EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52010AB0023

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 18 ta’ Marzu 2010 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (CON/2010/23)

ĠU C 87, 1.4.2010, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 87/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta’ Marzu 2010

dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq

(CON/2010/23)

2010/C 87/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-25 ta’ Novembru 2009 l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (1) (minn hawn ‘il quddiem id-“direttiva proposta”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi d-direttiva proposta fiha disposizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla xkiel tal-politika dwar is-sorveljanza prudenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat.

L-osservazzjonijiet f’din l-opinjoni għandhom jinqraw flimkien mal-Opinjonijiet tal-BĊE CON/2009/88 (2) u CON/2010/5 (3), li ġew adottati fil-kuntest tar-riforma li hemm għaddejja fis-sorveljanza finanzjarja Ewropea (4).

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.   Il-BĊE jappoġġja l-għan tad-direttiva proposta, li tintroduċi fi 11-il direttiva tas-settur finanzjarju emendi li huma meħtieġa sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza (AES) u tal-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku (BERS).

1.2.   L-osservazzjonijiet li jinsabu f’din l-opinjoni u l-proposti għall-abbozzar jiffokaw prinċipalment fuq kwistjonijiet li huma ta’ rilevanza diretta għall-BĊE/SEBĊ u għall-BERS u għall-kooperazzjoni tagħhom mal-AES u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. F’dan ir-rigward, huwa ta’ importanza partikolari għat-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom li jitneħħa kull xkiel legali għall-qsim tal-informazzjoni li jista' jeżisti bejn il-BĊE/is-SEBĊ, il-BERS, it-tliet AES u l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali.

1.3.   Adozzjoni ta’ standards tekniċi

1.3.1.   Ir-regolamenti proposti li jistabbilixxu l-AES (minn hawn ‘il quddiem ir-“regolamenti proposti dwar l-AES”) jistabbilixxu proċedura uniformi għall-adozzjoni ta’ standards tekniċi (5). L-abbozzi tal-istandards tekniċi ser jiġu żviluppati minn kull waħda mill-AES bħala regolamenti jew deċiżjonijiet (6), u jiġu approvati mill-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, id-direttiva proposta tipprovdi għal bosta emendi lil-leġislazzjoni settorjali, u tidentifika l-oqsma li fihom għandhom jiġu żviluppati standards tekniċi (7). Kif emfasizzat fl-Opinjoni tal-BĊE CON/2010/5, il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta’ ktieb wieħed għar-regoli Ewropej applikabbli lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fis-suq waħdieni u għalhekk il-ħtieġa għal strument effettiv biex jistabbilixxi standards tekniċi li jorbtu fis-servizzi finanzjarji (8).

1.3.2.   F’dak li jirrigwarda s-setgħat tal-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, it-Trattat jistabbilixxi distinzjoni bejn l-atti delegati (Artikolu 290 tat-Trattat) u atti ta' implimentazzjoni (Artikolu 291 tat-Trattat). Bħala riżultat, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet adottati mil-Kummissjoni sabiex tapprova abbozzi ta’ standards tekniċi ser jaqgħu taħt waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji. Fil-kuntest ta’ leġislazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji, għandha tintlaħaq fehma komuni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess leġislattiv dwar metodoloġija adatta li għandha tiġi adottata sabiex tinkorpora l-atti legali tal-Komunità li japprovaw dawn l-abbozzi ta’ standards tekniċi fi ħdan il-qafas aktar ġenerali li fih joperaw is-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni taħt it-Trattat.

