u komplimentari ma' programmi u attivitajiet oħrajn. Fi żmien xieraq qabel l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali il-Kummissjoni għandha twettaq il-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni tal-euro mal-partijiet prinċipali involuti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura mill-Istati Membri, u tfittex l-approvazzjoni tal-BĊE u l-Europol fuq il-programm ta’ ħidma annwali ) fi ħdan il-kumitat konsultattiv xieraq previst fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, partikolarment fir-rigward tal-iskambju, l-għajnuna u t-taħriġ, bl-iskop li jiġi implimentat dan il-programm.”

Spjegazzjoni

Il-Kummissjoni, il-BĊE u l-Europol għandhom jibbenefikaw jekk jeżaminaw b’mod konġunt l-inizjattivi li jridu jiġu ffinanzjati taħt il-programm Pericles 2020 fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma annwali. Dan l-eżami konġunt għandu jgħin biex jiġu evitati d-duplikazzjoni u s-sovrappożizzjoni bejn il-programm Pericles 2020 u programmi u attivitajiet relevanti oħrajn taħt ir-responsabbiltà tal-BĊE, l-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, dan l-approċċ għandu jiżgura l-iżvilupp ta’ strateġija komuni kontra l-iffalsifikar tal-euro u l-frodi. Għaldaqstant, il-BĊE jissuġġerixxi illi l-premessa (7) tar-regolament propost tiġi emendata sabiex tipprovdi għal: (a) konsultazzjoni f’waqtha tal-partijiet ewlenin involuti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-programm ta’ ħidma annwali; u (b) kisba tal-qbil tal-BĊE u l-Europol dwar il-programm ta’ ħidma annwali għall-finijiet tal-adozzjoni tiegħu.

Emenda 2

Artikolu 11 tar-regolament propost

“Artikolu 11

Il-Programm ta' Ħidma Annwali

Sabiex timplimenta l-programm il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma annwali. Huma għandhom jistabbilixxu l-objettivi segwiti, ir-riżultati mistennija, il-metodu tal-implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Huma għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u skeda indikattiva ta' żmien ta' implimentazzjoni. […]”

“Artikolu 11

Il-Programm ta' Ħidma Annwali

Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma annwali. Wara konsultazzjoni f’waqtha tal-partijiet ewlenin involuti fl-abbozzi tal-programmi ta’ ħidma annwali u wara li jkun inkiseb il-qbil tal-BĊE u l-Europol. Il-programmi ta’ ħidma annwali għandhom jistabbilixxu l- għanijiet segwiti, ir-riżultati mistennija, il-metodu tal-implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Huma għandhom ji nkludu wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u skeda indikattiva ta' żmien ta' implimentazzjoni. […]”

Spjegazzjoni

Il-Kummissjoni, il-BĊE u l-Europol għandhom jibbenefikaw jekk jeżaminaw b’mod konġunt l-inizjattivi li jridu jiġu ffinanzjati taħt il-programm Pericles 2020. Dan l-eżami konġunt għandu jgħin biex jiġu evitati d-duplikazzjoni u s-sovrappożizzjoni bejn il-programm Pericles 2020 u programmi u attivitajiet relevanti oħrajn taħt ir-responsabbiltà tal-BĊE, l-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, dan l-approċċ għandu jiżgura l-iżvilupp ta’ strateġija komuni kontra l-iffalsifikar tal-euro u l-frodi. Għaldaqstant, il-BĊE jissuġġerixxi illi l-Artikolu 11 tar-regolament propost jiġi emendat sabiex jipprovdi għal: (a) konsultazzjoni f’waqtha tal-partijiet ewlenin involuti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-programm ta’ ħidma annwali; u (b) kisba tal-qbil tal-BĊE u l-Europol dwar il-programm ta’ ħidma annwali għall-finijiet tal-adozzjoni tiegħu

Emenda 3

Artikolu 12(3) tar-regolament propost

“(3)   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-programm. Sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru tal-2017 […].”

“(3)   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-programm. Il-Kummissjoni għandha tqassam abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti identifikati mill-Istati Membri u tfittex l-qbil tal-BĊE u l-Europol dwar il-kontenut tar-rapport ta’ valutazzjoni fi ħdan il-kumitat konsultattiv xieraq stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001. Sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru tal-2017 […].”

Spjegazzjoni

L-effiċjenza tal-programm Pericles 2020 għandha tkun prijorità sabiex huwa jkun jista’ jikseb l-għanijiet ġenerali u speċifiċi ttegħu. Il-BĊE jqis illi l-koordinazzjoni tajba tal-programm Pericles 2020 mal-programmi tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti, kif ukoll ma’ proġetti tal-BĊE u l-Europol hija essenzjali. F’dan ir-rigward, il-BĊE huwa tal-fehma illi l-partijiet ewlenin kollha għandhom jiġu kkonsultati u għandhom jaqblu dwari r-rapport ta’ valutazzjoni fi ħdan il-kumitat konsultattiv xieraq kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001. Għal dan il-għan, il-BĊE jagħmel il-proposta għall-abbozzar fuq imsemmija li ssaħħaħ ukoll l-irwol tal-BĊE u tal-Europol fil-valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-programm Pericles 2020 u tat-tiġdid, modifikazzjoni jew sospensjoni possibbli tiegħu.

Emenda 4

Artikolu 12(4) tar-regolament propost

“(4)   Barra minn hekk sal-31 ta’ Diċembru 2021 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisba tal-objettivi tal-Programm”

“(4)   Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tqassam abbozz tar-rapport dwar il-kisba tal-għanijiet tal-Programm lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti identifikati mill-Istati Membri u tfittex il-qbil tal-BĊE u l-Europol dwar il-kontenut tar-rapport ta’ valutazzjoni fi ħdan il-kumitat konsultattiv xieraq stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001. Sal-31 ta’ Diċembru 2021 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisba tal- għanijiet tal-Programm”

Spjegazzjoni

L-applikazzjoni b’suċċess tal-metodu ta’ valutazzjoni fir-rigward tal-kisba tal-għanijiet speċifiċi tal-programm Pericles 2020 tirrikjedi firxa wiesgħa ta’ kompetenza, għarfien u informazzjoni. Dik il-konklużjoni hija skont Artikolu 4, li jelenka varjetà wiesgħa ta’ riżultati li l-kisba ta’ dawn l-għanijiet tista’ tiġi vvalutata fil-konfront tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-riżultati ma jiddependux biss fuq azzjoni effettiva taħt il-programm Pericles 2020, iżda wkoll fuq numru ta’ fatturi esterni, inkluż in-numru ta’ foloz fiċ-ċirkolazzjoni, id-disponibbiltà ta’ riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi biżżejjed fl-awtoritajiet finanzjarji, tekniċi, tal-infurzar legali u ġudizzjarji, u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ oħrajn organizzati għal dawn l-awtoritajiet. Bl-istess mod, il-programm Pericles 2020 għandu jkun ivvalutat fil-konfront tal-aspetti kollha li jinfluwenzaw l-iffalsifikar tal-euro u l-frodi. Għaldaqstant, il-BĊE, l-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li lkoll kisbu kompetenza u informazzjoni relevanti sostanzjali, għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fil-valutazzjoni tal-kisba tal-għanijiet tal-programm Pericles 2020. Barra minn hekk, għandu jkun imfittex il-qbil tal-BĊE u tal-Europol fuq ir-rapport ta' valutazzjoni finali.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.


Fuq