EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52010AB0006

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 11 ta’ Jannar 2010 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE (CON/2010/6)

ĠU C 19, 26.1.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta’ Jannar 2010

dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda

d-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE

(CON/2010/6)

2010/C 19/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-14 ta’ Ottubru 2009 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (1) (minn issa ’l quddiem id-“direttiva proposta”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi d-Direttiva proposta fiha disposizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla ostakoli tal-politiki dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Kull osservazzjoni li hawn f’din l-Opinjoni hija mingħajr preġudizzju għall-Opinjoni tal-BĊE dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (2).

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE jilqa’ l-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investitur, billi jkun hemm informazzjoni fil-prospetti li tkun iktar sempliċi u faċli biex tinqara. B’mod partikolari għal titoli inqas standardizzati, bħal titoli sostnuti minn assi, u għal tipi oħrajn ta’ titoli sostnuti b’garanziji, b’mod partikolari bonds koperti, sommarju mfisser tajjeb li jinkludi informazzjoni ewlenija fuq it-titoli kif ukoll fuq il-partijiet involuti, u sistema komprensiva ta’ responsabbiltà dwar l-informazzjoni fis-sommarju, ikunu utli għall-investituri u r-regolaturi biex tiġi żgurata l-paragunabbiltà mhux biss bejn il-klassijiet tal-assi imma wkoll bejn it-titoli ġewwa l-klassijiet ta’ assi.

1.2.

F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ b’ħeġġa d-djalogu kurrenti bejn il-BĊE, l-awtoritajiet kompetenti u l-industrija fuq il-possibbiltà li jinħoloq standard għal data ta’ referenza fuq titoli u min jagħmel il-ħruġ, bil-għan li din id-data tkun disponibbli għal min ifassal il-politika, ir-regolaturi u s-swieq finanzjarji permezz ta’ infrastruttura pubblika internazzjonali. Infrastruttra bħal din tipprovdi lill-partijiet interessati kollha b’data ta’ kwalità għolja meħtieġa biex tipproduċi analiżi iktar f’waqthom u analiżi affidabbli ta’ swieq finanzjarji dejjem iktar kumplessi, speċjalment fi żmien ta’ taqlib (3).

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

Żvelar ta’ operazzjonijiet ta’ self ta’ banek ċentrali taħt il-leġislazzjoni tal-UE

2.1.

Id-Direttiva 2003/71/KE (4), id-Direttiva 2004/109/KE (5) u leġislazzjoni oħra tal-UE (6) fihom diversi rekwiżiti dwar l-iżvelar għall-benefiċċju tas-swieq u l-protezzjoni ta’ investituri. Uħud minn dawn id-Direttivi jipprovdu għal eċċezzjonijiet għar-regoli ta’ żvelar. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/71/KE: ‘L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-post tista’ tawtorizza l-ommissjoni mill-prospett rigward ċertu tagħrif ipprovdut f’din id-Direttiva jew fil-miżuri ta’ implimentazzjoni riferiti fl-Artikolu 7(1), jekk tikkunsidra li: (a) l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif ikun kuntrarju għall-interess pubbliku’. L-ebda eċċezzjoni simili ma hija pprovduta fid-Direttiva 2004/109/KE.

2.2.

Għandu jiġi stabbilit qafas legali ċar biex jiffaċilita t-tmexxija bla xkiel u mgħaġġla tal-operazzjonijiet ta’ self jew ta’ faċilitajiet oħra ta’ likwidità ta’ banek ċentrali, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, kif enfasizzat il-kriżi finanzjarja riċenti. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li informazzjoni dwar is-self jew faċilitajiet oħra ta’ likwidità ta’ banek ċentrali mogħtija lil istituzzjoni ta’ kreditu partikolari, inkluża assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza, tinżamm kunfidenzjali biex tikkontribwixxi għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja in ġenerali u biex tinżamm il-kunfidenza tal-pubbliku f’perijodu ta’ kriżi. L-eċċezzjoni msemmija iktar ’il fuq taħt l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2003/71/KE tista’ konċepibbilment tintuża bħala bażi legali biex ma jkunx hemm żvelar ta’ xi informazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ self tal-banek ċentrali, inkluża l-assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza. Madankollu, eċċezzjoni għall-obbligi ta’ żvelar għandha tkun espliċita fil-leġislazzjoni rilevanti kollha tal-UE. Barra minn hekk, il-funzjonament bla xkiel tas-sistema finanzjarja jeħtieġ eċċezzjoni ċara, billi analiżi tal-ħtieġa għal żvelar għal kull każ tista’ toħloq nuqqas ta’ ftehim f’sitwazzjoni fejn hemm bżonn ta’ azzjoni mgħaġġla. Għal dawn ir-raġunijiet, qed isiru proposti għal emendi tad-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE fl-Anness u emendi korrispondenti għandhom jiddaħħlu fil-leġislazzjoni rilevanti kollha tal-UE li tipprovdi għal rekwiżiti ta’ żvelar.