1.3.3.   Sakemm l-abbozzi ta’ standards tekniċi jikkwalifikaw bħala “proposti ta’ atti tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) tat-Trattat u jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat dwar l-atti proposti delegati jew ta’ implimentazzjoni li japprovaw l-abbozzi ta’ standards tekniċi. Fis-sentenza OLAF (9), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat illi l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE dwar proposti ta' atti tal-Unjoni huwa intiż “essenzjalment sabiex jiġi żgurat illi l-leġislatura tadotta l-att biss meta tkun instemgħet l-istituzzjoni, li, permezz tal-funzjonijiet speċifiċi li teżerċita fil-qafas Komunitarju tal-qasam konċernat u permezz tal-livell għoli ta’ esperjenza li tgawdi, hija f’pożizzjoni partikolarment tajba sabiex ikollha rwol utli fil-proċess leġislattiv li hemm maħsub”. Wara li jikkunsidra l-importanza tal-funzjoni li għandhom ikollhom l-istandards tekniċi bħala komponent importanti tal-leġislazzjoni tas-servizzi finanzjari tal-Unjoni fil-futur, il-BĊE ser jeżerċita ir-rwol konsultattiv tiegħu skont il-prinċipji fuq imsemmija.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Direttiva 2003/71/KE  (10)

Il-pubblikazzjoni tal-prospetti kollha f’forma elettronika u d-disponibbiltà tagħhom jew direttament fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (AETS) jew permezz ta’ hyperlink għas-siti elettroniċi rilevanti għandha żżid it-trasparenza (11). F’dan ir-rigward, il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ l-idea li jittejbu d-disponibbiltà u l-paragunabbiltà ta’ certu informazzjoni importanti fil-prospetti, billi jinħoloq standard ghal dejta ta' referenza dwar it-titoli u min joħroġhom, bil-għan illi din id-dejta tkun disponsibbli għal min jifformula l-politika, għar-regolaturi u għas-swieq finanzjarji permezz ta’ infrastruttura pubblika internazzjonali (12). Il-prospetti jkun fihom informazzjoni importanti li tista’ tkun ta’ rilevanza għall-finijiet ta’ analiżi ta’ riskju sistemiku, il-ġestjoni tar-riskju tal-kumpaniji u l-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar it-titoli; għalhekk għandu jkun żgurat illi informazzjoni bħal din tkun faċilment disponibbli. F’dan il-kuntest, il-BĊE huwa lest li jikkoopera mal-AETS fil-kontribuzzjoni għad-disinn u t-twaqqif ta’ arkivju elettroniku u proċessi relatati.

2.2.   Direttiva 2006/48/KE  (13)

2.2.1.   Numru ta’ emendi għal direttivi settorjali taħt id-direttiva proposta għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-mezzi ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti fil-livell ta’ Unjoni u dak nazzjonali (14). Il-BĊE jilqa’ dawn l-emendi proposti u partikolarment dawk li ġew introdotti sabiex jittieħed in konsiderazzjoni t-twaqqif tal-BERS (15). Barra minn dan, il-BĊE jissuġġerixxi ż-żewġ emendi li ġejjin.

2.2.2.   L-ewwel, id-direttiva proposta tiċċara illi l-awtoritajiet kompetenti huma intitolati li jaqsmu l-informazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE). Il-BĊE jirrikkmanda li tiddaħħal emenda għal disposizzjoni waħda tad-Direttiva 2006/48/KE bil-għan li jitneħħa kull xkiel legali possibbli għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-ABE u l-BERS. L-introduzzjoni ta’ emenda bħal din għandha tiċċara illi l-ABE, bi qbil mad-Direttiva 2006/48/KE u d-disposizzjonijiet relevanti tar-regolament propost dwar l-ABE, hija intitolata illi tgħaddi lill-BERS l-informazzjoni kollha li tkun irċevit mingħand l-awtoritajiet nazzjonali u li hija meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tal-BERS mingħajr preġudizzju għar-regoli Ewropej l-oħra li huma applikabbli, speċjalment l-Artikolu 15(4) tar-regolament propost dwar il-BERS.

