EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52014HB0002

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 23 ta’ Jannar 2014 li temenda r-Rakkomandazzjoni BĊE/2011/24 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (BĊE/2014/2)

ĠU C 51, 22.2.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 51/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta’ Jannar 2014

li temenda r-Rakkomandazzjoni BĊE/2011/24 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna

(BĊE/2014/2)

(2014/C 51/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 5.1 u t-tielet inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) teżiġi li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ, jew mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra minbarra l-BĊNi, jew direttament mill-aġenti ekonomiċi, sabiex iwettaq il-kompiti tas-SEBĊ. It-tieni sentenza tal-Artikolu 5.1 tipprovdi li għal dawn l-għanijiet għandu jikkoopera mal-istituzzjonijiet jew mal-korpi tal-Unjoni, mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew ta' pajjiżi terzi, u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Artikolu 5.2 jistabbilixxi li l-BĊNi għandhom iwettqu, sa fejn hu possibbli, il-kompiti deskritti fl-Artikolu 5.1.

(2)

Fil-każijiet fejn, skont ir-regoli nazzjonali u l-prattiċi stabbiliti, l-aġenti li jirrapportaw jagħtu t-tagħrif neċessarju lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra minbarra l-BĊNi, dawn l-awtoritajiet u l-BĊNi rispettivi tagħhom għandhom jikkooperaw flimkien biex jiżguraw li jintlaħqu r-rekwiżiti statistiċi tal-BĊE. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi l-istabbiliment ta’ struttura permanenti għat-trażmissjoni tad-dejta, sakemm l-istess riżultat ma jkunx diġà miksub mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Preżentament, dan ir-rekwiżit jikkonċerna kooperazzjoni bejn l-Uffiċju Ċentrali tal-Istatistika fl-Irlanda u Banc Ceannais na hÉireann/Central Bank of Ireland, u bejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’Malta u l-Bank Ċentrali ta’ Malta/Central Bank of Malta. Barra minn hekk, fil-Finlandja, mill-1 ta’ Jannar 2014, Statistics Finland se tieħu f’idejha l-kompitu tal-ġbir u l-kompilazzjoni tat-tagħrif neċessarju fil-qasam tal-istatistika esterna mingħand Suomen Pankki. Sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti statistiċi msemmija aktar ’il fuq, Suomen Pankki u Statistics Finland għandhom jikkooperaw flimkien.

(3)

Bil-ħsieb tal-ħtieġa li r-Rakkomandazzjoni BĊE/2011/24 tiġi indirizzata lil Finland Statistics u tal-fatt li l-BĊE se jistabbilixxi, iżomm u jippubblika fuq il-websajt tiegħu lista ta’ awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li ġew innotifikati lill-BĊE mill-BĊNi relevanti bħala dawk involuti fil-ġbir u/jew il-kompilazzjoni tal-istatistika esterna u li ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2011/24 għandha tkun indirizzata lilhom fil-futur, ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2011/24 għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA I

Emenda

Taqsima IV tar-Rakkomandazzjoni BĊE/2011/24 hija sostitwita b’dan li ġej mill-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

“TAQSIMA IV

Dispożizzjonijiet finali

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni BĊE/2004/16 mill-1 ta’ Ġunju 2014.

2.

Ir-referenzi għar-Rakkomandazzjoni BĊE/2004/16 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din ir-Rakkomandazzjoni.

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika fl-Irlanda, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f'Malta, Statistics Finland fil-Finlandja, u lil dawk l-awtoritajiet kompetenti oħra li jistgħu minn żmien għall-ieħor jiġu fdati bil-ġbir u/jew il-kompilazzjoni tal-istatistika esterna fl-Istati Membri u huma inklużi fil-lista tal-awtoritajiet kompetenti li hija stabbilita, miżmuma u ppubblikata mill-BĊE fuq il-websajt tiegħu.

4.

Id-destinatarji huma mitluba li jagħmlu lil din ir-Rakkomandazzjoni effettiva mill-1 ta’ Ġunju 2014, jew mid-data tal-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-awtoritajiet kompetenti msemmija f’paragrafu 3, fejn din id-data hija wara l-1 ta’ Ġunju 2014.”

TAQSIMA II

Destinatarji

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Uffiċju Ċentrali tal-Istatistika fl-Irlanda, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’Malta, u Statistics Finland fil-Finlandja.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta’ Jannar 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.


Fuq