2.3.

Il-BĊE huwa lest li jikkoopera iktar mal-Kummissjoni fuq din il-kwistjoni.

3.   Proposti għall-abbozzar

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li tiġi emendata d-direttiva proposta, proposti ta’ abbozzar speċifiċi qed jidhru fl-Anness, akkumpanjati b’test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta’ Jannar 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean Claude-TRICHET


(1)  KUMM(2009) 0491 finali.

(2)  KUMM(2009) 0576 finali.

(3)  Ara ‘Remarks on the future of European financial regulation and supervision’ [Rimarki fuq il-futur tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja] indirizz ewlieni minn Jean-Claude TRICHET, President tal-BĊE, fil-Kumitat ta’ Regolaturi tat-Titoli Ewropej, Pariġi, it-23 ta’ Frar 2009, disponibbli fuq http://www.ecb.europa.eu

(4)  Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE, ĠU L 345, 31.12.2003, pġ. 64.

(5)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE, ĠU L 390, 31.12.2004, pġ. 38.

(6)  Jiġifieri r-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat fuq il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji, ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11; is-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat fuq il-kontijiet konsolidati, ĠU L 193, 18.7.1983, p.1; id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), ĠU L 96, 12.4.2003, pġ. 16.


ANNESS

Proposti ghall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

L-Artikolu 2(1)(e)(i) tad-Direttiva 2003/71/KE

“(e)

‘investituri kwalifikati’ tfisser:

(i)

Persuni jew entitajiet li jitqiesu jew jiġu trattati fuq talba bħala klijenti professjonali skont l-Anness II għad-Direttiva 2004/39/KE, jew rikonoxxuti bħala kontropartijiet eliġibbli skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/39/KE.”

“(e)

‘investituri kwalifikati’ tfisser:

(i)

Persuni jew entitajiet li jitqiesu jew jiġu trattati fuq talba bħala klijenti professjonali skont l-Anness II għad-Direttiva 2004/39/KE, jew rikonoxxuti bħala kontropartijiet eliġibbli skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/39/KE. Persuni jew entitajiet li jiġu ttrattati fuq talba bħala klijenti mhux professjonali, skont l-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala investituri kwalifikati.”

Spjegazzjoni:

Id-definizzjoni ta’ investitur kwalifikat fid-Direttiva 2003/71/KE tinkludi espliċitament il-BĊE u l-banek ċentrali (Artikolu 2(1)(e)(ii)); bħala konsegwenza, l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett ma japplikax meta offerta ta’ titoli tiġi indirizzata lilhom biss (Artikolu 3(2)(a)). Taħt id-direttiva proposta m’għadx hemm referenza espliċita għall-BĊE u l-banek ċentrali bħala investituri kwalifikati, iżda d-definizzjoni ġdida proposta ta’ “investituri kwalifikati” tinkludi “persuni jew entitajiet li jitqiesu jew jiġu trattati fuq talba bħala klijenti professjonali skont l-Anness II għad-Direttiva 2004/39/KE, jew rikonoxxuti bħala kontropartijiet eliġibbli skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/39/KE”. Il-BĊE u l-banek ċentrali huma kkunsidrati t-tnejn bħala klijenti professjonali u rikonoxxuti bħala kontropartijiet eliġibbli, għalhekk il-BĊE jifhem li normalment ikomplu jiġu kkunsidrati bħala investituri kwalifikati. Madankollu, mhuwiex car fid-direttiva proposta x’sistema ser tkun applikabbli għall-klijenti professjonali li huma ttrattati fuq talba bħala mhux professjonali, skont l-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE. Għaċ-ċarezza, l-emenda proposta tallinja l-lista ta’ klijenti professjonali u kontropartijiet eliġibbli taħt id-Direttiva 2004/39/KE mal-lista ta’ investituri kwalifikati taħt id-Direttiva 2003/71/KE, skont l-iskop tal-emenda tal-Kummissjoni (ara l-premessa 6 tad-Direttiva proposta).