2.2.3.   It-tieni, id-Direttiva 2006/48/KE tafda lill-kulleġġi tas-sorveljanti bil-qadi ta’ certi dmirijiet (16) (inkluż fis-sens tal-iskambju tal-informazzjoni (17) u, f’dan il-kuntest, ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità applikabbli (18) m’għandhomx iżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali fi ħdan ill-kulleġġi tas-sorveljanti (19). In vista tal-importanza potenzjali tal-informazzjoni aċċessibbli fi ħdan il-kulleġġi ta’ sorveljanza, il-BĊE jirrikkmanda li jiġi speċifikat espliċitament illi l-AES jistgħu jaqsmu l-informazzjoni kunfidenzjali marbuta mal-attivitajiet tal-kulleġġi ta' sorveljanti mal-BERS (20), meta din l-informazzjoni tkun rilevanti għat-twettiq ta’ dmirijietu (21) u bbażata fuq talbiet raġunati mingħand il-BERS. Din il-kjarifika tista’ tiddaħħal jew fl-Artikolu 12 tar-regolamenti proposti dwar l-AESi dwar il-kulleġġi tas-sorveljanti jew fil-kuntest tad-disposizzjonijiet relevanti dwar l-iskambju tal-informazzjoni fid-direttivi settorjali li jittrattaw il-kulleġġi tas-sorveljanti.

3.   Proposti għall-abbozzar

Fejn il-BĊE jirrikkmanda emendi għad-direttiva proposta, għal dan il-għan fl-Anness qed jiġu elenkati proposti għall-abbozzar speċifiċi flimkien ma’ test ta’ spjega.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  COM(2009) 576 finali.

(2)  Opinjoni tal-BĊE CON/2009/88 tas-26 ta’ Ottubru 2009 dwar proposta għal regolament tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sorveljanza makro-prudenti Komunitajra tas-sistema finanzjarja u li tistabbilixxi Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku u proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew bi dmirijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-funzjonament tal-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku (ĠU C 270, 11.11.2009, p. 1). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE jiġu ppubblikati fis-sit elettroniku tal-BĊE http://www.ecb.europa.eu

(3)  Opinjoni tal-BĊE CON/2010/5 tat-8 ta’ Jannar 2010 dwar tliet proposti għal regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (ĠU C 13, 20.1.2010, p. 1).

(4)  Fit-23 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett ta' proposti leġislattivi li jikkonsistu minn (1) proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sorveljanza makro-prudenti Komunitajra tas-sistema finanzjarja u li tistabbilixxi Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku (COM(2009) 499 finali) (minn hawn ‘il quddiem ir-“regolament propost dwar il-BERS”); (2) proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew bi dmirijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-funzjonament tal-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku (COM(2009) 500 finali); (3) proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu Awtorità Bankarja Ewropea (COM(2009) 501 finali) (minn hawn ‘il quddiem ir-“regolament proposta dwar l-ABE”); (4) proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (COM(2009) 502 finali); u (5) proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (COM(2009) 503 finali). Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-bażi legali l-ġdida għad-deċiżjoni proposta dwar il-BERS hija l-Artikolu 127(6) tat-Trattat (ex Artikolu 105(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea), li twassal sabiex id-deċiżjoni proposta dwar il-BERS issa tinbidel fi proposta għal regolament.

(5)  Ara l-Artikolu 7 tar-regolamenti proposti dwar l-ASE.

(6)  Artikolu 7(2) tar-regolamenti proposti dwar l-ASE.

(7)  Premessa 9 tad-direttiva proposta.

(8)  Ara, per eżempju, premessa 14 tar-regolament propost dwar l-ABE.

(9)  Każ Ċ-11/00 Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew v Il-Bank Ċentrali Ewropew, [2003] ECR I-7147, partikolarment il-paragrafi 110 u 111.

(10)  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(11)  Taħt id-direttiva proposta, l-AETS għandha tippubblika l-lista ta’ prospetti approvati fis-sit elettroniku tagħha, inkluż, jekk applikabbli, hyperlink għall-prospetti ppubblikati fis-sit elettroniku tal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini, ta’ min joħroġhom jew tas-suq regolat (Artikolu 5(3) tad-direttiva proposta li jdaħħal Artikolu 14(4a) ġdid fid-Direttiva 2003/71/KE). L-approċċ ġenerali maqbul fil-Kunsill dwar emendi oħra lid-Direttiva 2003/71/KE jesiġi l-pubblikazzjoni ta’ prospetti f’forma elettronika (ara l-Artikolu 1(13)(b) tal-approċċ ġenerali dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/71/KE u d-Direttiva 2004/109/KE (2009/0132 (COD), 17451/09)). It-tieni sotto-paragrafu tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/71/KE preżentement tħalli d-deċiżjoni sabiex min joħroġ il-prospetti jippubblikahom b’mod elettroniku f’idejn l-Istati Membri.

(12)  Opinjoni tal-BĊE CON/2010/6 tal-11 ta’ Jannar 2010 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewroepw u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE, paragrafu 1.2.

(13)  Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u t-tkomplija tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (imfassla mill-ġdid) (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1).

(14)  Ara, fir-rigward tad-Direttiva 2006/48/KE, l-Artikoli 9(10), 9(11), 9(25) u 9(27) tad-direttiva proposta.

(15)  Ara, per eżempju, l-Artikolu 9(12) tad-direttiva proposta li temenda l-Atrikolu 49 ta’ Direttiva 2006/48/KE.

(16)  Imsemmijin fl-Artikolu 129, l-Artikolu 130(1) u l-Artikolu 131a tad-Direttiva 2006/48/KE.

(17)  L-Artikolu 131a(1)(a) tad-Direttiva 2006/48/KE.

(18)  Taħt Kapitolu 1, Taqsima 2 tad-Direttiva 2006/48/KE.

(19)  It-tielet sotto-paragrafu tal-Artikolu 131a(1) tad-Direttiva 2006/48/KE.

(20)  Inklużi l-kulleġġi mwaqqfin taħt l-Artikolu 42a(3) tad-Direttiva 2006/48/KE.

(21)  L-aċċess tal-BERS għall-informazzjoni li tinqasam fi ħdan il-kulleġġi tas-sorveljanti ikun skont l-opinjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-Unjoni ppresedut minn Jacques de Larosière fir-rapport tiegħu tal-25 ta’ Frar 2009, paragrafi 180 u 186, paġni 45 u 47, il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2009 dwar is-sorveljanza finanzjarja Ewropea (COM(2009) 252 finali, p. 15) u l-Kunsill ECOFIN fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2009, p. 13 li jappoġġjaw l-aċċess tal-BERS għal din l-informazzjoni.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar  (1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (2)

Emenda 1

Premessa 15 tad-direttiva proposta

“(15)

L-arkitettura l-ġdida għas-sorveljanza stabbilita mis-SESF ser titlob illi l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza jikkooperaw fil-qrib mal-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza. L-emendi għal-leġiżlazzjoni relevanti għandhom jiżguraw illi ma hemm ebda xkiel legali għall-obbligi tal-qsim tal-informazzjoni inklużi fir-Regolamenti proposti mill-Kummissjoni u li jistabbilixxu l-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza.”

“(15)

L-arkitettura l-ġdida għas-sorveljanza stabbilita bit-twaqqif tas-SESF u tal-BERS ser titlob illi l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u l-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza jikkooperaw fil-qrib ma’ xulxin u mal-BERS. Emendi għal-leġiżlazzjoni relevanti għandhom jiżguraw illi ma hemm ebda xkiel legali għall-obbligi tal-qsim tal-informazzjoni inkluż fir-Regolamenti proposti mill-Kummissjoni u li jistabbilixxu l-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza u l-BERS.”

Spjegazzjoni:

Il-leġiżlazzjoni settorjali tinħtieġ li tiġi emendata sabiex tirrifletti it-twaqqif tal-AES u tal-BERS. Fil-premessa 5 tad-direttiva proposta tista’ ukoll issir referenza għaż-żewġ proposti adottati mill-Kummissjoni dwar il-BERS bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar is-sorveljanza finanzjarja Ewropea.

Emenda 2

Artikolu 1(1) tad-direttiva proposta

(Emenda għad-Direttiva 98/26/KE (3) – Artikolu 6(3))

“3.   L-Istat Membru msemmi f'paragrafu 2 għandu jinnotifika immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq stabbilita minn Regolament …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għandu jikkomunika lil dan tal-aħħar l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dmirijietu.”