Emenda 2

L-Artikolu 8(2a) tad-Direttiva 2003/71/KE (ġdid)

L-ebda test

“2a.   M’għandu jkun hemm ebda rekwiżit sabiex il-prospett u kwalunkwe suppliment tiegħu ikun fih informazzjoni dwar self jew faċilitajiet oħra ta’ likwidità ta’ bank ċentrali (inkluż l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza) mogħti lil istituzzjoni ta’ kreditu partikolari minn bank ċentrali tas-SEBĊ.

Spjegazzjoni:

L-operazzjonijiet ta’ self ta’ bank ċentrali (inkluż l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza) għall-benefiċċju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu partikolari, iridu jinżammu kunfidenzjali, sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u b’hekk ma jżidux l-istress fis-sistema bla bżonn. Il-funzjonament bla xkiel tas-sistema finanzjarja jeħtieġ eċċezzjoni ċara, billi analiżi tal-ħtieġa għal żvelar għal kull każ tista’ toħloq nuqqas ta’ ftehim f’sitwazzjoni fejn hemm bżonn ta’ azzjoni mgħaġġla.

Emenda 3

L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2004/109/KE (ġdid)

L-ebda test

“4.   M’għandu jkun hemm ebda rekwiżit li l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikoli 4, 5 u 6 ikollha tagħrif dwar self jew faċilitajiet oħra ta’ likwidità ta’ bank ċentrali (inkluż l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza) mogħti lil istituzzjoni ta’ kreditu partikolari minn bank ċentrali tas-SEBĊ.

Spjegazzjoni:

L-operazzjonijiet ta’ self ta’ bank ċentrali (inkluż l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza) għall-benefiċċju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu partikolari, iridu jinżammu kunfidenzjali, sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u b’hekk ma jżidux l-istress fis-sistema bla bżonn. Il-funzjonament bla xkiel tas-sistema finanzjarja jeħtieġ eċċezzjoni ċara, billi analiżi tal-ħtieġa għal żvelar għal kull każ tista’ toħloq nuqqas ta’ ftehim f’sitwazzjoni fejn hemm bżonn ta’ azzjoni mgħaġġla.

Test kurrenti

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 4

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

“1.   L-Artikoli 9 u 10(ċ) m’għandhomx japplikaw għal ishma provduti lil jew mill-membri tas-SEBĊ fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, inklużi ishma provduti lil jew minn membri tas-SEBĊ bħala rahan jew xiri mill-ġdid jew ftehim simili għal likwidità mogħtija għal finijiet ta’ politika monetarja jew fi hdan sistema ta’ ħlasijiet.”

“1.   L-Artikoli 9 u 10(ċ) m’għandhomx japplikaw għal ishma provduti lil jew mill-membri tas-SEBĊ fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, inklużi ishma provduti lil jew minn membri tas-SEBĊ bħala rahan jew xiri mill-ġdid jew ftehim simili għal likwidità mogħtija għal finijiet ta’ politika monetarja jew fi ħdan sistema ta’ ħlasijiet jew fil-kuntest ta’ faċilitajiet oħra ta’ self jew likwidità ta’ bank ċentrali (inkluż l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza).”

Spjegazzjoni:

L-operazzjonijiet ta’ self ta’ bank ċentrali (inkluż l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza) għall-benefiċċju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu partikolari, iridu jinżammu kunfidenzjali, sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u b’hekk ma jżidux l-istress fis-sistema bla bżonn. Il-funzjonament bla xkiel tas-sistema finanzjarja jeħtieġ eċċezzjoni ċara, billi analiżi tal-ħtieġa għal żvelar għal kull każ tista’ toħloq nuqqas ta’ ftehim f’sitwazzjoni fejn hemm bżonn ta’ azzjoni mgħaġġla.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. It-tħassir fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jitħassar test.


Fuq