“3.   L-Istat Membru msemmi f'paragrafu 2 għandu jinnotifika immedjatament bid-deċiżjonijiet meħuda skont il-paragrafu 1 lill-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-banek ċentrali tal-Istati Membri u l-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq stabbilita minn Regolament …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha, malli tiċievi din l-informazzjoni, tinnotifika immedjatament lis-sistemi u lill-operaturi tas-sistema indikati bid-deċiżjonijiet meħudin skont il-paragrafu 1.

Spjegazzjoni:

L-emenda proposta għall-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 98/26/KE hija titjib sinifikanti ħafna fis-sens tal-konsegwenzi li jirriżultaw mit-tnedija ta’ proċeduri għall-falliment fir-rigward tal-irrevokabbiltà u l-finalità tal-eżekuzzjoni għall-ordnijiet għat-trasferiment. Madanakollu, dawn il-konsegwenzi huma importanti għas-sorveljanti ta’ sistemi ta’ pagament, ikklerjar u saldu u infrastruttura kruċjali oħra. Għalhekk, il-lista tad-distribuzzjoni għan-notifiki ta’ proċeduri bħal dawn għandha titkabbar sabiex tkun tinkludi mhux biss lill-Kummissjoni u lill-AETS iżda wkoll lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) u lill-BĊE, flimkien mas-SEBĊ, peress illi għandhom dmirjiet statutorji esklussivi fil-qasam tas-sorveljanza ta’ sistemi ta’ pagament, ikklerjar u saldu.

Barra minn hekk, huwa importanti illi l-Kummissjoni, b’effett immedjat, tgħaddi n-notifiki dwar it-tnedija ta’ proċeduri għall-falliment lill-entitajiet relevanti koperti mill-iskop tad-Direttiva 98/26/KE, u b’hekk tiżgura illi l-ebda ordni għat-trasferiment ma jiġi eżegwit minn entitajiet bħal dawn fejn ikunu jew misshom ikunu jafu dwar it-tnedija ta’ proċeduri għall-falliment.

Finalment, ir-referenza fid-direttiva proposta għall-obbligu tal-Istat Membru li jipprovdi kull informazzjoni neċessarja lill-AETS għandha titħassar peress illi qed jiġi suġġerit illi l-Kummissjoni għandha tkun fdata bid-dmirijiet tan-notifika. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu biss informazzjoni marbuta mad-deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/26/KE u mhux l-informazzjoni kollha meħtieġa għad-dmirijiet tal-AETS. Hemm ukoll emenda editorjali minuri għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) li tiċċara l-iskop eżatt tal-obbligu tan-notifika.

Emenda 3

Artikolu 1(2) tad-direttiva proposta

(Emenda għad-Direttiva 98/26/KE – l-ewwel sotto-paragrafu tal-Artikolu 10(1))

“L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw is-sistemi, u l-operaturi tas-sistemi rispettivi, li għandhom ikunu inklużi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva u għandhom jinnotifikaw bihom lill-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq u jinfurmawha dwar l-awtoritajiet magħżulin skont l-Artikolu 6(2). L-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq għandha tippubblika dik l-informazzjoni fis-sit elettroniku tagħha.”

“L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw is-sistemi, u l-operaturi tas-sistemi rispettivi, li għandhom ikunu inklużi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva u għandhom jinnotifikaw bihom lill-Kummissjoni u jinfurmawha dwar l-awtoritajiet magħżulin skont l-Artikolu 6(2). Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni fis-sit elettroniku tagħha.”

Spjegazzjoni:

Il-Kummissjoni stabbiliet il-lista tas-sistemi notifikati wara l-adozzjoni tad-Direttiva 98/26/KE u din il-prattika hija stabbilita tajjeb. Għalhekk, jekk jittieħed kont tad-dmir bażiku tal-BĊE li jippromwovi l-operat bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament u l-funzjonijiet ta’ sorveljanza tal-BĊE/BĊNi li jikkonċernaw is-sistemi ta’ pagament, ikklerjar u saldu, il-BĊE jikkunsidra illi l-Kummissjoni għandha tkompli taqdi din il-funzjoni.

Emenda 4

(Emenda għad-Direttiva 2002/87/KE (4) – l-ewwel sotto-paragrafu tal-Artikolu 12(1) (ġdid))

“L-awtoritajiet kompetenti jistgħu ukoll jiskambjaw mal-awtoritajiet segwenti informazzjoni bħal din li tista' tkun meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet rispettivi tagħhom, fir-rigward ta’ entitajiet regolati f’konglomerat finanzjarju, skont id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-regoli settorjali: il-banek ċentrali, is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew.”

(L-ebda emenda fid-direttiva proposta)

“L-awtoritajiet kompetenti jistgħu ukoll jiskambjaw ma’ banek ċentrali (inkluż il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali), l-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza u l-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku informazzjoni bħal din li tista' tkun meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet rispettivi tagħhom, fir-rigward ta’ entitajiet regolati f’konglomerat finanzjarju, skont id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-regoli settorjali.”

Spjegazzjoni:

Xkiel għall-qsim tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-banek ċentrali, l-AES u l-BERS fil-kuntest tad-Direttiva 2002/87/KE għandu jitneħħa.

Emenda 5

(Emenda għad-Direttiva 2003/41/KE (5) – Artikolu 20a (ġdid))

L-ebda test

“Artiklu 20a

Segretezza professjonali u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għal awtorità kompetenti. L-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma tistax tinkixef lil xi persuna jew awtorità oħra ħlief skont id-disposizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin kull meta meħtieġ biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom u jużaw is-setgħat tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu l-assistenza lil awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra.

3.   Paragrafu 1 m’għandux iżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali jew milli jittrasmettu informazzjoni kunfidenzjali lill-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX) jew lill-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku (BERS). Informazzjoni li tiġiskambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-AEAPX jew il-BERS għandha tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali.”

Spjegazzjoni:

Id-dispożizzjoni dwar is-segretezza professjonali u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti normalment tinsab fid-direttivi dwar is-settur finanzjarju u għandha ukoll tiġi inkluża fid-Direttiva 2003/41/KE. Il-qsim ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-awtoritajiet kompetenti mal-EAPX u l-BERS tista’ tkun meħtieġa għall-qadi tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom u kull xkiel legali għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni bħal din għandu jitneħħa.

Emenda 6

Artikolu 6(11)(b) tad-direttiva proposta

(Emenda għad-Direttiva 2004/39/KE (6) – Artikolu 58(5))

“5.   L-Artikoli 54, 58 u 63 m’għandhomx iżommu lil awtorità kompetenti milli titrasmetti lill-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq, lill-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku imwaqqaf minn Regolament …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lill-banek ċentrali, lis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u lill-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, u, fejn xieraq, lil awtoritajiet publiċi oħra responsabbli għas-sorveljanza ta’ sistemi ta’ pagament u saldu, informazzjoni kunfidenzjali intiża għall-qadi ta’ dmirijiethom; bl-istess mod dawn l-awtoritajiet jew korpi m’għandhomx jinżammu milli jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni bħal din li jistgħu jkollhom bżonnha biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom li huma msemmijin f'din id-Direttiva.”

“5.   L-Artikoli 54, 58 u 63 m’għandhomx iżommu lil awtorità kompetenti milli titrażmetti lill-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq, lill-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku imwaqqaf minn Regolament …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u lill-banek ċentrali, inklużi l-banek ċentrali nazzjonali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u lill-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, , informazzjoni kunfidenzjali fejn din l-informazzjoni hija ntiża għall-qadi ta’ dmirijiethom, inklużi l-ġestjoni tal-politika monetarja u l-forniment tal-likwidità relatata, is-sorveljanza ta’ sistemi ta’ pagament, ikklerjar u saldu, u l-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja; bl-istess mod dawn l-awtoritajiet jew korpi m’għandhomx jinżammu milli jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni bħal din li jistgħu jkollhom bżonnha biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom li huma msemmijin f'din id-Direttiva.”

Spjegazzjoni:

L-emenda proposta għandha l-għan li tiżgura l-konsistenza mad-dispożizzjonijiet korrispondenti li huma diġa preżenti fid-direttivi settorjali l-oħra u, partikolarment, fid-Direttiva 2006/48/KE.

Emenda 7

Artikolu 9(10) tad-direttiva proposta

Emenda għad-Direttiva 2006/48/KE – Artikolu 44(2)

“2.   Il-Paragrafu 1 m’għandux iżomm lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri varji milli jiskambjaw informazzjoni jew jittrasmettu informazzjoni lill-Awtorità Bankarja Ewropea skont din id-Direttiva u Direttivi oħrajn li japplikaw għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dik l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali elenkati fil-paragrafu 1.”

“2.   Il-Paragrafu 1 m’għandux iżomm lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri varji milli jiskambjaw informazzjoni jew jitrażmettu informazzjoni lill-Awtorità Bankarja Ewropea skont din id-Direttiva, Direttivi oħrajn li japplikaw għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-Artikoli [12], 20 u 21 tar-Regolament …/… [ABE]. Dik l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali elenkati fil-paragrafu 1.”

Spjegazzjoni:

L-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2006/48/KE kif emendata mid-direttiva proposta diġa tiċċara illi l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqsmu l-informazzjoni mal-ABE. Din il-kjarifika tikkorrelata mal-emenda proposta tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2006/48/KE li tawtorizza lil awtoritajiet kompetenti biex jitrażmettu informazzjoni lill-BERS, partikolarment f’każijiet imsemmijin fl-Artikolu 130(1) tad-Direttiva 2006/48/KE.

L-emenda proposta tintroduċi fl-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2006/48/KE referenza espressa għall-Artikoli 20 u 21 tar-regolament propost dwar l-ABE. L-Artikolu 20 tar-Regolament …/… [EBA] jittratta l-ġbir ta’ informazzjoni mill-ABE mingħand awtoritajiet kompetenti. Taħt l-Artikolu 21 tal-istess regolament, l-ABE għandha tikkoopera mal-BERS u tipprovdi lill-BERS b’informazzjoni regolari u aġġornata għall-qadi ta’ dmirijietha, kif speċifikat fl-Artikolu 15 ta’ Regolament …/… [BERS].

Meta jinqraw flimkien l-Artikolu 44(2) emendat tad-Direttiva 2006/48/KE, dawn iż-żewġ artikoli tar-regolament propost dwar l-ABE u r-regolament propost dwar il-BERS, huwa ċċarat illi l-ABE hija intitolata li tkompli tgħaddi lill-BERS l-informazzjoni kollha li tkun irċeviet mingħand l-awtoritajiet kompetenti u li hija meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-BERS.

Kieku l-Artikolu 12 tar-Regolament …/… [ABE] dwar il-kulleġġ tas-sorveljanti jiġi emendat kif propost f’paragrafu 2.2.3 ta’ din l-opinjoni, dan l-artikolu għandu jiġi ukoll imsemmi espliċitament fl-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2006/48/KE sabiex jiġi ċċarat illi l-ABE tista’ taqsam l-informazzjoni li tkun irċeviet mingħand il-kulleġġi tas-sorveljanti mal-BERS.


(1)  Id-direttiva proposta ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat. Ċitazzjonijiet tat-Trattat fit-testi proposti mill-Kummissjoni jridu jiġu adattati.

(2)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi it-tħassir ta’ test.

(3)  Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar il-finalità tal-ħlas f’sistemi ta’ saldu ta’ pagamenti u s-sistemi ta’ ħlas ta’ titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, pġ. 45).

(4)  Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplimentari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

(5)  Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-sorveljanza tal-istituzzjonijiet li jipprovdu għall-irtirar mix-xogħol (ĠU L 235, 23.9.2003, pġ. 10).

(6)  Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, pġ. 1).


Fuq